1.2.2.3 Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka tkun meħtieġa b’mod speċjali fl-aħħar taż-żminijiet *** 1.2.2.3.1 Is-sehem ta’ Marija fl-aħħar żminijiet (Para. 49-54)

Dak li Luċifru tilef bis-suppervja, Marija rebħet bl-umilta’. Dak li Eva qerdet bid-diżubbidjenza, Marija salvat bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ntlifet hi, u magħha wliedha li hi tagħtu; u billi Marija kienet perfettament fidila lejn Alla, Marija salvat l-uliedha kollha u l-qaddejja li hi ġabret magħha, u ddedikathom lill-Maesta’ Divina. — San Alwiġi Maria De Montford

49. Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza. Dan ġara, biex il-bnedmin li ma tantx kien għadhom mgħallma u mdawla fuq il-Persuna tal-Iben, ma jitbegħdux iżjed minnu, bix-xewqa u l-ġibda umana tagħhom lejn Marija, kif aktarx kien jiġri kieku kienu tassew jafuha, għas-sbuħija li Alla xeħet fuqha anke minn barra. Dan hu hekk veru, li San Dijonisju l-Areopaġita kiteb illi meta hu ra lill-Madonna kien jaħsibha xi Alla minħabba l-ġmiel tas-sbuħija risplendenti tagħha li kieku s-saħħa tal-fidi ma kinitx għallmitu xort’oħra. Madankollu, fit-tieni miġja ta’ Ġesu’ Kristu, Marija se tkun imħabbra u murija mill-Ispirtu s-Santu biex permezz tagħha, Ġesu’ Kristu jista’ jkun magħruf, maħbub u moqdi. Ir-raġunijiet li ġegħlu lill-Ispirtu s-Santu jaħbi l-Għarusa tiegħu, meta kienet fid-dinja u li jħalliha tidher wisq ftit meta l-Vanġelu xxandar għall-ewwel darba m’għandhomx jeżistu.

50. Mela, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet:

1. għaliex bl-umilta’ profonda tagħha li nħbiet f’din id-dinja u tant tbaxxiet aktar mit-trab, qalgħet mingħand Alla, mill-Appostli u mill-Evanġelisti tiegħu li ma tiġix mgħarrfa lid-dinja;

2. għaliex billi Marija hi l-kapulavur ta’ Alla hekk kemm fl-art bil-grazzja, kif is-sema bil-glorja, Alla jrid li hi tkun igglorifikata u mfaħħra fuq l-art mill-bnedmin;

3. u ladarba hi ż-żerniq ta’ filgħodu li jiġi qabel u jħabbar ix-Xemx tal-Ġustizzja, Ġesu’ Kristu, jixraq li hi tkun magħrufa u jarawha biex permezz tagħha l-bnedmin jistgħu jagħrfu lil Kristu;

4. ladarba hija t-triq li minnha ġie fostna Ġesu’ Kristu l-ewwel darba, hekk għad tkun dik it-triq, meta Hu jiġi t-tieni darba għalkemm il-mod ikun xort’oħra;

5. ladarba Hi l-mezz żgur u t-triq dritta u bla tebgħa, li minnha aħna nimxu lejn Kristu u nsibuh perfettament, hu permezz ta’ Marija li dawk l-erwieħ iddestinati għall-qdusija tal-għaġeb, f’dawk l-aħħar jiem, isibu lil Kristu. Min isib lil Marija jsib il-ħajja, jiġifieri jsib lil Ġesu’ Kristu, li Hu t-Triq, l-Verita’ u l-Ħajja. Imma min ma jfittixhiex ma jistax isibha lil Marija. Lanqas ma jfittixha min ma jafhiex, għax ħadd ma jfittex jew jixtieq ħaġa li ma jafx biha. Għalhekk Marija għandha tkun magħrufa aktar minn qabel, għall-glorja u għall-għarfien akbar tat-Trinita’ Qaddisa;

6. F’dak l-aħħar żmien Marija għad tiddi bi ġmiel li qatt ma deher bħalu, fil-ħniena, fis-setgħa u fil-grazzja. Fil-ħniena, biex tiġbor flimkien u tilqa’ fl-imħabba lill-imsejkna midinbin u l-erwieħ mitluba li għad jikkonvertu u jirritornaw lejn il-Knisja Kattolika. Fis-setgħa kontra l-għedewwa ta’ Alla, il-pagani, ix-xiżmatiċi, Mawmettani, Lhud, u dawk li webbsu qalbhom fid-dnub li għad iqumu u jkunu ta’ periklu billi jqarrqu u jbiegħdu mill-Knisja b’wegħdiet u theddid lil dawk kollha li ma jkunux magħhom. Fil-grazzja biex tagħti l-kuraġġ u s-saħħa lis-suldati qalbiena u l-qaddejja fidili ta’ Kristu li jiġġieldu għalih;

7. Fl-aħħar Marija għad tkun terribbli bħall-eżerċtu lest għat-taqbida, speċjalment f’dawk l-aħħar żminijiet kontra d-demonju u l-ħbieb tiegħu. Billi d-demonju jaf li ż-żmien qed joqrob, Satana kuljum jirdoppja l-isforzi tiegħu u l-istrateġiji tiegħu, biex jindanna l-erwieħ tal-bnedmin kontra l-qaddejja fidili u l-ulied veri ta’ Marija. Billi r-rebħa tagħhom hi aktar diffiċli minn tal-bnedmin l-oħra, hu jqajjem persekuzzjonijiet ġodda u jpoġġilhom nases tal-biża’ quddiemhom.

Capture1251. Hija b’referenza speċjali għal dawk il-persekuzzjonijiet kiefra tal-aħħar, u li jiżdiedu kuljum sas-saltna tal-Antikrist li aħna għandna nifhmu l-ewwel profezija u saħta famużi tAlla, ippronunzjati fil-Ġenna tal-Art, kontra s-serpent. Għall-glorja tal-Verġni Mqaddsa, għas-salvazzjoni ta’ wliedha u għall-konfużjoni ta’ Satana, jixraq li hawn nikkummentaw fuqha. “Jiena nqajjem mibgħeda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, Hu jistħaqlek rasek u inti tisħaqlu għarqubu.” (Ġen 3,15).

52. Alla gwerra waħda ħalaq, imma hi gwerra li ma tiqafx, u li tiżdied fis-saħħa u l-ħruxija sal-aħħar tad-dinja. Din hi t-taqbida bejn Marija, l-Omm setgħana tiegħu u x-xitan, bejn uliedu l-qaddejja ta’ Marija u l-ulied u l-istrumenti ta’ Satana. L-għadu l-aktar tal-biża’ mela, li Alla qajjem kontra x-xitan hi Marija, Ommu Imqaddsa. Anke fi żmien it-tkeċċija mill-Ġenna tal-Art, meta Marija kienet għadha biss ħsieb fil-moħħ t’Alla, Alla ta lil Marija tant mibgħeda għall-għadu misħut t’Alla u tant enerġija biex tikxef il-malizzja ta’ dan is-serp qadim, tant saħħa biex tirbaħ, tirfes u tisħaq dan l-esseri supperv u ħażin, illi Satana iżjed jibża’ minnha milli mill-Anġli u mill-bnedmin kollha, u saħansitra f’ċertu sens, anke minn Alla stess. Il-korla, il-mibgħeda u s-setgħa t’Alla huma żgur aktar minn dawk tal-Verġni Mqaddsa ladarba s-setgħat ta’ Marija huma limitati. Biss hu minnu li:

a) billi Satana huwa spirtu supperv isofri aktar meta jkun mirbuħ u kkastigat minn qaddejja umli u ċkejkna t’Alla, illi l-umilta’ tagħha ċċekknu aktar b’mistħija milli jiċċekken bis-setgħa t’Alla;

b) u billi Alla ta’ lil Marija setgħa hekk kbira fuq ix-xjaten li jibżgħu iżjed minn tnehida tal-Madonna għall-ruħ milli jibżgħu mit-talb tal-qaddisin kollha u jitwerwru u jitilqu aktar bil-biża’ minn theddida waħda li hi tagħmel kontrihom milli jibżgħu mit-torturi l-oħra kollha, kif bosta drabi kienu mġegħla jammettu kontra qalbhom permezz ta’ xi wieħed ppossessat.

53. Dak li Luċifru tilef bis-suppervja, Marija rebħet bl-umilta’. Dak li Eva qerdet bid-diżubbidjenza, Marija salvat bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ntlifet hi, u magħha wliedha li hi tagħtu; u billi Marija kienet perfettament fidila lejn Alla, Marija salvat l-uliedha kollha u l-qaddejja li hi ġabret magħha, u ddedikathom lill-Maesta’ Divina.

54. Alla ma qiegħedtx mibgħeda biss bejn Marija u x-xitan, imma wkoll bejn in-nisel tiegħu tagħha u n-nisel tiegħu. Fi kliem ieħor, Alla nissel mibgħeda, antipatija u għira moħbija bejn l-ulied veri u qaddejja ta’ Marija u l-ilsiera ta’ Satana. M’hemmx imħabba bejn dawn iż-żewġ razez, ladarba m’hemm l-ebda kuntatt interjuri bejniethom. Ulied Belial, l-ilsiera ta’ Satana, il-ħbieb tad-dinja (għax hi l-istess ħaġa), dejjem ippersegwitaw u jkomplu jagħmlu hekk, bi vjolenza akbar, lil dawk kollha li huma tal-Verġni Mqaddsa, sewwa sew kif fl-antik, Kajjin ippersegwita lil ħuh, Abel, u Eżaw lil ħuh Ġakobb, dawn kienu xbihat tal-ħżiena u l-ippredestinati. Imma l-Madonna dejjem tirbaħlu lil dan is-serpent supperv, ir-rebħa hekk kbira li tisħaqlu rasu fejn tinbet dis-suppervja. Hi dejjem issiblu l-ħażen tiegħu u turi l-pjanijiet infernali tiegħu. Hi tfarrak il-pariri djaboliċi tiegħu u tħares lill-qaddejja fidili tagħha mill-kefrija ta’ difrejh sal-aħħar taż-żminijiet.

Iżda din is-setgħa ta’ Marija fuq ix-xjaten għad tiddi bi glorja speċjali fl-aħħar żminijiet meta Satana jdur għal għarqubha jiġifieri għall-qaddejja umli tagħha u għall-uliedha msejkna li hi tqajjem biex jiġġieldu ma’ ġenbha. Huma jkunu żgħar u tal-ebda mportanza f’għajnejn id-dinja, li jistgħu jiġu mxebbha mal-għarqub li pparagunat mal-membri l-oħra tal-ġisem, hu dejjem mgħaffeġ u mirfus taħt. Iżda, bi tpattija, huma jkunu mżejna bil-grazzji t’Alla li l-Madonna tagħtihom bl-abbundanza. Il-qdusija tagħhom tagħmilhom kbar, u mgħollija f’għajnejn Alla. Iż-żelu mħeġġeġ tagħhom jgħollihom fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha. Tant ikunu msaħħin bl-għajnuna t’Alla, illi bl-umilta’ ta’ għarqubhom, maqgħudin ma’ Marija, huma jisħqu ras is-serpent infernali, u jġibu rebħa għal Ġesu’ Kristu.

Advertisements