4.3 Tweġibiet għal xi oġġezzjonijiet (Para. 131-134)

Hu sewwasew lejn ir-ruħ li tkun għexet sew din id-Devozzjoni li titlob minnha ġenerożita’ totali, li jkunu l-iktar ġenerużi s-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu u Ommu l-Imqaddsa. U dan sew f’dil-ħajja, u sew fl-oħra fl-ordni tan-natura tal-grazzja u tal-glorja. — San Alwiġi Maria De Montford

ta-pinu-painting131. Ma tistax tiġi oġġezzjonata li din id-devozzjoni, hi jew ġdida jew tista’ ma tagħżilhiex. Mhix xi ħaġa ġdida ladarba l-Konċilji, is-Santi Padri u bosta awturi sew antiki kemm moderni jitkellmu minn din il-konsagrazzjoni lis-Sinjur Tagħna fit-tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, bħala ħaġa li kienet ipprattikata mill-Insara sa mill-ewwel żminijiet u li kienet imħeġġa fuq l-Insara kollha; mhix xi ħaġa li tista’ tagħżilha jew le, ladarba l-bidu ta’ kull diżordni li hemm fis-soċjeta’, u konsegwentement tad-dannazzjoni tal-Insara, tista’ ssibu fil-fatt li din il-prattika tiġi mwarrba u għall-attitudni ta’ indifferenza li għandhom lejha.

132. Xi ħadd jista’ joġġezzjona li din id-devozzjoni – li biha aħna nagħtu l-valur ta’ opri tajba kollha tagħna, it-talb, it-tgħakkis, il-karita’, lis-Sinjur Tagħna, mill-idejn tal-Verġni l-aktar Imbierka – tħallina bla saħħa, għall-aħħar, biex ngħinu l-erwieħ ta’ niesna, ta’ ħbiebna u tal-benefatturi tagħna. Jiena nwieġeb l-ewwel li ħadd ma jista’ jissopponi għal mument wieħed li niesna, ħbiebna u l-benefatturi tagħna se jsofru xi telf, bħala riżultat tad-devozzjoni u konsagrazzjoni tagħna nfusna mingħajr riserva, għas-servizz tas-Sinjur Tagħna u tal-Imqaddsa Ommu. Li tissopponi dan tkun qed tagħmel inġustizzja lit-tjubija u s-setgħa ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jafu tajjeb kif jgħinu lil qrabatna, ħbiebna u benefatturi tagħna, mill-ġid fqir spiritwali tagħna jew minn imkejjen oħra.

It-tieni, din id-devozzjoni ma ċċaħħadniex li nitolbu għall-oħrajn, sew ħajjin kif ukoll mejtin, basta l-applikazzjoni tal-opri tajba tagħna jkunu kollha mħollija dipendenti mir-rieda tal-Imqaddsa Verġni. Fil-verita’ jiġri l-kuntrarju: din id-devozzjoni iġġegħelna nitolbu b’fiduċja akbar għall-oħrajn. Immaġina l-każ ta’ wieħed sinjur li biex jonora l-prinċep kbir, jagħtih dak kollu li għandu. Wieħed bħal dan ma jfittixx b’fiduċja akbar, mingħand dan il-prinċep, xi karita’ għal xi ħabib tiegħu li ġie jitolbu xi ħaġa? Ikun ukoll ta’ pjaċir għall-prinċep li jkollu okkażżjoni juri l-gratitudni tiegħu lejn xi ħadd li neża’ kollox, biex ilibbes lilu, li sar tallab biex jonorah. L-istess għandna ngħidu mis-Sinjur Tagħna u mill-Verġni Mqaddsa; huma qatt ma jħallu min jgħaddihom fil-gratitudni.

133. Oġġezzjoni oħra possibli hi: jekk jien nagħti l-valur tal-opri tiegħi kollha lill-Verġni Mqaddsa biex hi tapplikhom lil min jidhrilha, forsi jiena jkolli nsofri għal żmien twil fil-purgatorju. Din l-oġġezzjoni li ġejja mill-imħabba tagħna nfusna u mill-injoranza fuq il-ġenerożita’ t’Alla, tal-Omm Imbierka, tinħall waħidha. Ikkunsidraw dil-kwalita’ ta’ ruħ li għandna f’moħħna kollha fervur u ġenerożita’ dejjem tqiegħed l-interessi t’Alla qabel tagħha; tagħti ‘l Alla dak kollu li għandha, mingħajr riservi, tant li ma baqgħalniex x’tagħti; tixxennaq biss għas-Saltna Ġesu’ Kristu permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa, u tissagrifika ruħha kollha kemm hi biex iġġib ‘il quddiem din is-Saltna. Issa, għiduli – din ir-ruħ tkun ikkastigata fid-dinja l-oħra, sempliċiment għaliex kienet aktar ġeneruża u iktar ma tħobbx lilha nfisha mill-oħrajn? Veru, bil-maqlub! Għaliex kif se naraw aktar ‘il quddiem f’dan il-ktieb, hu sewwasew lejn din ir-ruħ li jkunu l-iktar ġenerużi s-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu u Ommu l-Imqaddsa. U dan sew f’dil-ħajja, u sew fl-oħra fl-ordni tan-natura tal-grazzja u tal-glorja.

134. Issa se naraw, fil-qosor kemm jista’ jkun il-motivi li jirrikmandawlna din id-devozzjoni; l-effetti tal-għaġeb li ġġib fir-ruħ tal-fidili, u l-prattiki ewlenin tagħha.

Advertisements