5.3 Din id-Devozzjoni taqlgħalna l-għajnuna ta’ Marija *** 5.3.1 Marija tagħti lilha nnifisha lill-ilsir tagħha ta’ mħabba (Para. 144-145)

Marija wkoll tagħti lilha nfisha lilna, kollha kemm hi u b’mod l-aktar ħelu. Hi ddaħħalna fl-abbiss tal-grazzji tagħha, iżżejjinna bil-merti tagħha, twiżinna bis-setgħa tagħha, iddawwalna bid-dija tagħha, u tgħannaqna bl-imħabba tagħha, tikkommunikalna l-virtujiet tagħha: l-umilta’ tagħha, il-fidi tagħha, il-purita’ tagħha… — San Alwiġi Maria De Montford

19396654_1849133442073071_124292978857308167_n144. Hawn niġu għat-tielet mottiv. Il-Verġni Mqaddsa – li hi Omm il-ħlewwa u l-ħniena, u li ħadd ma jgħaddiha fil-ġenerożita’ u fl-imħabba meta tara li aħna qed nagħtu lilna nfusna, kollna kemm aħna lilha biex nagħtuha ġieh u naqduha, billi niċċaħħdu minn dak kollu li hu għażiż għalina, biex inżejnu lilha. Bi tpattija, hi wkoll tagħti lilha nfisha lilna, kollha kemm hi u b’mod l-aktar ħelu. Hi ddaħħalna fl-abbiss tal-grazzji tagħha, iżżejjinna bil-merti tagħha, twiżinna bis-setgħa tagħha, iddawwalna bid-dija tagħha, u tgħannaqna bl-imħabba tagħha, tikkommunikalna l-virtujiet tagħha: l-umilta’ tagħha, il-fidi tagħha, il-purita’ tagħha… Hi tidħol bħala pleġġ għalina u tissuplixxi għan-nuqqasijiet tagħna. Hi l-għażiża f’kollox għalina flimkien ma’ Ġesu’. Billi aħna kollna kemm aħna kkonsagrati lil Marija, Marija hi wkoll kollha kemm hi tagħna; għad li kull wieħed minna jista’ jgħid għalih innifsu dak li San Ġwann l-Evanġelista jgħid għalih, li hu ħa ‘l Verġni Mqaddsa għalih innifsu: Accepit eam discipulus in sua (Ġw 19,27)

145. Jekk nibqgħu fidili, dan inissel f’ruħna sfiduċja kbira u mibgħeda lejna nfusna, flimkien ma’ fiduċja sħiħa fil-Verġni Mqaddsa, l-Omm twajba tagħna. Inissel ukoll sottomissjoni perfetta lejha. Ma nibqgħux nafdaw aktar fid-diżpożizzjonijiet, l-intenzjonijiet, il-merti u fl-opri tajba tagħna. Għamilna offerta sħiħa lil Ġesu’ Kristu mill-idejn ta’ din l-Omm twajba, u għalhekk għandna teżor wieħed fejn jinsabu l-oġri kollha tagħna, u issa m’għandhomx iżjed tagħna. Dan it-teżor hi Marija.

Dan li jġegħilna nersqu lejn is-Sinjur Tagħna mingħajr biża’ servili jew ansejta’, u nitolbuh b’fiduċja kbira. Dan hu li jġegħilna nħossu s-sentimenti tal-Abbe Rupert, Saċerdot devot u għaref, li b’referenza għar-rebħa li Ġakobb kellu fuq anġlu, indirizza lill-Madonna b’dal-kliem ħelu: “O Marija, prinċepessa tiegħi u Omm Immakulata ta’ Alla- Bniedem, Ġesu’ Kristu, jien nixtieq nissielet billi nissieħeb ma’ dak il-Bniedem – mal-Kelma Divina – mhux armat bil-merti tiegħi imma armat b’tiegħek…”

Kemm inkunu setgħana u b’saħħitna ma’Ġesu’ Kristu meta nkunu armati bil-merti u l-interċessjoni ta’ din l-Omm denja ta’ Alla, illi kif igħid Santu Wistin rebħet bil-ħlewwa lil Dak li jista’ Kollox!

Advertisements

5.3.2 Marija ssaffi l-opri tajba tagħna, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha (Para. 146-150)

Meta jkollkom xi rigal li tixtiequ toffru ‘l Alla oqgħodu attenti li toffruh mill-idejn wisq mogħġuba u denji ta’ Marija – jekk naturalment ma tridux li tkunu rrifjutati. — San Bernard

Mary146. Ladarba b’din il-prattika tad-devozzjoni perfetta, aħna nagħtu lis-Sinjur Tagħna l-opri tajba kollha tagħna mill-idejn ta’ Ommu l-Imqaddsa, din l-Omm twajba ssaffihom, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha Divin.

1. Hi ssaffihom minn kull tebgħa ta’ mħabba tagħna nfusna, u mill-ġibda, li ma nindunawx biha, lejn il-ħlejqa li tidħol fl-aħjar opri tagħna. Meta l-opri tajba tagħna jkunu mogħtija fl-idejn ħabrieka u kollha safa ta’ Marija, dawn l-istess idejn li qatt ma kienu mittiefsa jew għażżiena, u jippurifikaw kulma jmissu, inaddfu r-rigal li nagħtuha, minn kull ħaġa li tista’ ttebbgħu u tagħmlu mperfett.

147. 2. Hi ssebbaħ l-opri tajba tagħha, billi żżejjinhom bil-merti u l-virtujiet tagħha. Qisu, bħallikieku bidwi li jixtieq ikun ħabib u jkollu l-ħbiberija tas-Sultan, imur ħdejn is-Sultana u jagħtiha tuffieħa li hi l-qliegħ tiegħu kollu bħala rigal, biex hi tippreżentaha lis-Sultan. Wara li taċċetta dar-rigal żgħir, is-Sultana tpoġġih ġo gabare’ kbir tad-deheb, u hekk tippreżentah lis-Sultan f’isem il-bidwi. Hekk it-tuffieħa, għalkemm fiha nfisha mhix rigal addattat biex jiġi preżentat lis-Sultan, issa ssir rigal xieraq għall-Maesta’ tiegħu, kemm minħabba l-gabare’ tad-deheb li fih tkun qiegħda, kif ukoll minħabba s-sbuħija tal-persuna li qed tippreżentah.

148. 3.Hi tippreżenta dawn l-opri tajba lil Ġesu’ Kristu. Hi tgħaddi kollox fedelment lil Binha Divin u ma żżomm xejn għaliha mill-opri tajba kollha offerti lilha. Meta nagħtu lilha, aħna bilfors nagħtu lil Ġesu’ Kristu, meta nfaħħruha u nigglorifikawha hi mill-ewwel tfaħħar u tigglorifika ‘l Ġesu’. Hi l-istess issa bħal meta faħħrtiha Santa Eliżabetta. Meta aħna nlissnulha l-kliem ta’ tifħir u benedizzjoni tagħna, hi mill-ewwel tgħolli l-leħen tagħha u tgħid: Magnificat anima mea Dominum (Lq 1,46)

149. 4. Hi tipperswadi lil Ġesu’ biex jilqa’ l-għemil tajjeb tagħna, kien kemm kien ċkejken u insinifikanti r-rigal tagħna meta nqabbluh mal-Maesta’ tal-Qaddis tal-Qaddisin u tas-Sultan tas-Slaten. Meta minn jeddna u billi nafdaw fuq il-bżulija u d-dispożizzjoni tajba tagħna, aħna noffru xi rigal lil Ġesu’ hu jiflih u spiss jirreġettah minħabba xi tebgħa li jkun ħa mill-imħabba tagħna nfusna, bħalma fl-antik Alla ma kienx jilqa’ s-sagrifiċċju tal-Poplu Magħżul, għaliex kienu mħassrin bihom nfushom. Imma meta aħna noffrulu xi ħaġa, mill-idejn puri u verġninali tal-Imqaddsa Ommu, aħna mmissuh fid-“debboli” tiegħu jekk nista’ nuża l-espressjoni popolari. Issa hu jkun fi ħsiebu iżjed f’Ommu l-maħbuba li tkun qed toffri r-rigal, milli fir-rigal stess. Hu hekk bl-id immakulata li qed toffri r-rigal, li ma joqgħodx jistaqsi minn fejn ġie r-rigal. Hekk, Marija li qatt ma hi miċħuda, imma dejjem milqugħa bil-ħlewwa u l-imħabba minn Binha, tagħmel dak kollu li toffri, kbir jew żgħir, mogħġub u aċċettabbli għall-Maesta’ Tiegħu. Il-fatt li tkun qed toffrih Marija hu biżżejjed biex iġġiegħel lil Ġesu’ jaċċettah u jieħu gost bih. Din hi l-massima ewlenija li San Bernard ta lil dawk li kien qiegħed imexxi fit-triq tal-perfezzjoni. “Meta jkollkom xi rigal li tixtiequ toffru ‘l Alla oqgħodu attenti li toffruh mill-idejn wisq mogħġuba u denji ta’ Marija – jekk naturalment ma tridux li tkunu rrifjutati.”

150. Forsi mhix din sewwa sew l-imġiba li n-natura tispira fl-umli meta jkollhom x’jaqsmu mal-kbarat ta’ din id-dinja, bħalma diġa’ rajna? Għaliex il-grazzja m’għandhiex iġġegħilna nagħmlu l-istess ħaġa m’Alla li hu infinitament ogħla minna u li quddiemu aħna anqas minn traba? Iktar, aħna għandna f’Marija Avukata, hekk qawwija li qatt ma tiġi rrifjutata, hekk għaqlija li taf il-mogħdijiet sigrieti kollha, biex tirbaħ il-favuri t’Alla, hekk ħanina u ta’ karita’ li ma tirrifjuta ‘l ħadd, kien ċkejken u midneb kemm kien. Iktar ‘il quddiem jiena nsemmi s-simbolu ċar ta’ dak li għedt fl-istorja ta’ Rebekka.