5.8 Din id-Devozzjoni hi mezz eċċellenti għall-perseveranza (Para. 173-182)

Meta żżommok Marija, int ma taqax, meta tħarsek, int ma tibżax; meta tmexxik, int ma tgħejjix; meta titbissimlek, inti tasal fil-port tas-salvazzjoni… — San Bernard

simonStock by Puget173. Fl-aħħar wasalna għat-tmiem mottiv li f’ċertu sens iħeġġiġna aktar bil-qawwa lejn din id-devozzjoni. Dan it-tmien mottiv hu li din id-devozzjoni hi mezz tal-għaġeb biex nipperseveraw fil-virtu’ u nibqgħu fidili sal-mewt. X’inhi r-raġuni li l-konversjoni fil-biċċa l-kbira tal-midinbin ma ddumx qawwija u sħiħa? Għaliex jerġgħu jaqgħu hekk ħafif fid-dnub? U għaliex il-biċċa l-kbira tal-ġusti, minflok ma jgħaddu ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, u minflok ma jaqilgħu żidiet ġodda ta’ grazzji, ħafna drabi, jitilfu l-ħażna żgħira ta’ virtu’ u ta’ grazzji li għandhom?

Kif diġa’ wrejt, din id-diżgrazzja tiġi mill-fatt illi l-bniedem – hekk imħassar, hekk debboli u hekk inkonsistenti – jafda fih innifsu u fuq l-forzi tiegħu, u jaħseb li hu kapaċi jżomm bla mittiefes it-teżor tal-grazzji, virtujiet u merti tiegħu. Issa b’din id-devozzjoni aħna nagħtu dak kollu li għandna lill-Verġni Mbierka biex tħarishulna hi. Aħna nagħżluha bħala l-kaxxaforti universali ta’ dak kollu li għandna, kemm min-natura kif ukoll mill-grazzja. Aħna nafdaw fil-fedelta’ tagħha. Aħna nibnu fuq il-ħniena u l-imħabba tagħha biex hi tkun tista’ tħares u tkabbar il-virtujiet u l-merti tagħna minkejja t-taħbit tad-dinja, tal-ġisem u tad-demonju, biex joħduhomlna. Aħna ngħidulha bħalma jgħid tifel twajjeb lil ommu, u bħalma qaddej fidil igħid lil sidu: DEPOSITUM CUSTODI. O twajba Ommi u Sinjura tiegħi, jien qed nagħraf li bl-interċessjoni tiegħek jien diġa’ rċevejt aktar grazzji milli kien jistħoqqli, u l-esperjenza qarsa tiegħi tgħallimni, li jien qed inġorr dan it-teżor f’vażett fraġli ħafna, u li jien wisq dgħajjef u msejken biex ikun responsabbli tal-ħarsien tiegħu. Jekk jogħġbok mela, ħu b’fiduċja dak kollu li għandi u ħarishuli bil-fedelta’ u s-setgħa tiegħek. Jekk inti tgħasses fuqi, jien ma nitlef xejn. Jekk inti tweżinni, jien ma naqax. Jekk int tħarisni, jien inkun imħares mill-għedewwa tiegħi.

174. San Bernard igħid dan kollu b’mod ċar biex iqanqal din id-devozzjoni fina: “Meta żżommok Marija, int ma taqax, meta tħarsek, int ma tibżax; meta tmexxik, int ma tgħejjix; meta titbissimlek, inti tasal fil-port tas-salvazzjoni…” San Bonaventura donnu jgħid l-istess ħaġa aktar ċar: “Il-Verġni Mbierka mhix biss miżmuma fil-milja tal-Qaddisin, imma hi wkoll twieżen u tħares lill-Qaddisin fil-milja tagħhom biex ma tonqosx. Hi toqgħod għassa biex il-virtujiet tagħhom ma jkunux imminati u l-merti tagħhom ma jkunux mitlufa, il-grazzji tagħhom ma jiġux korrotti u x-xitan ma jagħmlilhom ebda ħsara.” Fl-aħħarnett hi żżomm l-id tas-Sinjur tagħna merfugħa biex ma jikkastigahomx meta jidinbu.

175. Marija hi l-Verġni fidila, li bil-fedelta’ tagħha lejn Alla ssewwi t-telfiet li ġiebet Eva bl-infedelta’ tagħha meta ma kinitx fidila, u li taqla’ l-grazzja tal-fedelta’ lejn Alla u l-perseveranza sal-aħħar lil dawk li jingħaqdu magħha. Għalhekk wieħed Qaddis ixebbaħha ma’ ankra soda li żżomm sod lil dawk marbutin magħha u ma tħallihomx jegħrqu fl-ilmijiet imqallba ta’ din id-dinja, fejn ħafna jintilfu għaliex ma jingħaqdux ma’ Marija. “Aħna norbtu l-erwieħ, biex jafdaw fik bħallikieku ma’ ankra soda”, hu jgħid. Il-Qaddisin li huma qegħdin fil-glorja, intrabtu ma’ Marija biex ikunu jistgħu jipperseveraw fil-virtu’, u tħabtu biex jorbtu lill-oħrajn ukoll ma’ din is-Sinjura Qaddisa. Henjin, mela, u kuntenti għal elf darba, huma dawk l-Insara li issa jorbtu ruħhom bil-fedelta’ u għal kollox magħha bħallikieku ma’ ankra żgura u soda. Id-daqqiet tal-ilmijiet irrabjat ta’ din id-dinja ma jistgħux jgħarrquhom jew iġagħluhom jitilfu t-teżori tagħhom tas-sema. Henjin dawk li jidħlu fiha bħallikieku f’Arka ta’ Noe! L-ilma tad-dulluvju tad-dnub, li qed igħarraq tant nies, ma jagħmlilhom l-ebda ħsara; għaliex f’dawk li jaħdmu s-salvazzjoni tagħhom fiha ma jidinbux”… Qui operantur in me non peccabunt (Sr.24,30) tgħid Marija fil-kliem tal-Għerf Divin. Henjin l-ulied infidili ta’ Eva diżubbidjenti li jintrabtu ma’ Marija, mal-Verġni li dejjem tibqa’ fidila, u żżomm il-wegħdiet tagħha: “Hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2,13). Hi dejjem tibqa’ tħobb lil dawk li jħobbuha. “Jien inħobb lil min iħobbni” (Prov 8,17), u dan mhux biss b’imħabba effettiva u effikaċi, billi ma tħallihomx iwarrbu l-prattika tal-virtu’, li jaqgħu fit-triq u li jitilfu l-grazzja ta’ Binha, billi tagħtihom abbundanza ta’ grazzji.

176. Minħabba t-tjubija ta’ qalbha, din l-Omm twajba dejjem taċċetta dak li aħna nagħtuha biex tħarisulna. U meta tkun irċevietu bħala depożitu, hi tkun marbuta bil-ġustizzja u permezz tal-kuntratt ta’ fiduċja, biex iżżommhulna intatt. Sewwa sew bħal persuna li f’idejha nafda elf lira, hi tkun obbligata li tħarishomli, u jekk bi traskuraġni titlifhomli, hi tkun responsabbli tat-telf ta’ din taħt il-ġustizzja. Imma Marija li hi hekk fidila mhix se tħalli dak li ġie fdat f’idejha jintilef bi traskuraġni tagħha; aktar igħaddu s-sema u l-art, milli tkun Marija traskurata u nfidila lejn dawk li jafdaw fiha.

177. Imsejka wlied ta’ Marija! Jien naf li d-dgħjufija tagħkom hi kbira ħafna u li l-inkonsistenza tagħkom kbira wkoll, u n-natura tagħkom midruba sewwa, għaliex intom ġejjin mill-kotra tal-ulied ta’ Adam u Eva mmarkati bid-dnub. Imma agħmlu l-kuraġġ! La tħallux dan jaqtgħalkom qalbkom, ifirħu għax għandkom is-sigriet li qed ngħallimkom – sigriet li kważi l-Insara kollha, anke l-aktar devoti, ma jafux bih. La tħallux id-deheb u l-fidda tagħkom fis-sniedaq li diġa’ ġew skassati u misruqa mill-ispirtu ħażin u li huma żgħar, dgħajfa u anke qodma wisq biex iżommu teżor hekk kbir u prezzjuż. La tpoġġux l-ilma ċar u safi tal-għajn fil-ġarar tagħkom, li huma kollha mtebbgħin u infettati bid-dnub; għax għalkemm id-dnub m’għadux hemm, ir-riħa tiegħu tibqa’, u din hi biżżejjed biex tħassar l-ilma. La taħżnux l-aħjar inbid tagħkom f’damiġġjani qodma, li kienu mimlija b’inbid ħażin għaliex imbagħad l-inbid tagħkom jiġi mniġġeż u jkun fil-periklu li jitħassar.

178. Għalkemm intom, erwieħ ippredestinati tifhmuni sewwa, hawnhekk irrid nitkellem aktar ċar. La tafdawx id-deheb tal-imħabba tagħkom fi xkora mtaqqba, lanqas il-fidi tal-grazzja tas-sema, u l-inbid tal-merti tagħkom f’ġarra mxaqqa u mtebbgħa; għax intom dawn kollha. Inkella tkunu misruqin mill-ħallelin – jiġifieri mid-demonji li qegħdin għassa lejl u nhar, jistennew is-siegħa li jagħmlu dan; intom iċċappsu kull rigal safi li Alla jagħtikom, bir-riħa tal-imħabba tagħkom infuskom, bir-rieda tagħkom, u billi taħsbu li intom m’għandkom bżonn ta’ ħadd. Ferrgħu fil-għan u l-qalb ta’ Marija t-teżori, il-grazzji u l-virtujiet tagħkom, għaliex hi għamara spiritwali, għamara ta’ unur u għamara singulari ta’ devozzjoni. Għamara tal-Ispirtu s-Santu, għamara ta’ kull grazzja, għamara ta’ kull tjieba. Ladarba Alla nnifsu fil-persuna u bil-perfezzjonijiet Tiegħu kollha, ingħalaq ġo din din l-għamara, din saret kollha spiritwali, u d-dar spiritwali tal-erwieħ l-aktar spiritwali. Hi saret ta’ unur, u t-tron tal-unur tal-prinċpijiet setgħana tal-eternita’. Saret singulari fid-devozzjoni, u l-aktar għamara msemmija għall-ħlewwa, għall-grazzja u għall-virtu’. Saret għanja bħal dar tad-deheb u qawwija bħal torri ta’ David, u safja bħal torri tal-avorju.

179. Kemm hu tassew imbierek dak li ta kollox lil Marija u li jafda fiha f’kollox u għal kollox! Hu kollu ta’ Marija u Marija hi kollha tiegħu, u ma’ David jista’ jagħmel il-kuraġġ jgħid: “Din hi l-barka li messet lili” (S 118,56). “Marija ġiet maħluqa għalija” inkella mad-dixxiplu l-maħbub, “Accepi eam in mea” (Ġw 19,27). “U min dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”, jew ma’ Ġesu’ Kristu, “Omnia mea sunt, et omnia tua mea sunt.” Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak kollu li hu tiegħek huwa tiegħi.” (Ġw 17,40)

180. Jekk xi wieħed li jikkritika, meta jaqra dan jaħseb li jien qed ngħid eseġerazzjoni minħabba d-devozzjoni fervoruża żżejjed, jaħasra, dan mhux jifhimni – għaliex hu bniedem marbut mal-ġisem li ma jiggustax il-ħwejjeġ tal-ispirtu, jew inkella tad-dinja, u għalhekk ma jistax jirċievi l-Ispirtu s-Santu, jew inkella għax hu bniedem supperv, li jikkundanna jew imaqdar dak kollu li hu ma jifhimx. Erwieħ li huma mweldin, mhux mid-demm jew mill-ġibda tal-ġisem, jew mir-rieda tal-bniedem, imma minn Alla u minn Marija, jifhmuni u jiggustaw dak li qed ngħid. Hu għalihom li jien qed nikteb.

181. Madankollu, biex nerġgħu niġu għas-suġġett, jien ngħid sewwa lil wieħed u kemm lill-ieħor illi Marija tas-sema, billi hi l-aktar fidila u ġeneruża fost il-krejaturi kollha, mhi ser tħalli ‘l ħadd jirbaħha fl-imħabba u l-ġenerosita’. U kif igħid wieħed qaddis: “Għal bajda hi tagħti gendus”, għal ftit li nagħtuha hi tagħti lura bil-ħafna mill-abbundanza li hi rċiviet mingħand Alla. Għalhekk jekk ruħ tagħti lilha nfisha għal kollox lilha, hi bi tpattija tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lil dik ir-ruħ. U jekk mingħar preżunzjoni, u filwaqt li jagħmel ħiltu biex jakkwista l-virtu’ u jrażżan il-passjonijiet tiegħu, wieħed ipoġġi l-fiduċja kollha tiegħu f’Marija, hi tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lilu.

182. Ħalli mela l-qaddejja fidili tal-Verġni Mbierka jgħidu bil-kuraġġ ma’ San Ġwann Damaxxenu: “Meta nafda fik, o Omm Alla, jien inkun salv; taħt il-ħarsien tiegħek jien ma nibżax; bl-għajnuna tiegħek, jien neħodha kontra l-għedewwa tiegħi u neqridhom; għaliex id-devozzjoni lejk hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.”

Advertisements