6.1 L-Istorja ta’ Ġakobb (Para. 184) Interpretazzjoni tal-istorja ta’ Ġakobb

Is-Santi Padri jikkummentaw li Eżaw kien il-figura ta’ dawk, li jfittxu jqabblu ‘l Alla ma’ din id-dinja, jridu kieku jgawdu l-ħlewwiet tas-sema mingħajr ma jħallu l-pjaċiri tad-dinja.. — San Alwiġi Maria De Montford

10_Esau_Jacob_1024_JPEG184. Eżaw (Ġen 25,29-34) biegħ il-prima ġenitura tiegħu lil Ġakobb. Xi snin wara, Rebekka, omm dawn iż-żewġt aħwa, li kienet tħobb ħafna lil Ġakobb, aċċertatu minn dan il-vantaġġ bi strataġemma qaddisa u fl-istess ħin misterjuża. Iżakk, billi kien qed iħoss it-toqol tas-snin u billi kien jixtieq ibierek lil uliedu qabel ma jmut, sejjaħ lil ibnu Eżaw, li hu kien iħobb u ordnalu biex joħroġ għal kaċċa u biex meta jkun qabad xi ħaġa jsajjarhielu biex jiekol; u mbagħad ikun jista’ jbierku (Ġen 27). Rebekka malajr qalet kollox lil Ġakobb u talbitu jġibilha żewġ gidien mill-merħla. Meta ġiebhomlha, sajrithom b’mod li kienet taf li jogħġbu lil Iżakk. Imbagħad libbset lil Ġakobb bil-ħwejjeġ ta’ Eżaw u għattielu jdejh u għonqu bil-ġild tal-gidien, biex missieru li bilkemm seta’ jara, jaħseb li kien Eżaw, għallinqas bil-ġilda u x-xagħar ta’ jdejh, għalkemm il-vuċi li sama’ kienet bil-vuċi ta’ Ġakobb. Maħsud minn dal-leħen, Iżakk qal lil Ġakobb biex jersaq ħdejh, u meta mess il-ġild tax-xagħar li kien igħattilu jdejh qal li l-vuċi kienet ta’ Ġakobb, imma l-idejn kienu jdejn Eżaw.

Jacob Travels to see Esau 11Wara li Iżakk kiel u “xamm ir-riħa tfuħ ta’ ħwejġu bierku, u xtaqlu n-nida tas-smewwiet u l-frott tal-art u poġġih fuq ħutu u temm il-barka tiegħu b’dan il-kliem: “Misħut min jisħtek, imbierek min ibierkek” (Ġen 27).

Iżakk bilkemm laħaq spiċċa dal-kliem, meta daħal Eżaw iġorr il-laħam tal-kaċċa tiegħu diġa’ misjur, biex missieru jiekol u wara jbierku. Il-Patrijarka qaddis baqa’ ssummat meta ntebaħ x’kien ġara, imma minflok li rtira dak li kien għadu kif għamel, hu seddqu għax ra ċar l-id t’Alla f’din il-ġrajja. Imbagħad Eżaw “għajjat għajta kbira” kif tgħidilna l-Iskrittura u filwaqt li akkuża l-qerq ta’ ħuh, staqsa lil missieru jekk hux barka waħda kellu jagħti. Hawnhekk jikkummentaw is-Santi Padri, Eżaw kien il-figura ta’ dawk, li jfittxu jqabblu ‘l Alla ma’ din id-dinja, jridu kieku jgawdu l-ħlewwiet tas-sema mingħajr ma jħallu l-pjaċiri tad-dinja. Iżakk, imqanqal mill-biki ta’ Eżaw, fl-aħħar bierku, imma b’barka tal-art, u b’sottomissjoni lejn ħuh. Dan wassal lil Eżaw inissel mibgħeda hekk kbira lejn Ġakobb, li kien qed jistenna biss il-mewt ta’ missieru qabel ma joqtlu. Ġakobb ma kienx jeħles mill-mewt, kieku ommu ma ħarsitux bl-istarteġija tagħha u bil-pariri tajba li kienet tagħtih u li fuqhom kien jimxi.

Advertisements

6.1.1 Eżaw figura tal-ħżiena (Para. 185-190)

Il-ħżiena ma jħobbux il-ġabra interjuri, l-ispiritwalita’ u d-devozzjoni: huma jqisu ‘l dawk li jgħixu ħajja interjuri, maqtugħin mid-dinja, u li jaħdmu aktar f’ruħhom milli fid-dinja tal-bnedmin, bħala nies ta’ rashom marbuta, bla raġuni u primittivi. — San Alwiġi Maria De Montford

Jacob Travels to see Esau 2185. Qabel ma nikkummentaw fuq din l-istorja sabiħa, l-ewwel irridu ninnutaw skont is-Santi Padri u dawk li jinterpretaw l-Iskrittura Mqaddsa, li Ġakobb hu l-figura ta’ Kristu u tal-predestinati, waqt li Eżaw hu l-figura tal-ħżiena. Dan jidher ċar meta nikkunsidraw l-azzjonijiet u l-imġiba ta’ kull wieħed minn dawn it-tnejn.

1. Eżaw, il-kbir, kien f’saħħtu u mġissem, “kaċċatur tajjeb u bidwi.”
2. Ftit kont issibu d-dar, u kien jaħdem biss barra, b’fiduċja sħiħa f’saħħtu u bil-ħila tiegħu.
3. Ftit kien jitħabat biex jogħġob ‘l ommu, Rebekka, u xejn ma għamel għalija.
4. Kien hekk żaqqieq u jħobb l-ikel li biegħ il-primaġenitura tiegħu għal platt minestra tal-għadds.
5. Bħal Kajjin kien mimli għira għal ħuh Ġakobb u kien jippersegwitah bl-aħrax.

186. Hawn tassew naraw l-imġiba ordinarja tal-ħżiena.

1. Huma jafdaw fis-saħħa u l-bżulija tagħhom għas-suċċess tal-ġid temporali. Huma f’saħħithom ħafna, tas-sengħa sew, u mdawlin ħafna fuq l-affarijiet ta’ din id-dinja, imma dgħajfin u injoranti ħafna fuq il-ħwejjeġ tas-sema: “In terrenis fortes, in coelestis debiles.

09_Esau_Jacob_1024_JPEG187. 2. U għalhekk ma huma qatt jew kważi qatt id-dar – jiġifieri, huma jevitaw li joqgħodu miġbura fl-intern ta’ ruħhom, f’dak l-intern u għamara meħtieġa li Alla ta lil kull bniedem, biex igħix fih, fuq eżempju ta’ Alla nnifsu. Il-ħżiena ma jħobbux il-ġabra interjuri, l-ispiritwalita’ u d-devozzjoni: huma jqisu ‘l dawk li jgħixu ħajja interjuri, maqtugħin mid-dinja, u li jaħdmu aktar f’ruħhom milli fid-dinja tal-bnedmin, bħala nies ta’ rashom marbuta, bla raġuni u primittivi.

188. 3 Il-ħżiena ftit iħabblu rashom bid-devozzjoni lejn il-Madonna, l-Omm tal-magħżulin. Tassew li ma jobogħduhiex formalment, u jagħtuha xi tifħir, u jgħidu li jħobbuha. U jista’ jkun li jipprattikaw xi devozzjoni b’qima lejha wkoll. Imma mill-bqija ma jifilħux jissaportu lil xi ħadd li jħobbha ħafna, għaliex huma ma jħossux lejha dik it-tenerezza ta’ Ġakobb. Huma jikkritikaw u jagħtu tort lill-prattiki ta’ devozzjoni, li permezz tagħhom l-ulied it-twajba u l-qaddejja tagħha jfittxu li jaqilgħu l-imħabba tagħha.

Huma jsostnu li din id-devozzjoni mhix meħtieġa għas-salvazzjoni. Li ma jobogħduhiex formalment, u ma jmaqdrux id-devozzjoni tagħha fil-beraħ – dan, igħidu huma, u biżżejjed biex ikollhom l-imħabba tagħha u dik li jgħidu u jirrepetu xi ftit talb b’qima lejha, jew xi skop ta’ ndiema, iqisuh bħala biżżejjed biex jittimbrahom bħala qaddejja tagħha.

14_Esau_Jacob_1024_JPEG189. 4. Il-ħżiena jbiegħu l-primaġenitura tagħhom – il-glorja tas-sema – għal platt minestra tal-għadds – il-pjaċir tad-dinja. Huma jidħku, jixorbu u jieklu, jixxalaw, jilgħabu u jiżfnu u bħal Eżaw ma jagħmlu l-ebda sforz biex isiru denji tat-tberik tal-missier tas-sema. Fil-qasir, huma jaħsbu biss fid-dinja: huma jħobbu biss id-dinja, jitkellmu biss fuq id-dinja, u jfittxu biss il-pjaċiri tagħha.

Għall-pjaċir ta’ mument, għall-unur li qisu duħħan, għall-biċċa art ħarxa, għall-ftit muniti huma jbiegħu l-grazzja tal-Magħmudija, il-libsa tagħhom tal-innoċenza u l-wirt tagħhom tas-sema.

190. 5. Fl-aħħarnett il-ħżiena jobogħdu lill-ippredestinati, u jippersegwitawhom kuljum, bil-moħbi jew bil-miftuħ. Billi ma jifilħux jissaportu lill-ippredestinati huma jobogħduhom, jikkritikawhom, igħaddu ż-żmien bihom, u jagħmlulhom ħsara, jisirquhom, iqarrqu bihom, ifaqqruhom, ifittxuhom u jxejnuhom bħat-trab. Fl-istess ħin huma jistagħnew, jieħdu pjaċir, igħixu tajjeb, isiru għonja u setgħana u jgħixu bil-kumdita’.

6.1.2 Ġakobb figura tal-magħżulin (Para. 191-200)

Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). — San Alwiġi Maria De Montford

191. Issa kkunsidraw lil Ġakobb l-Iben żgħir.

1. Hu kien ta’ karattru kwiet, umli u jħobb il-paċi. Kien ħa d-drawwa jibqa’ d-dar kemm jista’ jkun, biex ikun jista’ aktar jitħabbeb m’ommu, Rebekka, li tant kien iħobb. Meta kien joħroġ mid-dar kien biss għaliex hi xtaqitu jagħmel hekk, mhux għax kien imqanqal minn xi xewqa tiegħu, jew għax kien jafda fil-ħila tiegħu.

192. 2 Din ix-xeħta li jħobb id-dar kienet ġejja mill-imħabba u mir-rispett li kellu lejn ommu. Hu kien jaħrab dak kollu li kien idejjaqha u kien jagħmel dak kollu li jidhirlu li jagħtiha pjaċir. Dan ġiegħel lil Rebekka tħobbu dejjem iżjed.

193. 3. Hu kien sottomess lejn ommu l-għażiża f’kollox. Kien jobdiha f’kollox malajr, bl-imħabba u bil-ferħ, kien ifittex jagħmel dak li kienet tixtieq, mal-iċken wirja tax-xewqa tagħha. Kien jaċċetta dak kollu li tgħidlu b’fiduċja sħiħa: per eżempju, meta qaltlu jġib żewġ gidien għall-ikla ta’ missieru, Iżakk, Ġakobb ma qagħadx igħidilha li gidi wieħed kien biżżejjed għal dak l-iskop. Mingħajr ma qagħad jistaqsi, hu għamel bl-eżattezza kollha, dak li qaltlu.

Jacob Travels to see Esau 7194. 4. Hu kellu fiduċja sħiħa f’ommu l-għażiża. Fl-ebda mod ma fada fuq il-ħila u l-inizjattiva tiegħu, imma biss fuq il-kura u l-ħarsien li tatu ommu. Kien ifittex l-għajnuna tagħha f’dak kollu li kien ikollu bżonn u kien jikkonsultaha fid-dubji tiegħu; per eżempju meta staqsieha, jekk flok il-barka jirċievi s-saħta ta’ missieru hu emminha u fada fis-sigurta’ li tatu li jekk din tingħatalu, hi tieħu din is-saħta fuqha nnfisha.

195. 5. Fl-aħħarnett hu kien jimita kemm jista’ jkun, il-virtujiet li kien jara f’ommu, u jidher li waħda mir-raġunijiet għaliex kien joqgħod id-dar setgħet kienet biex jimita ‘l ommu li kienet virtuża, u biex jaħrab il-ħbieb ħżiena li kienu jħassruh. B’dal-mod hu sar denn li jirċievi l-barka doppja ta’ missieru.

196. L-imġiba ta’ Ġakobb hija dik li tixbah ħafna il-ħajja ta’ kuljum tal-ippredestinati.

1. Huma jibqgħu d-dar m’ommhom: fi kliem ieħor huma jħobbu l-ġabra, u jikkoltivaw il-ħajja interjuri, jagħtu ruħhom għat-talb – imma dan kollu skont l-eżempju u fil-kumpanija ta’ Ommhom, il-Verġni Mqaddsa; li minnha jingħad, li l-glorja tagħha kollha hi minn ġewwa, li matul ħajjitha kollha, ħabbet tant il-ġabra u t-talb. Huma naturalment jidhru xi darba fid-dinja tal-bnedmin, imma biss biex jaqdu d-dmirijiet tal-istat tagħhom, permezz tal-ubbidjenza lejn ir-rieda t’Alla u tal-Omm għażiża tagħhom. Huma jagħmlu verament xogħol li jidher kbir quddiem id-dinja; imma huma japprezzaw aktar l-opri li jagħmlu minn ġewwa fl-irkejjen moħbija ta’ ruħhom, flimkien mal-Verġni Mqaddsa. Għaliex jafu li dawn l-opri kbar ta’ ġewwa, iwettqu x-xogħol il-kbir tal-perfezzjoni personali tagħhom, li barra minnu, ix-xogħol l-ieħor kollu, hu biss logħob tat-tfal.

Jacob Travels to see Esau 5Għalhekk jiġri li, waqt li ħuthom subien u bniet jagħtu ruħhom b’ħeġġa u enerġija kbira għas-suċċess tax-xogħol ta’ barra, li jġibilhom it-tifħir u l-applawsi tad-dinja, huma stess jirrealizzaw bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, li hemm wisq iżjed glorja, profitt u pjaċir li tibqa’ moħbi f’Ġesu’ Kristu, f’sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommhom, milli tagħmel għeġubijiet tan-natura u tal-grazzja fid-dinja bħal ħafna Eżaw u nies ħżiena tad-dinja. “Ġid u għana jkunu f’daru” (S112(111),3). Il-glorja t’Alla u l-ġid tal-bnedmin huma fid-dar ta’ Marija.

O Sinjur Ġesu’ kemm huma sbieħ l-għamajjar tiegħek! L-għasfur tal-belt sab dar għalih, u l-ħuttafa sabet bejta fejn tpoġġi ż-żgħar tagħha. Imbierek dak il-bniedem li jgħammar fid-dar ta’ Marija, fejn inti stess kont l-ewwel wieħed li għammart! Hi f’din l-għamara tal-magħżulin, li hu jirċievi għajnuna minnek biss, u li “f’qalbu jiddeċiedi li jitla’ bil-ftit il-ftit”, u bil-gradi fil-virtujiet kollha, “f’dal-wied tad-dmugħ”, sa ma jasal fil-quċċata tal-perfezzjoni. “Quam dilecta tabernacula tua”… (S 84 (83)).

197. 2. Il-Magħżulin iħobbu ħafna li jqimu tassew lill-Verġni Mbierka bħala Ommhom u s-Sinjura twajba tagħhom. Huma jħobbuha tassew mhux bit-tpaċpiċ biss; huma jqimuha mhux b’devozzjoni ta’ barra, imma fil-qiegħ ta’ qalbhom. Bħal Ġakobb huma jfittxu li ma jagħmlu xejn li jista’ jiddisgustaha, u b’fervur kbir jipprattikaw dak kollu li jaħsbu li jaqlgħalhom il-ħarsien u l-imħabba tagħha. Huma jġibulha u jagħtuha mhux żewġ gidien, bħalma ġab Ġakobb lil Rebekka, imma ruħhom u ġisimhom bil-fakultajiet u s-setgħat tagħhom, iffigurati fiż-żewġ gidien ta’ Ġakobb. Huma jagħmlu dan:

Jacob Travels to see Esau 61. Biex hi tirċeviehom bħallikieku kienu tagħha;

2. biex hi tkun tista’ toqtolhom, u ġġegħilhom imutu għad-dnub u għalihom infushom, billi tqaxxarhom u tneżżagħhom mill-ġilda tagħhom tal-imħabba tagħhom infushom, biex hekk isiru jogħġbu lil Binha, Ġesu’ Kristu, li jixtieq li jkollu bħala ħbiebu dixxipli tiegħu, dawk biss li huma mejta għalihom infushom;

3. biex hi tkun tista’ tħejjihom skont kif jogħġbu lill-Missier tas-sema u għall-akbar glorja tiegħu – li fuqu, hi taf wisq iżjed minn kull kreatura oħra;

4. u biex bil-kura u l-interċessjoni tagħha, dan il-ġisem u din ir-ruħ, imsoffija sewwa minn kull tebgħa tad-dnub, totalment mejta għalihom infushom, imneżżgħin tajjeb u mhejjija ħafna, jistgħu jsiru ikel bnin xieraq għal Missier tas-sema, u denji tal-barka tiegħu.

Mhix din eżattament l-imġiba ta’ dawk il-bnedmin magħżulin li jfittxu bil-pjaċir il-konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija, li qed ngħallmuhom u li jipprattikawha fedelment biex juru mħabba kuraġġuża u effettiva lejn Ġesu’ u Marija? Il-ħżiena, verament jgħidu li jħobbu lil Ġesu’, u li jħobbu u jqimu lil Marija, imma mhux bħall-magħżulin, li jagħtu mill-ġid tagħhom, lanqas li jissagrifikaw ġisimhom bis-sensi tiegħu u ‘l ruħhom bil-passjonijiet tagħha.

Jacob Travels to see Esau 8198. 3. Il-Magħżulin huma sottomessi u ubbidjenti lejn Marija, bħallikieku lejn Ommhom twajba, bħall-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, li għadda tletin sena minn ħajja ta’ tlieta u tletin sena biss fuq l-art, jigglorifika ‘l Alla, Missieru, permezz ta’ sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommu l-Imbierka. Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Acquiesce consillis mei.”, Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). Għaliex obda minn ommu Ġakobb irċieva l-barka qisu b’miraklu, għalkemm fl-ordni tan-natura ma kellux dritt għaliha; ukoll għaliex imxew fuq il-parir tal-Verġni Mbierka, il-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana ġew onorati bl-ewwel miraklu ta’ Ġesu’ Kristu, li biddel l-ilma f’inbid għat-talba tal-Imqaddsa Ommu. Hekk ukoll, dawk kollha li sal-aħħar taż-żmien jirċievu l-barka tal-Missier tas-Sema, u jkunu ffavoriti bil-ħwejjeġ tal-għaġeb t’Alla, jirċievu dawn il-grazzji biss għaliex kienu perfettament ubbidjenti lejn Marija. Mill-banda l-oħra dawk li jimxu wara Eżaw jitilfu l-barka tagħhom għaliex ma jridux jissottomettu ruħhom lejn il-Verġni Mbierka.

Jacob Travels to see Esau 10199. 4. Il-Magħżulin għandhom fiduċja kbira fit-tjieba u l-qawwa tal-Verġni Mbierka, l-Omm twajba tagħhom. Huma kontinwament isejħulha għall-għajnuna. Huma jqisuha bħal Kewkbet-is-Safar li turihom port tal-kenn, huma jiftħu qalbhom magħha, u jitkellmu magħha sinċerament fuq in-niket tagħhom, huma jintrabtu mal-ħniena u l-ħlewwa tagħha, biex, bl-interċessjoni tagħha, huma jkunu jistgħu jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom, jew biex bil-faraġ tagħha ta’ omm, jonqsulhom it-tbatijiet u l-għeja tagħhom. Hekk huma jintefgħu fil-ħdan verġinali tagħha ta’ omm, biex hemm b’mod tal-għaġeb jinħbew u jintilfu biex ikunu maqbudin f’tgħannieqa ta’ mħabba safja, biex huma jkunu msoffijin minn kull tebgħa ta’ dnub, u fejn ikunu jistgħu jsibu ‘l Ġesu’ għal kollox, fejn hu qiegħed bħallikieku fuq l-aktar tron glorjuż Tiegħu.

“X’kuntentizza hi din! La taħsbux” – igħid l-Abbati Guerric – “li hemm kuntentizza akbar li toqgħod fi ħdan Abram milli fil-ħdan ta’ Marija ladarba fiha kien is-Sinjur tagħna waqqaf it-tron tiegħu.” Mill-banda l-oħra, il-ħżiena jafdaw biss fihom infushom, u b’riżultat ta’ dan huma jieklu – bħall-iben il-ħali biss il-qxur li jieklu l-qżieqeż. Bħaż-żrinġijiet huma jieklu mill-art. U ladarba huma għandhom l-għatx tal-ulied tad-dinja għal dawk il-ħwejjeġ li jidhru biss minn barra, m’għandhom l-ebda ġibda għall-ħlewwa ta’ ħdan Marija, u lanqas ma jsibu dik il-qagħda u fiduċja żgura li l-magħżulin isibu fil-Verġni Mbierka, it-twajba Ommhom. Huma miżerabilment jippreferu jtaffu l-ġuħ tagħhom fost il-ħwejjeġ tad-dinja, igħid San Girgor, għaliex ma jridux iduqu l-ħlewwa li tinsab imħejjija f’ruħhom, u fil-qiegħ ta’ qalbhom ta’ Ġesu’ u ta’ Marija.

200. 5. Fl-aħħarnett il-magħżulin jimxu fil-mogħdiet ta’ Marija l-Omm twajba tagħhom: fi kliem ieħor huma jimitawha u b’hekk ikunu tassew kuntenti u devoti, u jkollhom it-timbru tal-predestinazzjoni tagħhom, skont kif din l-Omm twajba tgħidilhom: “Henjin dawk li jimxu fi triqati.” (Prov 8,32). Henjin dawk li jipprattikaw il-virtujiet tiegħi u li bl-għajnuna tal-Grazzja Divina jimxu mit-triq li jien għaddejt. Huma jkunu kuntenti f’din id-dinja, permezz tal-abbundanza ta’ grazzji u ta’ ħlewwiet, li jien nagħtihom mill-milja tiegħi – u nagħtihom b’abbundanza akbar milli nagħti lill-oħrajn li ma jimitawnix hekk fil-qrib. Huma jkunu kuntenti f’mewthom, li tkun ħelwa u kalma, u fejn jien bħas-soltu nkun preżenti biex neħodhom fil-ferħ tal-Eternita’, għaliex l-ebda wieħed mill-qaddejja fidili tiegħi, li kien jimita l-virtujiet tiegħi f’ħajtu, qatt ma ntilef. Mill-banda l-oħra, il-ħżiena huma mdejqa f’din id-dinja, f’mewthom u fl-Eternita’, għaliex ma jimitawx il-Verġni Mbierka fil-virtujiet tagħha, billi jikkuntentaw ruħhom biss li jinkitbu biss fil-fratellanzi tagħha, li jgħidu xi talb jew li jagħmlu xi devozzjoni oħra esterna b’qima lejha. O Verġni Mbierka, Omm twajba tiegħi, kemm huma mberkin – nerġa’ ntenniha mqanqal mill-ferħ – kemm huma mberkin dawk li ma jħallux lilhom infushom jiġu mmexxijin ħażin minn xi devozzjoni falza lejk, iżommu fedelment il-modijiet, il-pariri u l-ordnijiet tiegħek! Imma kemm huma mdejqin u misħutin dawk li filwaqt li jippretendu li għandhom qima lejk, ma jobdux il-Kmandamenti ta’ Ibnek! “Misħut min jitbiegħed mill-Kmandamenti tiegħek” (S 118,21).