8 KAPITLU – Prattiki Partikulari ta’ din id-Devozzjoni *** 8.1 Prattiki esterjuri (Para. 226)

F’din id-devozzjoni hemm xi prattiki esterjuri relevanti u dawn meta magħmula sewwa jgħinu ħafna lid-dispożizzjonijiet interni; għaliex billi l-bniedem hu kreatura, taħt l-influwenza qawwija tas-sensi, hu jkun ta’ sikwit imfakkar b’dawn il-prattiki, f’dak li jagħmel jew f’dak li għandu jagħmel; u għaliex, mhux bħad-dispożiżżjonijiet interjuri, dawn jistgħu jidhru minn barra, hu għalhekk huma tajbin għall-edifikazzjoni tal-proxxmu. — San Alwiġi Maria De Montford

fullsizerender-20226. Filwaqt li l-essenza ta’ din id-devozzjoni hija n-natura interjuri tagħha, hemm xi prattiki esterjuri relevanti li m’għandhomx jiġu traskurati “Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra” (Mt 23,23). Dan hu hekk għaliex il-prattiki esterjuri magħmula sewwa jgħinu ħafna lid-dispożizzjonijiet interni; għaliex billi l-bniedem hu kreatura, taħt l-influwenza qawwija tas-sensi, hu jkun ta’ sikwit imfakkar b’dawn il-prattiki, f’dak li jagħmel jew f’dak li għandu jagħmel; u għaliex, mhux bħad-dispożiżżjonijiet interjuri, dawn jistgħu jidhru minn barra, hu għalhekk huma tajbin għall-edifikazzjoni tal-proxxmu.

Mela ma jiġix xi bniedem tad-dinja jew wieħed li jrid jikkritika jgħidli illi l-vera devozzjoni qiegħda fil-qrib, li l-wirja minn barra għandha tkun maħruba, u li jista’ jkun hemm il-vanita’ f’dan kollu, illi d-devozzjoni għandha tkun moħbija u l-kumplament. Jien nirrispondi mal-Imgħallem tiegħi: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” ( Mt 5,16). Lanqas, bħalma jgħid San Girgor, m’għandu wieħed jagħmel azzjonijiet u devozzjonijiet esterni biex jogħġob lill-bnedmin u jfaħħruh – għaliex din tkun vanita’; iżda dawn l-azzjonijiet xi drabi jkunu magħmulin li jidhru mill-bnedmin, bl-intenzjoni li jfaħħru u jigglorifikaw ‘l Alla bla ma nħabblu rasna mit-tmaqdir u mit-tifħir tal-bnedmin.

Sa nsemmi fil-qosor ftit prattiki esterjuri li jien nsejħilhom “esterjuri” mhux għaliex m’hemmx intenzjoni “interjuri” fihom, imma għaliex għandhom xi sinjal minn barra, li jgħinhom biex jingħażlu mill-prattiki, li huma biss interjuri.

8.1.1 Il-Konsagrazzjoni u t-tħejjija (Para. 227-233)

“Jiena kollni tiegħek u kull m’għandi hu tiegħek, O Ġesu’ tiegħi l-aktar maħbub permezz ta’ Marija, l-Omm Qaddisa tiegħek.” — San Alwiġi Maria De Montford

vision-saint-louis-grignion-de-montfort227. L-Ewwel Prattika: Dawk li jixtiequ jadottaw din id-devozzjoni partikolari li għadha mhix ikkostitwita bħala Konfraternita’** (għalkemm dan hu mixtieq ħafna), għandhom jagħmlu dan li ġej: wara li jkunu għaddew għall-inqas tnax-il ġurnata, kif ktibt jien fl-ewwel parti ta’ din il-preparazzjoni għas-saltna ta’ Ġesu’ Kristu, li fihom jinżgħu mill-Ispirtu tad-dinja, li hu kuntrarju għal dak ta’ Ġesu’ Kristu** jridu jagħmlu tliet ġimgħat li fihom jimtlew bl-ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu permezz tal-Verġni Mbierka. Dan li ġej hu l-programm li fuqu għandhom jimxu:

228. Matul l-ewwel il-ġimgħa, huma għandhom joffru t-talb u l-attivitajiet spiritwali kollha tagħhom biex jaqilgħu d-don tal-għarfien tagħhom infushom u l-indiema ta’ dnubiethom. Huma jagħmlu dan kollu fi spirtu ta’ umilta’. Huma jistgħu jekk isibuh ta’ għajnuna jimmeditaw fuq dak li diġa’ għidna fuq n-natura tagħna u t-taħsir tagħha; jew nistgħu jaħsbu fuq dawn it-tliet massimi ta’ San Bernard: “Ftakar f’dak li kont, ftit trab; f’dak li int, ġarra tinten; f’dak li sejjer tkun, ikel għad-dud.” Huma għandhom jitolbu lis-Sinjur Tagħna u lill-Ispirtu s-Santu biex idawwalhom billi jżommu fuq fommhom dejjem dawn il-kelmiet:

“Mulej, agħmel li nara” (Lq. 18,14); jew “Noverim me”, jew “Veni Sancte Spiritus”. U wkoll jgħidu kuljum l-Ave Maris Stella u l-Litanija tal-Ispirtu s-Santu jew il-Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija.

229. Matul it-tieni ġimgħa l-qawwa kollha tat-talb u l-azzjonijiet tagħhom tkun diretta, biex jaqilgħu l-grazzja li jsiru jafu lill-Verġni Mqaddsa. Huma jfittxu dan it-tagħrif mingħand l-Ispirtu s-Santu. Isibuha ta’ għajnuna jekk jaqraw u jimmeditaw dak li ktibna fuq din il-materja. U bħal fl-ewwel ġimgħa huma jirreċitaw il-litanija tal-Ispirtu s-Santu u l-Ave Maris Stella; u magħhom iżidu r-Rużarju jew għall-inqas ħames posti tar-Rużarju għal din l-intenzjoni.

230. It-tielet ġimgħa jgħadduha fit-tħabrik, biex isiru jafu lil Ġesu’ Kristu. Huma jistgħu jaqraw u jimmeditaw dak li għidna fuq das-suġġett jew jgħidu t-talba ta’ Santu Wistin li tajniekom fl-ewwel taqsima ta’ dan il-ktieb. Mal-istess qaddis jistgħu jirrepetu għal mitt darba kuljum: “Noverim te”, “O Sinjur li kieku nista’ nagħrfek,” kif ukoll: “Domine ut videam” “O Sinjur li kieku nista’ naf min int!” Bħal fil-ġimgħatejn ta’ qabel huma jgħidu l-litanija tal-Ispirtu s-Santu u l-Ave Maris Stella; magħhom iżidu kull jum il-litanija tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’.

231. Fl-għeluq ta’ dawn it-tliet ġimgħat, huma jirċievu s-Sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin bl-intenzjoni li jagħtu lilhom infushom lil Ġesu’ Kristu bħala ilsiera ta’ mħabba mill-idejn ta’ Marija. U jfittxu li jirċievu t-Tqarbin Imqaddes skont il-metodu li se nġibu hawn taħt; imbagħad jirreċitaw il-formula tal-konsagrazzjoni tagħhom kif issibuha fl-appendiċi ta’ dal-ktieb. Jekk ma jkollhomx kopja stampata, huma għandhom jikkopjaw din il-formola ta’ konsagrazzjoni u jiffirmawha fl-istess jum li jagħmlu din il-Konsagrazzjoni.

232. Hu tal-parir, li f’din il-ġurnata joffru xi ħaġa lil Ġesu’ Kristu u lill-Verġni Mbierka, jew bħala penitenza għall-infedelta’ tagħhom lejn il-wegħdiet tal-Magħmudija, jew bħala sinjal estrem tad-dipendenza sħiħa tagħhom mill-ħakma ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Din l-offerta tkun skont id-devozzjoni u l-kapaċita’ ta’ kull persuna, u tista’ tkun sawma, mortifikazzjoni, karita’, jew xemgħa. Anke li kieku kienu jistgħu jagħtu biss labra tar-ras, bħala offerta għal Kristu din tkun biżżejjed, basta tkun mogħtija b’intenzjoni tajba – għax Hu jħares biss lejn ir-rieda tajba ta’ dak li jagħmel l-offerta.

233. Għallinqas darba fis-sena fil-ġurnata tal-anniversarju huma jerġgħu jġeddu l-konsagrazzjoni tagħhom u josservaw ukoll l-istess devozzjonijiet għal tliet ġimgħat. Huma jistgħu wkoll iġeddu din il-konsagrazzjoni kull xahar jew anki kull jum permezz ta’ dal-kliem: “Totus tuus ego sum, et omnia mea tua sunt.” “Jiena kollni tiegħek u kull m’għandi hu tiegħek, O Ġesu’ tiegħi l-aktar maħbub permezz ta’ Marija, l-Omm Qaddisa tiegħek.”

**Nota (1) Fl-1899 ġiet imwaqqfa f’Ottawa, il-Kanada l-ewwel Konfraternita’ ta’ Marija Sultana tal-Qlub, minn Mgr Duhamel. L-1913 il-Qdusija tiegħu l-Papa Piju X, waqqaf il-Konfraternita’ f’Ruma.

**Nota (2) Din il-parti mill-ktieb li ntilfet, iżda nistgħu nkunu nafu x’irid l-awtur mill-ktieb l-ieħor “L’Amour de la Sagesse Eternelle.”

8.1.2 Ir-Reċita tal-Kuruna ż-żgħira tal-Verġni Mbierka (Para. 234-235)

Ma nistgħux intawlu hawn biex ngħidu fuq il-varjeta’ ta’ modi kif tista’ tingħad bid-devozzjoni l-kuruna ż-żgħira. L-Ispirtu s-Santu jgħallimhom lil dawk li jkunu l-aktar fidili għal din id-devozzjoni. — San Alwiġi Maria De Montford

Our_Lady_of_Divine_Vocations234. It-tieni prattika: “Jirreċitaw, kull jum matul ħajjithom, mingħajr ma jagħmluha piż tqil għalihom, il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mqaddsa, li tikkonsisiti fi tliet Paternostrijiet u tnax-il Avemarija f’ġieh it-tnax-il privileġġ u splendur tal-Verġni Mqaddsa. Din id-devozzjoni hi qadima ħafna u hi bbażata fuq l-Iskrittura Mqaddsa. San Ġwann ra mara nkurunata bi tnax-il kewkba, imlibbsa bix-xemx u bil-qamar taħt riġlejha. Din il-mara jgħidu l-interpreti, hi l-Verġni Marija.

235. Ma nistgħux intawlu hawn biex ngħidu fuq il-varjeta’ ta’ modi kif tista’ tingħad bid-devozzjoni l-kuruna ż-żgħira. L-Ispirtu s-Santu jgħallimhom lil dawk li jkunu l-aktar fidili għal din id-devozzjoni, madankollu l-forma ġenerali tal-Kuruna ż-Żgħira li hi hekk:

Tibda biex tgħid: “Ħalli jkun jistħoqqli nfaħħrek Verġni Mbierka, agħtina l-qawwa konta l-għedewwa tiegħek.” Imbagħad tgħid il-Kredu u wara tgħid Paternoster, erba’ Avemarijiet u glorja. Wara terġa’ tgħid il-Pasternoster, erba’ Avemarijiet u glorja u tibqa’ sejjer sal-aħħar. Fl-aħħar tgħid is-“Sub tuum praesidium.” “Taħt il-ħarsien tiegħek.”

8.1.3 L-Użu tal-ktajjen (Para. 236-242)

Dawn il-ktajjen jintlibsu biex iħarsu u jipproteġu lil min jilbishom, mill-ktajjen tad-dnub u tax-xitan. U għaliex aħna għandna nilbsu jew il-ktajjen tal-ħażen inkella l-ktajjen tal-karita’ u tas-salvazzjoni. — San Alwiġi Maria De Montford

MarianConsecrationBracelet236. It-Tielet Prattika. Hi ħaġa glorjuża u xierqa ta’ tifħir, kif ukoll ta’ benefiċċji kbar, jekk dawk li jkkonsagraw ruħhom bħala l-ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija jilbsu – bħala sinjal tal-jasar tal-imħabba tagħhom – xi katina żgħira li tkun tbierket għal tal-apposta.**

U żgur dawn is-sinjali minn barra mhumiex essenzjali u wieħed jista’ jħallihom barra, filwaqt li jħaddan din id-devozzjoni. Madankollu ma nistax ma nirrikkmandax bil-ħeġġa lil dawk li wara li tefgħu fil-ġenb il-ktajjen tal-mistħija, tal-jasar ta’ Satana – ktajjen magħmulin mid-dnub tan-nisel u forsi mid-dnub attwali wkoll – intrabtu minn rajhom f’jasar glorjuż ta’ Ġesu’ Kristu; u li bħal San Pawl jifirħu għax qegħdin fil-ktajjen għal Ġesu’ Kristu – ktajjen li huma wisq iżjed glorjużi u prezzjużi, għalkemm huma biss tal-ħadid, mill-ġiżirani tad-deheb kollha tal-imperaturi.

237. Darba, is-salib kien ix-xbieha tal-infamja l-aktar baxxa. Issa hu jiddi, b’aktar glorja minn kull ħaġa oħra, fil-qalb tal-Kristjaneżmu. Nistgħu ngħidu l-istess ħaġa mill-ktajjen tal-jasar. Fost l-antiki, u aktar fost il-pagani, la kien hemm u lanqas hemm ħaġa aktar ta’ stmerrija, u l-aktar baxxa. Iżda għan-Nisrani m’hemm xejn aktar glorjuż mill-ktajjen ta’ Ġesu’ Kristu, għaliex huma jeħilsuna u jħarsuna mir-rabta tal-ktajjen tad-dnub u tax-xitan li jumiljawna. Huma jeħilsuna, billi jorbtuna ma’ Ġesu’ u ma’ Marija, mhux bil-fors, bħal ilsir tax-xwieni, imma bil-karita’ u l-imħabba, li permezz tagħhom aħna nsiru bħal tfal: “Jien ġbidthom b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11,4), igħid Alla bil-fomm tal-profeta tiegħu. Ktajjen, mela, li huma ta’ saħħithom daqs il-mewt, u anke aqwa, f’ċertu sens, ma’ dawk li bil-fedelta’ jilbsu dawn is-sinjali glorjużi sal-mewt. Għaliex, għalkemm il-mewt teqred ġisimhom, billi tagħmlu trab u rmied, hi ma teqridx ir-rabtiet tal-jasar, li billi jkunu tal-ħadid ma jispiċċawx malajr, u forsi fil-jum tal-Qawmien tagħhom mill-mewt fl-aħħar Ġudizzju, dawn il-ktajjen li jkunu għadhom idawru l-fdalijiet tagħhom, jiffurmaw biċċa mill-glorja tagħhom u jkunu mibdulin fi ktajjen ta’ dawl u ta’ glorja. Imberkin, mela, u mberkin għal elf darba l-ilsiera nobbli ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jibqgħu bil-ktajjen tagħhom sal-qabar!

238. Hawn huma r-raġunijiet għaliex għandhom jintlibsu dawn il-ktajjen: l-ewwel huma jservu biex ifakkru lin-Nisrani fil-Wedgħiet tal-Magħmudija, u fit-tiġdid perfett tagħhom li hu għamel, b’din id-devozzjoni u bl-obbligu strett li jkun fidil lejhom. Ladarba l-bniedem iktar ta’ spiss ikun immexxi mis-sensi milli mill-Fidi, malajr jinsa l-obbligi tiegħu lejn Alla, jekk ma jkollux xi oġġett li jidher minn barra li jservi biex ifakkru fihom, dawn il-ktajjen żgħar huma tifkira eċċellenti għan-Nisrani tal-ktajjen tal-jasar tad-dnub u tax-xitan, li minnhom ħelsitu l-Magħmudija u fil-jasar ta’ Ġesu’ Kristu, li hu wiegħed fil-Magħmudija u li reġa’ saħħaħ bit-tiġdid ta’ dawn il-wedgħiet. Waħda mir-raġunijiet għaliex, hekk ftit Insara jagħtu kas tal-obbligi li ndaħlu għalihom tal-Magħmudija, u jgħixu bl-istess laxkezza bħal ma jgħixu l-pagani bħallikieku ma wedgħu xejn lil Alla, hu għaliex ma jilbsu xejn li jfakkarhom f’dawn il-wedgħiet.

239. Fit-tieni lok, dawn il-ktajjen jintlibsu biex juru li min jilbishom ma jistħix mill-kondizzjoni tiegħu ta’ lsir ta’ Ġesu’ Kristu, u li hu jiċħad il-jasar tad-dinja, tad-dnub u tax-xitan. It-tielet, dawn il-ktajjen jintlibsu biex iħarsu u jipproteġu lil min jilbishom, mill-ktajjen tad-dnub u tax-xitan. U għaliex aħna għandna nilbsu jew il-ktajjen tal-ħażen inkella l-ktajjen tal-karita’ u tas-salvazzjoni “Vincula peccatorum aut vincula caritatis.”

240. Għażiż ħija, ejja nkissru l-ktajjen tad-dnub u tal-midinbin, tad-dinja u ta’ dawk li jħobbuha, tax-xitan u l-ħbieb tiegħu u nwaddbu l-madmad tal-mewt tagħhom, ‘il bogħod minna: “Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom” (S 2,3). Biex bil-kliem tal-Ispirtu s-Santu, inqegħdu riġlejna fil-ktajjen glorjużi u għonqna fil-ktajjen tiegħu. “Qiegħed riġlejk fil-ktajjen tal-għerf, u għonqok fl-irbit tiegħu.” (Sir6,24). Nagħtu spallejna, u nġorru l-Għerf, li hu Ġesu’ Kristu u ma niddejqux mill-ktajjen tiegħu: “Agħti spalltek ħa ġġor il-piż tiegħu, u tiddejjaqx mill-ilġiem tiegħu” (Sir 6,25). Innota kif, l-Ispirtu s-Santu, qabel ma qal dan il-kliem, ħejja lir-ruħ, biex ma tiċħadx il-parir importanti tiegħu: “Agħti widen, ibni u ilqa’ l-fehma tiegħi u tiċħadx il-parir li nagħtik.” (Sir 6,23)

241. Għażiż ħabib tiegħi, inti tippermettili ningħaqad mal-Ispirtu s-Santu biex nagħtik l-istess parir: “Vincula illius allegatura salutis.” “Il-ktajjen tiegħu, huma ktajjen ta’ salvazzjoni.” Ladarba Ġesu’ Kristu minn fuq is-salib għandu jiġbed il-bnedmin kollha lejh, irridu u ma rridux, Hu jiġbed il-ħżiena bil-ktajjen ta’ dnubiethom, biex jorbothom bħall-ilsiera tal-ġifen, u bħax-xjaten mal-korla eterna u mal-ġustizzja Tiegħu. Imma Hu jiġbed lill-ippredestinati, partikularment f’dawn l-aħħar taż-żminijiet, bil-ktajjen tal-imħabba. “Jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw12,32). “Jien ġbidthom b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11,14)

242. Dawn l-ilsiera fidili ta’ Ġesu’ Kristu – vincti Christi – jistgħu jilbsu l-ktajjen tagħhom jew f’għonqhom, jew f’idejhom jew madwar qaddhom, jew inkella f’riġlejhom. Patri Vincent Caraffa, is-seba’ Ġeneral tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’ li miet bil-fwieħa tal-qdusija fl-1643, kien jilbes ċirku tal-ħadid ma’ kull sieq bħala sinjal tal-jasar tiegħu. U hu kien juri s-sobgħa tiegħu talli ma kienx jista’ jkaxkar katina fil-pubbliku. Madre Agnes ta’ Ġesu’, li diġa’ tkellimna fuqha, kienet tilbes katina madwar qaddha. Nisa qaddisin oħra, kienu jilbsuha m’għonqhom bi tpattija għall-ġiżirani tal-ġawhar li kienu jilbsu fid-dinja. Oħrajn libsuha f’idejhom biex tkun tifkira kontinwa fix-xogħol manwali, li huma kienu l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu.

**Nota (3) Tista’ tiġi l-oġġezzjoni li l-użu ta’ ktajjen bħal dawn hu pprojbit minn ċerti digrieti tal-Kongregazzjoni Rumana. Aħna madankollu ma nsibu xejn f’dawn id-digrieti li jipprojbixxi din il-prattika lil persuni individwali speċjalment meta – kif inhi l-intenzjoni fid-devozzjoni ta’ San Grignion de Montfort – dawn il-ktajjen huma milbusa bħala simbolu tal-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija. (Ara Analecta Juris Pontifici).

 

8.1.4 Devozzjoni speċjali lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni (Para. 243-248)

Kien f’dan il-Misteru tal-Inkarnazzjoni u f’Marija li Kristu ta lil Missieru dik il-glorja infinita’ li sa dakinhar qatt ma kien għadu rċeviha mingħand il-bnedmin. — San Alwiġi Maria De Montford

annunciation_det243. Ir-Raba’ Prattika. Dawk li huma l-ilsiera ta’ Ġesu’ u Marija, għandu jkollhom devozzjoni speċjali lejn il-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, li l-festa kommemorativa tiegħu taħbat fil-25 ta’ Marzu. Għaliex dan hu l-misteru li hu speċjalment adattat għad-devozzjoni ta’ Ġesu’ u Marija. Din il-festa kienet imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu:

(1) biex tunura u timita d-dipendenza li ma tistax titfisser bil-kliem li Alla l-Iben għoġbu jilqa’għall-glorja ta’ Alla l-Missier, u għas-salvazzjoni tagħna – dipendenza li tidher l-aktar ċar fl-Inkarnazzjoni, fejn Ġesu’ jagħmel lilu nnifsu priġunier u lsir fil-ġuf tal-Verġni Mbierka, u fejn hemm huwa ried li jkun dipendenti minnha f’kollox.

(2) Biex inroddu ħajr ‘l Alla, għall-grazzji speċjali li ta lil Marija, fuq kollox meta għażilha biex tkun l-Omm l-aktar denja Tiegħu, l-għażla li saret f’dan il-misteru. Dawn huma ż-żewġ għanjiet ewlenin tal-jasar ta’ Ġesu’ Kristu f’Marija.

244. Nixtieq inġegħilkom tinnuntaw li l-frażi li nuża hi: “l-ilsir ta’ Ġesu’ f’Marija; l-ilsir ta’ Marija f’Ġesu’.”

Naturalment nistgħu ngħidu kif qalu x’uħud s’issa, l-ilsir ta’ Marija, il-jasar lejn il-Verġni Mbierka. Imma jien naħseb li l-aħjar wieħed jissejjaħ l-ilsir ta’ Ġesu’ f’Marija, kif kien tal-parir Father Tronson, is-Superjur Ġenerali tas-Seminarju ta’ Saint-Suplice, li kien magħruf għall-prudenza rari tiegħu u għall-qdusija kbira tiegħu meta ċertu ekklesjastiku kkonsultah fuq din il-ħaġa. Hawn huma r-raġunijiet għal din l-għażla.

245. 1. Żmienna hu żmien ta’ suppervja, fejn hemm numru kbir ta’ skulari mkabbrin, jafdaw lilhom infushom biss u moħħhom biex jikkritikaw u li jsibu xi difett fil-prattiki tal-pjeta anke l-aktar li ilhom imwaqqfin u sodi. Għalhekk biex ma nagħtuhomx okkażjoni oħra ta’ kritika, aħjar ngħidu, il-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija, u wieħed jiddikjara ruħu l-ilsir ta’ Ġesu’ u mhux ilsir ta’ Marija. Aħna, għalhekk insejħu din id-devozzjoni b’referenza għall-għan aħħari tagħha; li hu Ġesu’ Kristu, għax Marija hija t-triq u l-mezz li twassalna għal dan il-għan, għalkemm, fil-verita’ aħna nistgħu nsejħu din id-devozzjoni b’referenza kemm għal wieħed u kemm għall-oħra. Per eżempju vjaġġatur li jmur minn Orleans għal Tours billi jgħaddi minn Amboise, jista’ verament igħid li sejjer Amboise jew li sejjer Tours – imma b’din id-differenza, Amboise hi t-triq id-dritta tiegħu għal Tours, filwaqt li Tours hi l-post fejn irid jasal u tmiem il-vjaġġ tiegħu.

246. 2. Il-Misteru prinċipali li hu mfakkar u mweġġah b’din id-devozzjoni, hu dak tal-Inkarnazzjoni, fejn insibu lil Ġesu’ Kristu biss, f’Marija kif tnissel fil-ġuf tagħha. Għalhekk aktar jixraq li nitkellmu mill-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija, minn Ġesu’ jgħix u jsaltan f’Marija skont dik it-talba sabiħa ta’ ħafna nies kbar: “O Ġesu’, li tgħammar f’Marija, ejja u għix fil-qaddejja Tiegħek, bl-ispirtu tal-qdusija Tiegħek, bil-milja tas-setgħa Tiegħek, bil-perfezzjoni tat-triqat Tiegħek, bil-verita’ tal-virtujiet Tiegħek, fix-xirka tal-misteru Tiegħek, fuq kollox rażżan kull setgħa tal-għadu bl-Ispirtu tiegħek għall-glorja tal-Missier.”

247. 3. L-għażla ta’ dan l-isem turi aktar ċar l-għaqda intima li teżisti bejn Ġesu’ u Marija. Huma maqgħudin hekk intimament, li kull wieħed hu kollu kemm hu fl-ieħor – Ġesu’ hu kollu kemm hu f’Marija; 4. Hi kollha kemm hi f’Ġesu’, jew aħjar Marija tgħix, iżda mhix hi, imma Ġesu’ jgħix għal kollox fiha, tant li jkun eħfef li tifred id-dawl mix-xemx milli tifred lil Ġesu’ minn Marija. Mela, nistgħu nitkellmu mis-Sinjur tagħna bħala “Ġesu’ ta’ Marija” mill-Verġni Mqaddsa bħala “Marija ta’ Ġesu’”.

248. Iż-żmien ma jippermettilix biex nieqaf fuq l-eċċellenza u s-sbuħija tal-Misteru ta’ Ġesu’ li jgħix u jsaltan f’Marija, jew inkella fuq il-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb. Ikolli nikkuntenta ruħi bi ftit stqarrijiet. Hawnhekk għandna l-ewwel misteru ta’ Ġesu’ Kristu, il-misteru li hu l-aktar moħbi, l-aktar għoli, u l-inqas magħruf. Hu permezz ta’ dan il-Misteru, flimkien ta’ Marija u fil-ġuf verġinali tagħha, li Ġesu’ għażel il-magħżulin tiegħu; u għal din ir-raġuni li l-qaddisin sejħu l-ġuf ta’ Marija “it-teatru tal-Misteri t’Alla”. Għaliex bl-aċċettazzjoni ta’ dan il-Misteru, Ġesu’ seta jwettaq il-misteri ta’ ħajtu l-oħra kollha li ġew wara. “Kristu meta daħal fid-dinja qal: Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 5-9); u għalhekk dal-misteru jiġbor fih il-qosor il-Misteri kollha ta’ Ġesu’, għaliex fih ir-rieda u l-grazzja tagħhom kollha.

Fl-aħħarnett dal-Misteru hu t-tron tal-ħniena, tal-ġenerożita’ u tal-glorja t’Alla. Hu t-Tron tal-ħniena għalina, għax la darba aħna nistgħu nersqu lejn Ġesu’ permezz ta’ Marija biss, aħna nistgħu naraw lil Ġesu’ u nitkellmu Miegħu biss permezz tal-interċessjoni ta’ Marija. Ġesu’, li dejjem jisma’ ‘l Ommu l-għażiża, jagħti l-grazzja u l-ħniena tiegħu lill-midinbin imsejkna. “Ħa nersqu mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja” (Lhud 4,16). U wkoll dal-Misteru hu għal Marija it-tron tal-ġenerożita’ ta’ Alla. Għaliex waqt li dan Adam il-Ġdid għammar fil-ġuf tagħha, bħallikieku kien tassew f’Ġenna tal-Art, hemmhekk għamel tant għeġubijiet fil-moħbi li la l-Anġli u lanqas il-bnedmin ma jistgħu jifhmuhom. Għalhekk il-Qaddisin isejħu lil Marija il-manificenza t’Alla, Magnificentia Dei bħallikieku Alla kien kbir biss f’Marija; “Għax hemm għalina jkun il-kobor tal-Mulej” (Is 33,21). Dan il-Misteru hu t-tron tal-glorja Tiegħu, għal Alla l-Missier, għaliex f’Marija kien, li Ġesu’ Kristu berred perfettament lil Alla l-Missier li kien inkurlat għall-umanita’. Kien f’Marija li Kristu reġa’ ta lil Missieru l-glorja li kienet misruqa bid-dnub. Kien f’Marija bl-offerta li għamel tiegħu nnifsu u bir-rieda tiegħu Kristu kiseb glorja għal Missieru milli kienet tkun mogħtija lilu bis-sagrifiċċji kollha tal-Liġi l-Qadima; u fl-aħħarnett kien f’dan il-Misteru u f’Marija li Kristu ta lil Missieru dik il-glorja infinita’ li sa dakinhar qatt ma kien għadu rċeviha mingħand il-bnedmin.

8.1.5 Devozzjoni kbira lejn l-Ave Marija u r-Rużarju (Para. 249-254)

Dawk immarkati ċar bħala ppredestinati, issibhom li għandhom imħabba u qima lejn l-Ave Maria u li jgħiduha bil-ferħ; u li aktar ma jkunu ma’ Alla, iktar ikunu jħobbu din it-talba. — San Alwiġi Maria De Montford

TheRosary23249. Il-ħames prattika. Dawk li jsiru ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija, għandhom jikkultivaw devozzjoni kbira lejn l-Ave Maria (it-tislima tal-Anġlu) li l-valur, il-mertu, l-eċċellenza u l-ħtieġa tagħha huma ftit apprezzati anki fost Insara tal-affari tagħhom. Kien meħtieġ li l-Verġni Mqaddsa tidher ħafna drabi lill-qaddisin kbar u mdawlin – bħal per eżempju lil San Duminku, San Ġwann Capistranu u l-Beatu Alain de la Roche – biex iġġagħalhom jifhmu l-valur kbir tal-Ave Maria. Huma kitbu kotba sħaħ fuq l-għeġubijiet ta’ din it-talba u fuq il-qawwa li għandha li taqla’ l-konverżjoni tal-midinbin.

Huma stqarrew bil-kuraġġ u ppridkaw fil-beraħ, illi ladarba s-salvazzjoni tal-umanita’ bdiet permezz tal-Ave Maria, is-salvazzjoni ta’ kull individwu hi marbuta ma’ din it-talba; huma jsostnu li kienet din it-talba li ġagħlet il-Frott tal-Ħajja jinbet fid-dinja niexfa, arida, u li hi din l-istess talba, mlissna bid-devozzjoni, li għandha ġġiegħel il-Kelma t’Alla tinbet f’ruħna, u ġġib il-Frott tal-Ħajja Ġesu’ Kristu. Huma jitkellmu minn din it-talba bħal nida ħelwa tas-sema li tinxtorob bil-mod, fil-ħamrija tar-ruħ tal-bniedem, biex din tagħmel il-frott f’waqtu; u jkomplu jżidu jgħidu li ruħ li ma tkunx imsoqqija b’din it-talba ma tagħmilx frott, imma tagħmel biss xewk u għollieq u “tkun waslet biex tiġbed fuqha saħta” (Lhud 6,8)

250. Fil-ktieb tiegħu “De Dignitate Rosarii” il-Beatu Alain de la Roche jikteb din ir-rivelazzjoni li ġejja li hu kellu mill-Verġni Mqaddsa: “Kun af, ibni, u għarraf lil kulħadd, illi sinjal viċin u probabbli ta’ dannazzjoni eterna hu meta ruħ ikollha disprezz jew inkella tkun bierda u bla kont waqt li tgħid l-Ave Maria, li permezz tagħha ġiet salvata d-dinja kollha.” Dan il-kliem huwa fl-istess ħin ta’ konsolazzjoni kbira u terribbli ħafna, kliem, li bilkemm konna nemmnu li kieku ma taniex xhieda tagħhom dan il-bniedem kbir, San Duminku qablu, u mbagħad wara xi nies kbar u huma msaħħin mill-esperjenza ta’ ħafna sekli. Għaliex dejjem kien jidher ċar li dawk li għandhom fuqhom il-marka tal-ħażen bħall-eretiċi, il-ħżiena, is-suppervi u dawk mogħtijin għad-dinja, jobgħodu u jmaqdru l-Ave Maria u r-Rużarju. L-eretiċi għadhom jitgħallmu jgħidu l-Pater Noster imma mhux l-Ave Maria jew ir-Rużarju. Dawn iħarsu lejhom bil-biża’, u aktar lesti jġorru s-serp fuqhom milli l-Kuruna tar-Rużarju. Is-suppervi, għalkemm huma Kattoliċi, wkoll, billi għandhom l-istess ġibdiet ta’ missierhom Luċifru, imaqdru u għandhom indifferenza lejn l-Ave Maria, u r-Rużarju jqisuh bħala devozzjoni tan-nisa u tajba biss għall-injoranti u l-illitterati. Mill-banda l-oħra l-esperjenza dejjem urietna li dawk, li f’affarijiet oħra u mmarkati ċar bħala ppredestinati, issibhom li għandhom imħabba u qima lejn l-Ave Maria u li jgħiduha bil-ferħ; u li aktar ma jkunu ma’ Alla, iktar ikunu jħobbu din it-talba. Dan hu li tgħid il-Verġni Mqaddsa lill-Beatu Alain, wara dak il-kliem, li għadna kemm ikkwotajna mill-ktieb tiegħu.

251. Jien ma nafx kif u lanqas għaliex dan hu hekk, madankollu hu veru. Jien ma nsibx mezz iktar effikaċi biex inkun naf jekk persuna jekk persuna hix t’Alla, milli billi nistaqsi jekk tħobbx tgħid l-Ave Maria u r-Rużarju. Jien ngħid “jekk tħobbx” għaliex jista’ jingħata l-każ li persuna ma tkunx tsita’ tgħidha la naturalment u lanqas b’mod sopranaturalu u tispira lill-oħrajn biex igħiduha.

252. Erwieħ ippredestinati, ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu jafu li l-Ave Maria hi wara l-Pater Noster, l-aktar talba sabiħa. Hi l-kumpliment l-aktar perfett li tista’ tagħmel lil Marija, għaliex hu l-kumpliment li l-Kbir Alla nnifsu għamilha permezz ta’ Arkanġlu, biex jirbaħ qalbha. Permezz tas-sbuħija moħbija li biha hi mimlija din it-tislima, kellha tant setgħa fuq Marija li tat il-kunsens tagħha għall-Inkarnazzjoni tal-Verb minkejja l-umilta’ kbira tagħha. Bla dubju ta’ xejn, hu permezz ta’ dan il-kumpliment ukoll, li Int tirbaħ il-qalb tagħha; jekk int tgħid l-Ave Maria b’devozzjoni xierqa.

253. L-Ave Maria rreċitata bl-attenzjoni, bid-devozzjoni u bil-qima esterna – jgħidu l-Qaddisin – hi l-għadu li jħarrab ix-xitan u l-martell li jisħqu. Hi l-qdusija tar-ruħ, il-ferħ tal-Anġli, il-melodija tal-ippredestinati, l-kantiku tar-Rabta l-Ġdida, il-ferħ ta’ Marija u l-glorja tal-Imqaddsa Trinita’. L-Ave Maria hi n-nida tas-sema li tagħmel ir-ruħ għammiela; hi bewsa safja ta’ mħabba lil Marija, waħda ħamra li npoġġu quddiemha. Hi ġawhra prezzjuża li noffrulha, u tazza ta’ ikel l-aktar bnin u għasel li nressqu quddiemha. Dawn ix-xbihat kollha huma meħudin mill-Qaddisin.

254. Jiena nħeġġiġkom tassew, mela f’ġieh l-imħabba li għandi għalikom fi Kristu u Marija, biex ma tkunux kuntenti li tgħidu biss il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mqaddsa, imma li tirreċitaw kuljum ħames posti tar-Rużarju – u anke l-ħmistax-il posta jekk ikollkom il-ħin. Fis-siegħa tal-mewt tagħkom intom tbierku l-ġurnata u s-siegħa li fiha tajtu kas tal-parir tiegħi; għaliex wara li tkunu żrajtu fil-barkiet ta’ Ġesu’ u Marija intom taħsdu barkiet għal dejjem fis-sema: “Qui seminat in benedictionbus de benedictionbus et metet” (2 Kor 9,6)

8.1.6 Ir-Reċita tal-Magnificat (Para. 255)

L-għaref Benzonius, waqt li kien jikkummenta fuq il-Magnificat jirrakonta ħafna mirakli li twettqu bil-qawwa tiegħu. Hu jgħid li d-demonji jitregħdu u jaħrabu meta jisimgħu dan il-kliem: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom”. — San Alwiġi Maria De Montford

virgin_1255. Is-sitt Prattika. Fuq l-eżempju tal-Beata Marija ta’ Oignies u ta’ ħafna nies qaddisin oħra, l-ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija għandhom igħidu l-Magnificat ta’ spiss b’ringrazzjament lil Alla tal-grazzji li ta lill-Verġni Mqaddsa. Din hi l-unika talba li kkomponiet b’fommha:“Il Magnificat” hu l-iktar sagrifiċċju ta’ tifħir li Alla rċieva taħt l-ordni tal-grazzja. Hu l-innu l-aktar umli, li juri l-gratitudni, kif ukoll l-aktar sublimi u għoli fost il-kantiċi kollha. Hu jħaddan misteri hekk kbar u moħbija li lanqas l-Anġli ma jafu bihom. Gerson, dak il-bniedem qaddis u ta’ skola profonda, għadda biċċa kbira minn ħajtu jikteb trattati ta’ pjeta u għerf fuq l-iktar suġġetti tqal; u kien biss fl-aħħar ta’ ħajtu, li hu ndaħal jirtogħod bil-biża’ biex ifisser il-Magnificat, li bih inkuruna x-xogħol kollu tiegħu. Fi ktieb li kiteb fuq dan is-suġġett, jagħmel xi osservazzjonijiet tal-għaġeb fuq dan il-kantiku. Fost ħwejjeġ oħra, hu jgħid li l-Verġni Mbierka kienet tgħidlu biex jgħidu ta’ spiss, speċjalment wara t-Tqarbin, bħala talba ta’ ringrazzjament. L-għaref Benzonius, waqt li kien jikkummenta fuq il-Magnificat jirrakonta ħafna mirakli li twettqu bil-qawwa tiegħu. Hu jgħid li d-demonji jitregħdu u jaħrabu meta jisimgħu dan il-kliem: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom”