8.1.1 Il-Konsagrazzjoni u t-tħejjija (Para. 227-233)

“Jiena kollni tiegħek u kull m’għandi hu tiegħek, O Ġesu’ tiegħi l-aktar maħbub permezz ta’ Marija, l-Omm Qaddisa tiegħek.” — San Alwiġi Maria De Montford

vision-saint-louis-grignion-de-montfort227. L-Ewwel Prattika: Dawk li jixtiequ jadottaw din id-devozzjoni partikolari li għadha mhix ikkostitwita bħala Konfraternita’** (għalkemm dan hu mixtieq ħafna), għandhom jagħmlu dan li ġej: wara li jkunu għaddew għall-inqas tnax-il ġurnata, kif ktibt jien fl-ewwel parti ta’ din il-preparazzjoni għas-saltna ta’ Ġesu’ Kristu, li fihom jinżgħu mill-Ispirtu tad-dinja, li hu kuntrarju għal dak ta’ Ġesu’ Kristu** jridu jagħmlu tliet ġimgħat li fihom jimtlew bl-ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu permezz tal-Verġni Mbierka. Dan li ġej hu l-programm li fuqu għandhom jimxu:

228. Matul l-ewwel il-ġimgħa, huma għandhom joffru t-talb u l-attivitajiet spiritwali kollha tagħhom biex jaqilgħu d-don tal-għarfien tagħhom infushom u l-indiema ta’ dnubiethom. Huma jagħmlu dan kollu fi spirtu ta’ umilta’. Huma jistgħu jekk isibuh ta’ għajnuna jimmeditaw fuq dak li diġa’ għidna fuq n-natura tagħna u t-taħsir tagħha; jew nistgħu jaħsbu fuq dawn it-tliet massimi ta’ San Bernard: “Ftakar f’dak li kont, ftit trab; f’dak li int, ġarra tinten; f’dak li sejjer tkun, ikel għad-dud.” Huma għandhom jitolbu lis-Sinjur Tagħna u lill-Ispirtu s-Santu biex idawwalhom billi jżommu fuq fommhom dejjem dawn il-kelmiet:

“Mulej, agħmel li nara” (Lq. 18,14); jew “Noverim me”, jew “Veni Sancte Spiritus”. U wkoll jgħidu kuljum l-Ave Maris Stella u l-Litanija tal-Ispirtu s-Santu jew il-Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija.

229. Matul it-tieni ġimgħa l-qawwa kollha tat-talb u l-azzjonijiet tagħhom tkun diretta, biex jaqilgħu l-grazzja li jsiru jafu lill-Verġni Mqaddsa. Huma jfittxu dan it-tagħrif mingħand l-Ispirtu s-Santu. Isibuha ta’ għajnuna jekk jaqraw u jimmeditaw dak li ktibna fuq din il-materja. U bħal fl-ewwel ġimgħa huma jirreċitaw il-litanija tal-Ispirtu s-Santu u l-Ave Maris Stella; u magħhom iżidu r-Rużarju jew għall-inqas ħames posti tar-Rużarju għal din l-intenzjoni.

230. It-tielet ġimgħa jgħadduha fit-tħabrik, biex isiru jafu lil Ġesu’ Kristu. Huma jistgħu jaqraw u jimmeditaw dak li għidna fuq das-suġġett jew jgħidu t-talba ta’ Santu Wistin li tajniekom fl-ewwel taqsima ta’ dan il-ktieb. Mal-istess qaddis jistgħu jirrepetu għal mitt darba kuljum: “Noverim te”, “O Sinjur li kieku nista’ nagħrfek,” kif ukoll: “Domine ut videam” “O Sinjur li kieku nista’ naf min int!” Bħal fil-ġimgħatejn ta’ qabel huma jgħidu l-litanija tal-Ispirtu s-Santu u l-Ave Maris Stella; magħhom iżidu kull jum il-litanija tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’.

231. Fl-għeluq ta’ dawn it-tliet ġimgħat, huma jirċievu s-Sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin bl-intenzjoni li jagħtu lilhom infushom lil Ġesu’ Kristu bħala ilsiera ta’ mħabba mill-idejn ta’ Marija. U jfittxu li jirċievu t-Tqarbin Imqaddes skont il-metodu li se nġibu hawn taħt; imbagħad jirreċitaw il-formula tal-konsagrazzjoni tagħhom kif issibuha fl-appendiċi ta’ dal-ktieb. Jekk ma jkollhomx kopja stampata, huma għandhom jikkopjaw din il-formola ta’ konsagrazzjoni u jiffirmawha fl-istess jum li jagħmlu din il-Konsagrazzjoni.

232. Hu tal-parir, li f’din il-ġurnata joffru xi ħaġa lil Ġesu’ Kristu u lill-Verġni Mbierka, jew bħala penitenza għall-infedelta’ tagħhom lejn il-wegħdiet tal-Magħmudija, jew bħala sinjal estrem tad-dipendenza sħiħa tagħhom mill-ħakma ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Din l-offerta tkun skont id-devozzjoni u l-kapaċita’ ta’ kull persuna, u tista’ tkun sawma, mortifikazzjoni, karita’, jew xemgħa. Anke li kieku kienu jistgħu jagħtu biss labra tar-ras, bħala offerta għal Kristu din tkun biżżejjed, basta tkun mogħtija b’intenzjoni tajba – għax Hu jħares biss lejn ir-rieda tajba ta’ dak li jagħmel l-offerta.

233. Għallinqas darba fis-sena fil-ġurnata tal-anniversarju huma jerġgħu jġeddu l-konsagrazzjoni tagħhom u josservaw ukoll l-istess devozzjonijiet għal tliet ġimgħat. Huma jistgħu wkoll iġeddu din il-konsagrazzjoni kull xahar jew anki kull jum permezz ta’ dal-kliem: “Totus tuus ego sum, et omnia mea tua sunt.” “Jiena kollni tiegħek u kull m’għandi hu tiegħek, O Ġesu’ tiegħi l-aktar maħbub permezz ta’ Marija, l-Omm Qaddisa tiegħek.”

**Nota (1) Fl-1899 ġiet imwaqqfa f’Ottawa, il-Kanada l-ewwel Konfraternita’ ta’ Marija Sultana tal-Qlub, minn Mgr Duhamel. L-1913 il-Qdusija tiegħu l-Papa Piju X, waqqaf il-Konfraternita’ f’Ruma.

**Nota (2) Din il-parti mill-ktieb li ntilfet, iżda nistgħu nkunu nafu x’irid l-awtur mill-ktieb l-ieħor “L’Amour de la Sagesse Eternelle.”

Advertisements