Konsagrazzjoni – JUM 5

Dokument PDF: Jum 5
Dokument WORD: Jum 5

JUM 5: Konsagrazzjoni totali lil Ġesu’ permezz ta’ Marija

1GĦAN: Tiżvojta Lilek Innifsek mill-Ispirtu tad-Dinja

Eżamina l-kuxjenza tiegħek, itlob, ipprattika ċ-ċaħda tar-rieda tiegħek; immortifika lilek innifsek u fittex is-safa tal-qalb. Din is-safa hi kundizzjoni indispensabli biex wieħed jikkontempla lil Alla fil-ġenna, biex wieħed jarah f’din id-dinja, u biex wieħed jagħrfu bid-dawl tal-fidi. Fl-ewwel parti tal-preparazzjoni wieħed għandu jirsisti biex jiċħad l-ispirtu tad-dinja li jmur kontra l-Ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu. L-ispirtu tad-dinja jikkonsisti fiċ-ċaħda ta’ Alla bħala l-Ħakkiem fuq kollox u fuq kulħadd; iċ-ċaħda t’Alla li timmanifesta lilha nnifisha fil-pratika tad-dnub u d-diżubbidjenza; għalhekk hu fil-prinċipju tiegħu opposta għall-Ispirtu ta’ Kristu, li hu wkoll dak ta’ Marija.

Timmanifesta ruħha fil-konkupixxenza tal-ġisem, tal-għajnejn u b’ħajja ta’ suppervja, b’diżubbidjenza għal-Liġi t’Alla u bl-abbuż fuq il-ħlejjaq. Il-ħidma tagħha hi: dnub ta’ kull xorta, u dak kollu li juża’ x-xitan biex iwassalna għad-dnub; ħidmiet li jġibu d-dlam f’moħħna u li javvalenaw u jikkorrompu lir-rieda tagħna. Dak li bih tiftaħar hu l-isplendur u s-seħer li juża’ x-xitan biex id-dnub jagħmlu b’tali mod li jattira l-persuni, il-postijiet u l-oġġetti.

QARI

Imitazzjoni ta’ Kristu: It-3 Ktieb, Kapitlu 40, 4-5

Il-bniedem ma għandu minnu nnifsu ebda ġid, u anqas ma jista’ jiftaħar bl-ebda ħaġa

Ir-Ruħ:

Niżżikħajr, Sinjur, għax minn għandek nafu kemm-il ġid jiġrili. Jiena ħdejk m’jiniex ħlief frugħa u xejn, bniedem li ndur ma’ kull riħ u ta’ ħila wisq ċkejkna. Biex mela nista’ nitkabbar, jew għaliex irrid li nkun imsemmi? Bix-xejn? Frugħa kbira tkun din tiegħi. Anzi ngħid iżjed glorja belgħa bħal din, hi pesta u ntiena, frugħa l-aktar kbira; għaliex tbegħidna mill-vera glorja, u nżajna mill-grazzja tas-smewwiet.

Dment li l-bniedem jagħti gost lilu nnifsu, ma jistax jogħġob lilek; dment li jintefaħ bit-tifħir tal-bniedem, ikun qed jinfatam mill-veri virtujiet.

Il-vera glorja, il-ferħ imqaddes, hu dan, li l-bniedem jiftaħar bik u le bih innifsu; li jifraħ bl-isem tiegħek, mhux bil-virtu tiegħu; u li ma jitgħaxxaqx f’ebda kreatura, ħlief imħabba fik. Ħalli jkun imfaħħar ismek, mhux ismi; ħalli jitfaħħru l-opri tiegħek, u mhux tiegħi; ħalli jkun imbierek l-isem imqaddes tiegħek, u lili ma għandu x’iridni ebda xejn it-tifħir tan-nies. Int biss il-glorja tiegħi, int il-ferħ ta’ qalbi. Bik nitkabbar u bik nifraħ ħajti kollha; mingħalija ma nfaħħarx fija nnifsi ħlief il-miżerji tiegħi.

TALB

Ejja, Spirtu s-Santu (Veni Creator Spiritus)

Spirtu qaddis li ħlaqtna,
ejja lill-moħħ dawlilna,
imla bil-grazzja tiegħek
il-qlub li int ħlaqtilna.

Int l-akbar don ta’ Alla,
li tieqaf dejjem magħna:
għajn, ħajja, nar, imħabba
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int tqassam seba’ doni,
int l-id il-leminija
tal-Missier, minnu mwiegħed,
fik bl-għerf l-ilsna mogħnija.

Ixgħel id-dawl lis-sensi,
kebbes il-qlub bl-imħabba,
u saħħaħ dan ġisimna
mill-mard li fih jitrabba.

Bogħod minna żomm ’il-għadu,
lilna fis-sliem henjin,
mexxina int, biex nibqgħu
mid-deni meħlusin.

Agħmel li nsiru nafu
bik lill-Missier u ’l-Ibnu;
li fik, Spirtu li tqaddes,
bla nieqfu dejjem nemmnu.

Glorja ’l-Missier, lill-Iben
li qam minn bejn l-imwiet,
l-Ispirtu, faraġ tagħna,
għal dejjem fis-smewwiet. Ammen.

Sliem għalik, kewkba tal-baħar (Ave Maris Stella)

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,
omm qaddisa u kbira t’Alla,
dejjem verġni bla mittiefsa,
bieb il-hena u ferħ tas-sema.

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,
ġib id-dawl lill-għomja kollha,
biegħed minna l-ħażen tagħna,
niżżel fuqna l-ġid tas-sema.

Uri li tassew int Ommna.
wassal talbna quddiem Alla,
li fi ħnientu twieled minnek
biex issir għalina bniedem.

Verġni fost kulħadd magħżula,
ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,
itlob ’l ibnek biex jagħtina
maħfra, safa u spirtu ħlejju.

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,
żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,
sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra
ta’ Ġesù għal dejjem miegħek. Ammen.

Magnificat

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Advertisements