Konsagrazzjoni – Konklużjoni

Dokument PDF: Konklużjoni
Dokument WORD: Konklużjoni

Konklużjoni

Jum il-Konsagrazzjoni Totali lil Ġesu’ permezz ta’ Marija

San Alwiġi De Montfort jikteb li, fl-għeluq ta’ dawn it-tliet ġimgħat, huma jirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u tat-Tqarbin bl-intenzjoni li jagħtu lilhom infushom lil Ġesu’ Kristu bħala ilsiera ta’ mħabba mill-idejn ta’ Marija. Wara li jirċievu t-Tqarbin Imqaddes, jirreċitaw il-formula tal-konsagrazzjoni tagħhom (li tinstab f’dan is-sit fil-lista tal-Indiċi). Jekk ma jkollhomx kopja stampata, huma għandhom jikkopjaw din il-formola ta’ konsagrazzjoni u jiffirmawha fl-istess jum li jagħmlu din il-Konsagrazzjoni.

Hu tal-parir, li f’din il-ġurnata joffru xi ħaġa lil Ġesu’ Kristu u lill-Verġni Mbierka, jew bħala penitenza għall-infedelta’ tagħhom lejn il-wegħdiet tal-Magħmudija, jew bħala sinjal estrem tad-dipendenza sħiħa tagħhom mill-ħakma ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Din l-offerta tkun skont id-devozzjoni u l-kapaċita’ ta’ kull persuna, u tista’ tkun sawma, mortifikazzjoni, karita’, jew xemgħa, basta tkun mogħtija b’intenzjoni tajba – għax Hu jħares biss lejn ir-rieda tajba ta’ dak li jagħmel l-offerta.

Għallinqas darba fis-sena fil-ġurnata tal-anniversarju huma jerġgħu jġeddu l-konsagrazzjoni tagħhom u josservaw ukoll l-istess devozzjonijiet għal tliet ġimgħat. Huma jistgħu wkoll iġeddu din il-konsagrazzjoni kull xahar jew anki kull jum permezz ta’ dal-kliem: “Totus tuus ego sum, et omnia mea tua sunt.” “Jiena kollni tiegħek u kull m’għandi hu tiegħek, O Ġesu’ tiegħi l-aktar maħbub permezz ta’ Marija, l-Omm Qaddisa tiegħek.”

Ilbes simbolu li juri l-Konsagrazzjoni Totali tiegħek lil Ġesu’ permezz ta’ Marija

Skont San Alwiġi De Montfort dwar l-użu tal-ktajjen fil-kitba klassika tiegħu ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka’ (Paragrafi 236-242)

MarianConsecrationBraceletHi ħaġa glorjuża u xierqa ta’ tifħir, kif ukoll ta’ benefiċċji kbar, jekk dawk li jkkonsagraw ruħhom bħala l-ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija jilbsu – bħala sinjal tal-jasar tal-imħabba tagħhom – xi katina żgħira li tkun tbierket għal tal-apposta. Dawn jistgħu jintlibsu f’għonqhom, jew f’idejhom jew madwar qaddhom, jew inkella f’riġlejhom. **

U żgur dawn is-sinjali minn barra mhumiex essenzjali u wieħed jista’ jħallihom barra, filwaqt li jħaddan din id-devozzjoni. Madankollu ma nistax ma nirrikkmandax bil-ħeġġa lil dawk li wara li tefgħu fil-ġenb il-ktajjen tal-mistħija, tal-jasar ta’ Satana – ktajjen magħmulin mid-dnub tan-nisel u forsi mid-dnub attwali wkoll – intrabtu minn rajhom f’jasar glorjuż ta’ Ġesu’ Kristu; u li bħal San Pawl jifirħu għax qegħdin fil-ktajjen għal Ġesu’ Kristu – ktajjen li huma wisq iżjed glorjużi u prezzjużi, għalkemm huma biss tal-ħadid, mill-ġiżirani tad-deheb kollha tal-imperaturi.

Darba, is-salib kien ix-xbieha tal-infamja l-aktar baxxa. Issa hu jiddi, b’aktar glorja minn kull ħaġa oħra, fil-qalb tal-Kristjaneżmu. Nistgħu ngħidu l-istess ħaġa mill-ktajjen tal-jasar. Fost l-antiki, u aktar fost il-pagani, la kien hemm u lanqas hemm ħaġa aktar ta’ stmerrija, u l-aktar baxxa. Iżda għan-Nisrani m’hemm xejn aktar glorjuż mill-ktajjen ta’ Ġesu’ Kristu, għaliex huma jeħilsuna u jħarsuna mir-rabta tal-ktajjen tad-dnub u tax-xitan li jumiljawna. Huma jeħilsuna, billi jorbtuna ma’ Ġesu’ u ma’ Marija, mhux bil-fors, bħal ilsir tax-xwieni, imma bil-karita’ u l-imħabba, li permezz tagħhom aħna nsiru bħal tfal: “Jien ġbidthom b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11,4), igħid Alla bil-fomm tal-profeta tiegħu. Ktajjen, mela, li huma ta’ saħħithom daqs il-mewt, u anke aqwa, f’ċertu sens, ma’ dawk li bil-fedelta’ jilbsu dawn is-sinjali glorjużi sal-mewt. Għaliex, għalkemm il-mewt teqred ġisimhom, billi tagħmlu trab u rmied, hi ma teqridx ir-rabtiet tal-jasar, li billi jkunu tal-ħadid ma jispiċċawx malajr, u forsi fil-jum tal-Qawmien tagħhom mill-mewt fl-aħħar Ġudizzju, dawn il-ktajjen li jkunu għadhom idawru l-fdalijiet tagħhom, jiffurmaw biċċa mill-glorja tagħhom u jkunu mibdulin fi ktajjen ta’ dawl u ta’ glorja. Imberkin, mela, u mberkin għal elf darba l-ilsiera nobbli ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jibqgħu bil-ktajjen tagħhom sal-qabar!

Hawn huma r-raġunijiet għaliex għandhom jintlibsu dawn il-ktajjen: l-ewwel huma jservu biex ifakkru lin-Nisrani fil-Wedgħiet tal-Magħmudija, u fit-tiġdid perfett tagħhom li hu għamel, b’din id-devozzjoni u bl-obbligu strett li jkun fidil lejhom. Ladarba l-bniedem iktar ta’ spiss ikun immexxi mis-sensi milli mill-Fidi, malajr jinsa l-obbligi tiegħu lejn Alla, jekk ma jkollux xi oġġett li jidher minn barra li jservi biex ifakkru fihom, dawn il-ktajjen żgħar huma tifkira eċċellenti għan-Nisrani tal-ktajjen tal-jasar tad-dnub u tax-xitan, li minnhom ħelsitu l-Magħmudija u fil-jasar ta’ Ġesu’ Kristu, li hu wiegħed fil-Magħmudija u li reġa’ saħħaħ bit-tiġdid ta’ dawn il-wedgħiet. Waħda mir-raġunijiet għaliex, hekk ftit Insara jagħtu kas tal-obbligi li ndaħlu għalihom tal-Magħmudija, u jgħixu bl-istess laxkezza bħal ma jgħixu l-pagani bħallikieku ma wedgħu xejn lil Alla, hu għaliex ma jilbsu xejn li jfakkarhom f’dawn il-wedgħiet.

Fit-tieni lok, dawn il-ktajjen jintlibsu biex juru li min jilbishom ma jistħix mill-kondizzjoni tiegħu ta’ lsir ta’ Ġesu’ Kristu, u li hu jiċħad il-jasar tad-dinja, tad-dnub u tax-xitan. It-tielet, dawn il-ktajjen jintlibsu biex iħarsu u jipproteġu lil min jilbishom, mill-ktajjen tad-dnub u tax-xitan. U għaliex aħna għandna nilbsu jew il-ktajjen tal-ħażen inkella l-ktajjen tal-karita’ u tas-salvazzjoni “Vincula peccatorum aut vincula caritatis.”

Għażiż ħija, ejja nkissru l-ktajjen tad-dnub u tal-midinbin, tad-dinja u ta’ dawk li jħobbuha, tax-xitan u l-ħbieb tiegħu u nwaddbu l-madmad tal-mewt tagħhom, ‘il bogħod minna: “Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom” (S 2,3). Biex bil-kliem tal-Ispirtu s-Santu, inqegħdu riġlejna fil-ktajjen glorjużi u għonqna fil-ktajjen tiegħu. “Qiegħed riġlejk fil-ktajjen tal-għerf, u għonqok fl-irbit tiegħu.” (Sir6,24). Nagħtu spallejna, u nġorru l-Għerf, li hu Ġesu’ Kristu u ma niddejqux mill-ktajjen tiegħu: “Agħti spalltek ħa ġġor il-piż tiegħu, u tiddejjaqx mill-ilġiem tiegħu” (Sir 6,25). Innota kif, l-Ispirtu s-Santu, qabel ma qal dan il-kliem, ħejja lir-ruħ, biex ma tiċħadx il-parir importanti tiegħu: “Agħti widen, ibni u ilqa’ l-fehma tiegħi u tiċħadx il-parir li nagħtik.” (Sir 6,23)

Għażiż ħabib tiegħi,, inti tippermettili ningħaqad mal-Ispirtu s-Santu biex nagħtik l-istess parir: “Vincula illius allegatura salutis.” “Il-ktajjen tiegħu, huma ktajjen ta’ salvazzjoni.” Ladarba Ġesu’ Kristu minn fuq is-salib għandu jiġbed il-bnedmin kollha lejh, irridu u ma rridux, Hu jiġbed il-ħżiena bil-ktajjen ta’ dnubiethom, biex jorbothom bħall-ilsiera tal-ġifen, u bħax-xjaten mal-korla eterna u mal-ġustizzja Tiegħu. Imma Hu jiġbed lill-ippredestinati, partikularment f’dawn l-aħħar taż-żminijiet, bil-ktajjen tal-imħabba. “Jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw12,32). “Jien ġbidthom b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11,14)

StLouisdeMontfortVirginMaryDawn l-ilsiera fidili ta’ Ġesu’ Kristu – vincti Christi – jistgħu jilbsu l-ktajjen tagħhom jew f’għonqhom, jew f’idejhom jew madwar qaddhom, jew inkella f’riġlejhom. Patri Vincent Caraffa, is-seba’ Ġeneral tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’ li miet bil-fwieħa tal-qdusija fl-1643, kien jilbes ċirku tal-ħadid ma’ kull sieq bħala sinjal tal-jasar tiegħu. U hu kien juri s-sobgħa tiegħu talli ma kienx jista’ jkaxkar katina fil-pubbliku. Madre Agnes ta’ Ġesu’, li diġa’ tkellimna fuqha, kienet tilbes katina madwar qaddha. Nisa qaddisin oħra, kienu jilbsuha m’għonqhom bi tpattija għall-ġiżirani tal-ġawhar li kienu jilbsu fid-dinja. Oħrajn libsuha f’idejhom biex tkun tifkira kontinwa fix-xogħol manwali, li huma kienu l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu.

**Nota: Tista’ tiġi l-oġġezzjoni li l-użu ta’ ktajjen bħal dawn hu pprojbit minn ċerti digrieti tal-Kongregazzjoni Rumana. Aħna madankollu ma nsibu xejn f’dawn id-digrieti li jipprojbixxi din il-prattika lil persuni individwali speċjalment meta – kif inhi l-intenzjoni fid-devozzjoni ta’ San Grignion de Montfort – dawn il-ktajjen huma milbusa bħala simbolu tal-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija. (Ara Analecta Juris Pontifici).

Advertisements