50. Talba lill-Madonna li tħoll l-għoqiedi tal-ħajja

our-lady-of-undoer-of-knots-1.jpgVerġni Marija, Omm tal-Imħabba, Omm li qatt ma nqast li tiġi qrib uliedek, l-aktar lejn dawk li huma mweġġgħa. Omm li jdejk qatt ma waqfu li jgħinu u jaqdu lill-għeżiez uliedek, għaliex inti kollok tjieba u ħniena; ħniena li ġejja minn qalbek u li tħares dejjem lejja f’dan il-wied tad-dmugħ. Nitolbok għalhekk biex tħoll l-għoqiedi ta’ ħajti.

Inti taf sewwa kemm inħossni mifni fit-tbatijiet tiegħi, b’dawn l-għoqiedi li qed jorbtuni mad-dinja u mal-ħażen. Marija, inti li Alla għażlek biex tkun dik li tħoll l-għoqiedi ta’ ħajjitna, ta’ wliedna, nittama fik illum u npoġġi f’idejk il-ħajja tiegħi. Ħadd, lanqas ix-xitan, ma għandu qawwa akbar minnek. Lejk indur u nitniehed u nitlob il-kenn tiegħek. F’idejk hija ħajti, ma hemmx għoqda waħda li inti ma tistax tħollha.

Omm qawwija, bil-grazzja tiegħek u bl-interċessjoni tiegħek quddiem Ibnek Ġesu’ il-Ħellies ta’ kulħadd, inpoġġi quddiemek illum l-għoqdiet ta’ ħajti. (Semmi l-grazzja li għandek bżonn). Nitolbok b’fidi, biex tħoll kull għoqda.

Ismagħni, mexxini, ħarisni, kenn tiegħi. Nixtieq nibqa’ għomri kollu nfaħħrek għal tant imħabba li wrejt miegħi. Ammen.