72. Talba tal-Familja

81103eadd878b5de096e5010cd124cfdMulej Ġesu’, int li twelidt u għext f’familja bħal tagħna. Familja b’mument ta’ ferħ, bħal meta twelidt int u ġew l-anġli, ir-rgħajja, il-maġi… bħal meta semgħu li bdejt tagħmel il-mirakli, fit-tieġ f’Kana, it-tkattir tal-ħobż, il-fejqan tal-morda, u saħansittra l-qawmien tal-mejtin. Min jaf x’ferħ ħassew ommok Marija u missierek Ġużeppi (sakemm dam ħaj) quddiem dawn il-ġrajjiet!

Imma fil-familja tiegħek mhux biss ferħ kien hemm. Kien hemm mumenti ta’ tensjoni, qtigħ il-qalb, nuqqas ta’ tama: ma sabux post diċenti fejn iwellduk, kellhom jaħarbu bik għax Erodi ried joqtlok, tilfuk meta kellek tnax-il sena, raw lin-nies jippruvaw iwaddbuk minn sies għal isfel, semgħu n-nies jgħidu li inti tlift rasek, u fl-aħħar nett ommok ratek ukoll minxur fuq salib!

Dan is-sabiħ u l-ikrah imħalltin flimkien aktarx kienu s-sors ta’ maturita’ familjari kbira. Frott ta’ dawn, intom ksibtu virtujiet umani permezz tat-tbatija, virtujiet spiritwali frott il-fiduċja f’Alla, u wasslu lil ommok tgħożż is-sabiħ f’qalbha, għożża li għenitha ma tikkrollax quddiem is-salib tiegħek.

Għinna, biex bħalma ġara fil-familja tiegħek, aħna wkoll nitgħallmu ngħożżu l-esperjenza tagħna bħala familja: għinna qatt ma ninsew il-grazzji li nirċievu kontinwament mingħandek. Nitolbuk, għinna, biex bħalma ġara fil-familja tiegħek, meta jiġi s-salib, ma jfarrakniex, iżda jgħinna nissaħħu u nimmaturaw.

Advertisements