Uffiċċju 6. Komun tal-Madonna

Dokument PDF: Uffiċċju 6. Komun tal-Madonna
Dokument WORD: Uffiċċju 6. Komun tal-Madonna

KOMUN TAL-MADONNA

L-I Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

O Marija, li fi mħabbtek
tilqa’ t-talb ta’ kull imsejken,
għandek niġu għall-għajnuna,
ixħet dejjem ħarstek fuqna.

Ieqaf magħna jekk il-ktajjen
ta’ dnubietna jagħfsu fuqna;
ħoll malajr l-irbit tal-ħtija,
li jżommilna ’l qalbna lsira.

Għinna int kull meta jżurna
l-hemm u n-niket ta’ dil-ħajja;
tina s-sliem li jżomm it-tama
tas-smewwiet mixgħula fina.

U fi tmiem il-vjaġġ, Omm ħelwa,
ersaq, ersaq lejn uliedek,
ħu f’idejk it-tmun tad-dgħajsa
sa ġol-port tas-salvazzjoni.

Agħmel int li nsebbħu f’kollox
lill-Missier, lil Kristu Ibnek,
u ’l-Ispirtu, li bħal b’libsa
ta’ ġmiel kbir żejnuk bil-grazzja. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Hienja int, Verġni Marija, li ġibt fid-dinja lil min ħalaq kollox (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 112

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħal Mulej, Alla tagħna, †
li qiegħed fil-għoli? *
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet
u lejn l-art.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu, *
mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *
jagħmilha omm ferħana b’uliedha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Hienja int, Verġni Marija, li ġibt fid-dinja lil min ħalaq kollox (Ż.Għ. hallelujah).
Ant. 2 Int nissilt lil dak li għamlek, u bqajt dejjem Verġni (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 147

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *
faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *
u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *
ixerred bħar-rmied il-ġlata,
Jitfa’ s-silġ bħall-frak tal-ħobż; *
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
Isemma’ kelmtu, u jinħall is-silġ, *
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Int nissilt lil dak li għamlek, u bqajt dejjem Verġni (Ż.Għ. hallelujah).
Ant. 3 Imbierka inti mill-Mulej, o Verġni, għax bis-saħħa tiegħek ħadna sehem mill-frott tal-ħajja (Ż.Għ. hallelujah).

Kantiku (Efesin 1: 3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Imbierka inti mill-Mulej, o Verġni, għax bis-saħħa tiegħek ħadna sehem mill-frott tal-ħajja (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (Galatin 4: 4-5)

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Wara t-twelid, o Marija, * Bqajt Verġni bla mit-tiefsa. Wara.
V. Omm Alla, idħol għalina. * Bqajt Verġni bla mittiefsa. Glorja. Wara.

Fi żmien il-Għid:
R. Wara t-twelid, o Marija, bqajt Verġni bla mit-tiefsa. * Hallelujah,
hallelujah. Wara.
V. Omm Alla, idħol għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Wara.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Il-Mulej xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu; is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar (Ż.Għ. hallelujah).
Jew: Kull nisel isejjaħli hienja, għaliex Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu (Ż.Għ. hallelujah).

PREĊI

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:
– ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.
Int, li tajtna lil Marija bħala Ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-
imnikktin, aħfer lill-midinbin:
– agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.
Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:
– ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.
Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda fl-imħabba:
– agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija Omm Ġesu’.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Jew:

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
Int għamilt lil Marija omm kollha ħniena:
– agħmel li dawk kollha li jinsabu fil-periklu jħossu l-ħlewwa tal-għożża tagħha ta’ omm.
Int, ridt li Marija tkun l-omm tal-familja fid-dar ta’ Ġesu’ u Ġużeppi:
– bit-talb tagħha għin lill-ommijiet kollha biex iħeġġu l-imħabba u l-qdusija fil-familji tagħhom.
Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek, u fil-qawwmien tiegħu
mlejtha bil-ferħ:
– għin lill-bnedmin kollha fil-hemm tagħhom u wettaqhom fit-tama.
Int dawwalt lil Marija biex iżomm kelmtek fi ħsiebha u għamiltha qaddejja fidila tiegħek:
– bit-talb tagħha agħtina l-grazzja li naqdu lil Ibnek u nkunu dixxipli tiegħu.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Talba propja: jekk ma jkunx hemm, tingħad waħda mit-II Għasar.

 

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 94, mill-Ordinarju.

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

F’ġuf Marija niżel igħammar
dak li s-sema, l-art u l-baħar
ixandruh u jagħtuh qima,
għax hu Alla li ħalaqhom.

Ħdan il-Verġni, mimli grazzja,
jilqa’ fih lis-Sid il-Għoli,
li jaqduh ix-xemx u l-qamar,
l-univers bil-ħlejjaq tiegħu.

Hienja l-Omm, li ġewwa ċ-ċokon
tal-ġuf safi tagħha niżel
il-ħallieq, li xejn ma jesgħu,
u f’qiegħ idu jżomm id-dinja.

Hienja dik li emmnet l-anġlu
u, bil-qawwa tal-Ispirtu,
ġiebet fostna ’l Alla bniedem,
il-mixtieq tal-ġnus mill-qedem.

Glorja lilek, Kristu Sidna,
Bin Marija, Omm u Verġni;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieh jintraddlek, issa u dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Salm 23

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.

Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej, *
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka minn għand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.
Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Salm 45

Kenn u qawwa hu Alla għalina, *
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *
jew jiġġarfu l-muntanji f’nofs il-baħar;
anqas jekk jgħajtu u jogħlew ilmijietu, *
jew jitheżżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakab!

Hemm xmara li s-swieqi tagħha
jferrħu l-belt ta’ Alla, *
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx; *
igħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *
iddewbet l-art, malli semma’ leħnu.

Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!

Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, *
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art.
Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †
l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *
jaħraq it-tarka bin-nar, u jgħid:
“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *
għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!”

Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.
Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

Salm 86

Il-Mulej bena ‘l Sijon *
fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha *
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla, *
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *
ma’ dawk li jagħrfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *
dawn twieldu hemm!”

U għal Sijon jingħad: *
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu *
iwettaqha f’postha.”

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu, *
dawk kollha li jgħammru fik.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

V. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.
R. Hieni min iħarisha.

LEZZJONI I

Fi żmien l-Avvent u l-Milied u r-Randan:

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki. (1 Kronaki 17: 1-15)

Tħabbira dwar l-Iben ta’ David

F’dak iż-żmien: Meta David mar joqgħod f’daru qal lil Natan, il-profeta : ‘’Issa jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-Arka tal-Patt tal-Mulej qiegħda f’nofs ta’ tinda.’’ U qal Natan lil David: ‘’Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel mur agħmlu ; għax Alla miegħek.’’

Imma dak il-lejl stess Alla kellem lil Natan u qallu: ‘’Mur u għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej : ‘Mhux inti se tibnili dar biex noqgħod fiha. Jiena ma għammart f’ebda dar minn mindu tellajt lil ulied Iżrael mill-Eġittu sa llum. Jien kont niġġerra minn tinda għal oħra u ngħammar daqqa f’post u daqqa f’ieħor. F’dak iż-żmien kollu li kont niġġerra ‘l hawn u ‘l hinn mal-ulied kollha ta’ Iżrael, qatt għidt lil xi ħadd mill-Imħallfin ta’ Iżrael, li jien kont qabbadt biex jirgħu l-poplu tiegħi Iżrael, ‘Għaliex ma bnejtlix dar taċ-ċedru ?’

U issa għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti : ‘Ara, jiena ħadtek mill-mergħat, minn wara l-imrieħel, biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek kull fejn kont tmur; jiena qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Jien nibnilek isem jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħal qabel, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-Imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nrażżan l-għedewwa tiegħek kollha.

Inħabbarlek ukoll li l-Mulej se jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun inġbart ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, wieħed minn uliedek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Hu jibnili dar, u jiena nsaħħaħ it-tron tiegħu għal dejjem. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben, u t-tjieba tiegħi qatt ma nwarrabha minnu, bħalma warrabtha mis-sultan ta’ qablek ; imma nwaqqfu għal dejjem fid-dar tiegħi u fis-saltna tiegħi, u t-tron tiegħu jibqa’ sħiħ għal dejjem.’’

Natan tkellem ma’ David skond dan il-kliem u din il-viżjoni.

RESPONSORJU (Iżaija 61: 10; Luqa 1: 46-47)

R. Hienja int, Verġni Marija, għax int sirt Omm il-Mulej li ħalaq id-dinja: * Nissilt lil dak li għamel lilek, u bqajt dejjem Verġni.
V. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. * Nissilt lil dak li għamel lilek, u bqajt dejjem Verġni.

Fi żmien il-Għid: (Apokalissi 11,19-12, 17)

Qari mill-Ktieb tal l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.

Is-sinjal kbir tal-mara fis-sema

F’dak iż-żmien: Infetaħ it-tempju t’Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-Arka tal-patt tiegħu fit-Tempju tiegħu. Imbagħad beda jberraq u kien hemm ħafna ħsejjes u ragħad u silġ oħxon.

U deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles. Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrum, u b’seba’ dijademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-mara, li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-mara ħarbet fid-deżert, hemmhekk fejn għandha post imħejji għaliha minn Alla, biex hemm jitimgħuha għal elf, mitejn u sittin jum.

Imbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-Anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun mal-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx il-ħila jegħelbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U ġie mwaddab id-Dragun il-kbir, is-serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-demonju u x-xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien mwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu. U smajt leħen qawwi mis-sema jgħid: ‘’Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u s-setgħa tal-Kristu tiegħu, għax twaddab ‘il barra dak li jixli ‘l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna. U huma ħarġu rebbieħa fuqu permezz tad-Demm tal-Ħaruf u bis-saħħa tal-kelma li xehdu, u ma għożżewx ħajjithom, minkejja saħansitra l-mewt. Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Ħażin għalikom, ja art u baħar, għax fikom niżel id-demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu!’’

Meta d-Dragun ra li safa mwaddab għal fuq l-art, huwa telaq għal wara l-mara li wildet it-tifel. Iżda lill-mara tawha ż-żewġ ġwienaħ tal-arkla l-kbira biex ittir lejn il-post tagħha fid-deżert, fejn għandha tkun mitmugħa għal żmien, għal żewġ żminijiet, u għal nofs żmien, ‘il bogħod mis-serp. U s-serp minn ħalqu xeħet għal wara l-mara bħal xmara ta’ ilma biex iġorrha miegħu; imma l-art għenet lill-mara: l-art fetħet ħalqha u xorbot ix-xmara li d-Dragun kien xeħet minn ħalqu. U d-Dragun imtela bil-korla għall-mara, u mar biex jagħmel gwerra mal-bqija ta’ nisilha, ma’ dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom ix-xhieda ta’ Ġesu’.

RESPONSORJU (1 Korintin 15: 54-57; Apokalissi 12: 1)

R. Meta dak li jmut jilbes l-immortalita’, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. * Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, hallelujah.
V. Deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. * Niżżu ħajr.

Matul is-sena:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija. (Iżaija 7,10-14; 11,1-9)

Għimmanu-El, Sultan is-sliem

F’dak iż-żmien: Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u qallu: “Itlob sinjal għalik minn għand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fil-għoli tas-smewwiet.” U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej.”

U l-profeta Iżaija wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Arawha, ix-xebba ssir omm u jkollha iben u ssemmih Għimmanu-El-għax Alla magħna.”

Għad taħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.

Ma jiġġudikax skont ma jidher fil-għajnejn, u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja, u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art. Isawwat l-art bix-xettru ta’ fommu, u b’nifs xofftejh jolqot lill-ħażin. Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja, u l-fedelta’ l-ħżiem ta’ qaddu.

Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien il-għoġol u l-ferħ tal-ljun, tfajjel żagħżugħ isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħal gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp, u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bil-għarfien tal-Mulej bħalma hu miksi bl-ilmijiet.

RESPONSORJU (Iżaija 7: 14; 9: 6-7)

R. Ix-xebba ssir omm u jkollha iben; * U jsemmuh Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan.
V. Joqgħod għal dejjem fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu. * U jsemmuh.

Jew: (Galatin 3: 22-4: 7)

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin. .

Aħna wlied Alla u werrieta tiegħu bil-fidi

Ħuti: L-Iskrittura xeħtet kollox taħt id-dnub, ħalli l-wegħda, bis-saħħa tal-fidi f’Ġesu’ Kristu, tingħata lil dawk li jemmnu.

Qabel ma ġiet il-fidi, aħna konna miżmumin priġunieri taħt il-ħarsien tal-liġi, sa ma tiġi l-fidi li kellha tkun rivelata. Il-liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu iġġustifikati permezz tal-fidi. Issa li l-fidi ġiet, ma naħtiġux aktar min imexxina. Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesu’.

Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesu’. Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skond il-wegħda.

Irrid ngħid li, sakemm idum iż-żmien li fih il-werriet ikun għadu tifel, dan ma jkunx aħjar minn ilsir, għad li hu sid il-ġid kollu; iżda jkun taħt il-ħarsien tat-tuturi u tal-amministraturi, sa ma jasal iż-żmien magħżul mill-missier. Hekk ukoll aħna: meta konna tfal, konna lsiera taħt l-elementi tad-dinja. Iżda meta, waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied!

U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba, Missier! U hekk mintix iżjed ilsir, iżda iben: u jekk iben, werriet ukoll permezz ta’ Alla.

RESPONSORJU (ara Galatin 4: 4-5; Efesin 2: 4; Rumani 8: 3)

R. Waslet il-milja taż-żminijiet, u Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja, imwieled minn Verġni, imwieled taħt il-liġi, * Biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi.
V. Bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb. * Biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi.

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi ta’l-isqof San Sofronju.

Il-Missier bierek lill-bnedmin b’Marija

Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. U x’jista’ jkun hemm aqwa minn ferħ bħal dan, Verġni Marija? X’jista’ jkun hemm ogħla minn din il-grazzja li int waħdek qlajt minn għand Alla? Jew x’nistgħu nistħajlu isbaħ u ogħla minn grazzja bħal din? Kull ħaġa oħra hija wisq imbiegħda mill-għaġeb li naraw iseħħ fik, kollox jinsab wisq ‘l isfel mill-grazzja tiegħek; il-ħwejjeġ kollha, sbieħ kemm huma sbieħ, kollox qiegħed wara l-grazzja tiegħek u wisq iċken fil-foħrija.

Il-Mulej miegħek: min se jissogra jeħodha miegħek? Alla minnek: min sejjer ma jwarrabx biex iħalli lilek tgħaddi? Jew min ma jħossx ruħu ferħan li jagħti lilek l-ewwel u l-aqwa post? Għalhekk, xħin nilmaħ id-doni sbieħ u għolja li bihom inti mżejna wisq aktar mill-ħlejjaq l-oħra kollha, ħallini ngħolli leħni u ngħidlek bl-akbar ferħ: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. Għax bis-saħħa tiegħek thennew mhux biss il-bnedmin, iżda wkoll il-qtajja’ tas-sema.

Tassew imbierka inti fost in-nisa, għax int bdilt is-saħta ta’ Eva f’barka; u bik tbierek Adam, li qabel kien mixħut u midrub bis-saħta.

Tassew imbierka inti fost in-nisa, għax bik il-Missier bierek lill-bnedmin u ħelishom mis-saħta tal-imgħoddi.

Tassew imbierka inti fost in-nisa, għax bik l-ewwel missier u omm tagħna sabu s-salvazzjoni; għax kont int li ġibt fid-dinja s-Salvatur, li ħallas lil Alla biex isalvahom.

Tassew imbierka inti fost in-nisa, għax mingħajr żerriegħa int għamilt dak il-frott li kien barka għad-dinja kollha u fdieha mis-saħta li nisslet ix-xewk fiha.

Tassew imbierka inti fost in-nisa, għax int, għad li mara skont in-natura, imma sirt tabilħaqq Omm Alla. Għax ladarba dak li twieled minnek hu tassew Alla magħmul bniedem, int bil-jedd u l-ħaqq kollu għandek tissejjaħ Omm Alla, int li tassew ulidt lil Alla.

Int ġibt fil-ġuf tiegħek lil Alla nnifsu, li għammar fik bħala bniedem, u feġġ minnek bħal għarus li ferraħ lill-bnedmin kollha bid-dawl ta’ Alla li wasslilhom.

Fik, o Verġni, bħal f’sema ta’ bjuda bla nikta u kollu dija, Alla waqqaf il-għamara tiegħu, u ħareġ minnek bħal għarus ħiereġ minn ġo kamartu, biex matul ħajtu jiġri l-ġirja tiegħu tixbah lill-ġirja ġgantija tax-xemx li kellha ġġib is-salvazzjoni u l-ħajja lill-bnedmin kollha, u li, fid-dawra tagħha minn tarf għall-ieħor tas-sema, timla kollox bil-ħeġġa qaddisa u bid-dawl li jagħti l-ħajja.

RESPONSORJU

R. Tassew imbierka inti fost in-nisa, għax int bdilt is-saħta ta’ Eva f’barka. * Bik il-Missier bierek lill-bnedmin. (Ż.Għ. hallelujah).
V. Bik l-ewwel missier u omm tagħna sabu s-salvazzjoni. * Bik il-Missier. (Ż.Għ. hallelujah).

Jew:

Qari mid-Diskorsi tal-beatu Elred, abbati.

Marija hi ommna

Nersqu lejn il-għarusa tiegħu, nersqu lejn ommu, nersqu lejn il-qaddejja t-tajba tiegħu. Il-Verġni mqaddsa Marija hi dan kollu.

Iżda biex se nersqu lejha? X’rigali se noffrulha? Mhux li konna għalinqas inroddulha d-dejn li għandna magħha! Għax għandna nagħtuha: għandna nagħtuha l-ġieh, is-servizz, l-imħabba u t-tifħir tagħna. Hi Omm Sidna: għalhekk għandna nroddulha l-ġieh. Jekk xi ħadd ma jweġġahx lill-omm, kif jista’ ma jonqosx mill-ġieh lill-iben? U l-Iskrittura tgħid : Weġġah lil missierek u ‘l ommok.

Ħuti, xi rridu nfissru b’dan? Marija mhijiex ommna? U żgur, ħuti, hi ommna tassew. Aħna twelidna biha, mhux għad-dinja, imma għal Alla.

Intom temmnu u tafu li aħna lkoll konna mejtin, bnedmin qodma, fid-dlamijiet, fil-miżerja. Konna mejtin, għax tlifna lil Alla; bnedmin qodma, għax tħassarna; fid-dlamijiet, għax tlifna d-dawl tal-għerf; u għalhekk konna mitlufa għal kollox.

Iżda Marija wilditna, u wilditna wisq aħjar minn Eva, għax Marija wildet lil Kristu. Minn bnedmin qodma sirna ġodda, minn imħassra lbisna n-nuqqas ta’ taħsir, mid-dlamijiet ħriġna għad-dawl.

Marija hi ommna, omm il-ħajja tagħna, omm in-nuqqas ta’ taħsir tagħna, omm id-dawl tagħna.

L-Appostlu jgħid li l-Mulej sar għalina għerf ġej minn għand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa. Mela Marija, għax Omm Kristu, hi omm il-għerf tagħna, omm il-ġustizzja tagħna, omm il-qdusija tagħna, omm il-fidwa tagħna. Għalhekk hi ommna wisq aktar mill-omm li nisslitna skont il-ġisem. Jiġifieri, hija tatna twelid aqwa, ladarba lilha nafu l-qdusija tagħna, il-għerf, il-ġustizzja, it-tqaddis u l-fidwa tagħna.

Tgħid l-Iskrittura: Faħħru l-Mulej fil-qaddisin tiegħu. Issa jekk Sidna hu ta’ min ifaħħru f’dawk il-qaddisin li bihom jagħmel l-għeġubijiet u l-mirakli, mela kemm iżjed hu ta’ min ifaħħru fil-qaddisa li biha dak li hu tal-għaġeb fuq l-għeġubijiet kollha għamel lilu nnifsu!

RESPONSORJU

R. Hienja int, Verġni Marija, u jistħoqqlok tassew kull tifħir: * Għax bik feġġ Kristu Alla tagħna, ix-Xemx tal-ġustizzja, li bih konna salvati u mifdija (Ż.Għ. hallelujah).
V. Bil-ferħ ta’ qalbna niċċelebraw din il-festa (it-tifkira) tiegħek, Verġni mqaddsa Marija. * Għax bik feġġ Kristu Alla tagħna, ix-Xemx tal-ġustizzja, li bih konna salvati u mifdija (Ż.Għ. hallelujah).

Jew:

Qari mill-Kostituzzjoni dommatika tal-Konċilju Vatikan it-tieni, fuq il-Knisja.

Il-maternita’ ta’ Marija fil-pjan tal-grazzja

Il-Verġni mbierka kienet minn dejjem ippredestinata biex tkun Omm Alla, bl-istess digriet tal-Inkarnazzjoni tal-Verb. Il-providenza t’Alla riditha tkun f’din l-art l-Omm twajba tal-Feddej u l-qaddejja umli tal-Mulej, li b’qalb kbira u b’mod speċjali ssieħbet miegħu f’ħidmietu. Hija nisslet lil Kristu, wilditu, rabbietu, offrietu lill-Missier fit-tempju, u sofriet ma’ Binha huwa u jmut fuq is-salib ; b’hekk hija kellha sehem speċjali fil-ħidma tas-Salvatur, u bl-ubbidjenza tagħha, bil-fidi, it-tama u l-ħeġġa ta’ mħabbitha, hija ħadmet id f’id miegħu biex l-erwieħ jiksbu mill-ġdid il-ħajja tal-grazzja. Minħabba f‘hekk hija saret għalina omm fl-ordni tal-grazzja. Marija bdiet tkun ommna fil-pjan tal-grazzja sa minn dak il-waqt li, b’fidi kbira, laqgħet il-messaġġ li tħabbrilha mill-anġlu; bla biża’ ta’ xejn baqgħet iġġib ruħha ta’ ommna taħt is-salib; u għandha u tibqa’ dejjem ommna, sa ma sseħħ għal kollox il-ġemgħa tal-magħżulin kollha. Għax għalkemm ġiet imtellgħa fis-sema, hija ma telqitx minn taħt idejha dan l-uffiċċju għas-salvazzjoni tagħna, imma għandha tidħol għalina b’kull mod, biex Alla jagħtina l-grazzja meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ dejjem.

Fl-imħabba tagħha ta’ omm hija l-ħin kollu taħseb f’dawk l-aħwa ta’ Binha li, fit-triq tagħhom lejn is-sema, għandhom jitħabtu fost it-twegħir u d-dwejjaq, u tibqa’ tieħu ħsiebhom sa ma jidħlu fil-hena tal-belt vera tagħhom.

Hu minħabba f’hekk li l-Knisja ssejjaħ lill-Verġni mbierka bl-ismijiet ħelwa ta’ Avukata, Awżiljatriċi, Għajnuna u Medjatriċi ħadd ma għandu jaħseb li b’daqshekk il-Knisja tifhem tnaqqas jew iżżid xi ħaġa fil-kobor u l-qawwa ta’ Kristu, li hu waħdu l-Medjatur.

Ħadd, fost il-ħlejjaq, ma jista’ qatt jitqies daqs il-Verb magħmul bniedem, daqs il-Feddej. Iżda bħalma l-ministri u l-poplu fidil, kulħadd skont il-mod tiegħu, għandhom sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu; u bħalma l-ħlejjaq kollha, kull waħda skont il-mod tagħha, jieħdu tassew mit-tjieba t’Alla; hekk ukoll jiġri fil-medjazzjoni ta’ Kristu, li ma hemmx ħliefha. Hija mhux biss ma twarrabx ħaddiema oħra, imma tqanqal il-ħlejjaq biex, kull waħda skont il-mod tagħha, jaħdmu id f’id ma’ Kristu l-Medjatur, dejjem bħala sehem f’ħidma waħda ħierġa minn għajn waħda.

Il-Knisja ma tibżax tistqarr dan l-uffiċċju li Marija għandha taħt Kristu; hija dejjem tħossu jaħdem fuqha, u tħajjar lill-fidili biex iweġġhu minn qalbhom dan l-uffiċċju tagħha, ħalli jitqawwew bil-għajnuna ta’ din l-omm u jistgħu jingħaqdu bis-sħiħ mal-Medjatur u s-Salvatur tagħna.

RESPONSORJU

R. Verġni qaddisa u bla tebgħa, kif se nsib kliem biex infaħħar sbuħitek? * għax ġibt fil-ġuf lil dak li anqas is-smewwiet ma jesgħuh. (Ż.Għ. hallelujah).
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek * għax ġibt fil-ġuf … (Ż.Għ. hallelujah).

Wara l-qari tal-lezzjonijiet, fis-solennitajiet u l-festi jingħad l-Innu:

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU

Lilek, o Alla, infaħħru; * lilek b’Mulej nistqarru.
Lilek, Missier ta’ dejjem * id-dinja kollha tqimek.
Lilek, l-anġli kollha, *
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom.
Lilek il-kerubini u s-serafini *
ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija *
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Lilek tfaħħar *
il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
Lilek ifaħħar *
il-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru *
il-qtajja tal-Martri rebbieħa kollhom bjuda.
Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistarr fik:
il-Missier * ta’ kobor bla qjies;
l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni;
u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur.

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem * Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem, *
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.
Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.

Ahna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li inti fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

V. Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, * bierek lill-wirt tiegħek.
R. Kun ir-ragħaj tagħhom, * erfagħhom għal dejjem.
V. Min jum għall-iehor * aħna nberkuk:
R. u nfaħħru ismek għal dejjem, * u għal dejjem ta’ dejjem.
V. Agħmel, Mulej, li llum * inħarsu ruħna minn kull dnub.
R. Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.
V. Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
R. kif fik hi t-tama tagħna.
V. Fik, Mulej, jien nistkenn: *
R. ma jkolli qatt għax ninfixel.

Talba, mit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Sidt glorjuża li fil-għoli
fuq il-kwiekeb ġejt imtellgħa,
nagħtuk ġieh, għax int, b’ħalibek
safi, sqejt lil dak li ħalqek.

B’Ibnek sewwejtilna l-ħsara
li d-dnub t’Eva ġibed fuqna;
bi tjubitek ftaħt mogħdija
biex l-imsejkna jidħlu s-sema.

Inti l-bieb tas-Sultan Għoli,
bieb li minnu d-dawl feġġ fuqna;
ħa jifirħu l-ġnus mifdija,
għax bik, Verġni, sabu l-ħajja.

Agħmel int li nsebbħu f’kollox
lill-Missier, lil Kristu Ibnek,
u ’l-Ispirtu, li bħal b’libsa
ta’ ġmiel kbir żejnuk bil-grazzja. Ammen.

Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej. Idħol għalina quddiem Ibnek.

Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej

Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej. Idħol għalina quddiem Ibnek.

Ant. 2 Inti s-sebħ ta’ Ġerusalem, inti l-ferħ ta’ Iżrael, inti l-ġieh tal-poplu tagħna.

Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2 Inti s-sebħ ta’ Ġerusalem, inti l-ferħ ta’ Iżrael, inti l-ġieh tal-poplu tagħna.

Ant. 3 Ifraħ dejjem, Verġni Marija, għax stħaqqlek iġġib fid-dinja s-Salvatur.

Salm 149
Il-hena tal-qaddisin

Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Ifraħ dejjem, Verġni Marija, għax stħaqqlek iġġib fid-dinja s-Salvatur.

LEZZJONI QASIRA (Iżaija 61: 10)

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.
V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha.

Fi żmien il-Għid:
R. Għażilha l-Mulej, U ħatarha fost kulħadd. * Hallelujah, hallelujah. Għażilha.
V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Għażilha.

Ant. tal-kant. ta’ Zakkarija Eva għalqet bieb is-sema għal kulħadd; Marija Verġni fetħithulna mill-ġdid (Ż.Għ. hallelujah).

PREĊI

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:
Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.
Xemx tal-ġustizzja, qablek feġġet ix-Xebba bla tebgħa bħad-dawl taż-żerniq:
– agħmel li ngħixu dejjem fid-dawl taż-żjara tiegħek.
Verb etern, int għażilt lil Marija biex tgħammar fiha bħal f’arka li ma titħassarx:
– eħlisna mit-taħsir tad-dnub.
Salvatur tagħna, int kellek lil Ommok wieqfa ħdejk taħt is-salib:
– bit-talb tagħha agħtina li nissieħbu ferħana fi tbatijietek..
Ġesu’ l-aktar twajjeb, minn fuq is-salib int tajt lil Marija b’omm Ġwanni:
– agħmel li bil-ħajja tagħna mingħarfu b’uliedha.

Missierna, eċċ.

Jew:

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:
Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.
Salvatur tad-dinja, bil-grazzja qawwija tal-fidwa tiegħek int ħarist minn qabel lil
Ommok minn kull tebgħa ta’ dnub:
– żommna safja u mbiegħda mid-dnub.
Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed
qaddisa u santwarju tal-Ispirtu s-Santu:
– agħmilna tempju li fih igħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.
Verb etern, int għallimt lil Ommok tagħżel għaliha s-sehem it-tajjeb:
– agħtina li nagħmlu bħalha, billi nfittxu l-ikel li jsaħħaħna għall-ħajja ta’ dejjem.
Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-
ġisem:
– agħtina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.
Sid is-sema u l-art, int qegħidt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek:
– agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.

Missierna, eċċ.

Talba propja: jekk ma jkunx hemm, tingħad waħda mit-II Għasar.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,
Omm qaddisa u kbira t’Alla,
dejjem Verġni bla mittiefsa,
bieb il-hena u ferħ tas-sema.

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijiel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva,
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,
ġib id-dawl lill-għomja kollha,
biegħed minna l-ħażen tagħna,
niżżel fuqna l-ġid mis-sema.

Uri li tassew int Ommna,
wassal talbna quddiem Alla,
li fi ħnientu twieled minnek
biex isir għalina bniedem.

Verġni fost kulħadd magħżula,
ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,
itlob ’l Ibnek biex jagħtina
maħfra, safa u spirtu ħlejju.

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,
żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,
sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra
ta’ Ġesu’ għal dejjem miegħek.

Lill-Missier it-tifħir tagħna,
ġeh u setgħa ’l Kristu Sidna,
lill-Ispirtu s-Santu l-qima,
sebħ lit-Tlieta, Alla wieħed. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. (Ż.Għ. hallelujah).
Ant. 2 Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek. (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej

Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek. (Ż.Għ. hallelujah).
Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

Kantiku (Efesin 1: 3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (Galatin 4: 4-5)

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja: * Il-Mulej miegħek. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej
miegħek. Glorja. Sliem.

Fi żmien il-Għid:
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja: Il-Mulej miegħek. * Hallelujah,
hallelujah. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Hallelujah,
hallelujah. Glorja. Sliem.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Ħienja int, Marija, għax int emmint li jseħħ kull ma bagħat igħidlek il-Mulej (Ż.Għ. hallelujah).

PREĊI

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:
– ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.
Int, li tajtna lil Marija bħala Ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-
imnikktin, aħfer lill-midinbin:
– agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.
Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:
– ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.
Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda fl-imħabba:
– agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija Omm Ġesu’.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Jew:

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
Int għamilt lil Marija omm kollha ħniena:
– agħmel li dawk kollha li jinsabu fil-periklu jħossu l-ħlewwa tal-għożża tagħha ta’ omm.
Int, ridt li Marija tkun l-omm tal-familja fid-dar ta’ Ġesu’ u Ġużeppi:
– bit-talb tagħha għin lill-ommijiet kollha biex iħeġġu l-imħabba u l-qdusija fil-familji tagħhom.
Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek, u fil-qawmien tiegħu
mlejtha bil-ferħ:
– għin lill-bnedmin kollha fil-hemm tagħhom u wettaqhom fit-tama.
Int dawwalt lil Marija biex iżomm kelmtek fi ħsiebha u għamiltha qaddejja fidila tiegħek:
– bit-talb tagħha agħtina l-grazzja li naqdu lil Ibnek u nkunu dixxipli tiegħu.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Talba

Talba propja: jekk ma jkunx hemm, tingħad waħda miIIi ġejjin:

Fiż-żmien l-Avvent:
O Alla, inti ridt li, mat-tħabbira tal-Anġlu, il-Verb tiegħek isir bniedem fil-ġuf tal-Verġni mqaddsa Marija, u aħna nemmnu li hi saret Omm Alla; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex ikollna l-għajnuna tat-talb tagħha. B’Ibnek.

Fi żmien il-Milied:
O Alla, int ridt li l-imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Fi żmien ir-Randan, 1:
Sawwab f’ruħna, Mulej, il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, għat-talb tal-Verġni imqaddsa Marija, bil-passjoni u l-mewt tiegħu, naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek.

Fi żmien ir-Randan 2:
Warrab minn quddiem għajnejk, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek, biex aħna, li ma għandniex ħila nogħġbuk b’dak li nagħmlu aħna, insalvaw bit-talb ta’ Omm Ibnek, Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Fi żmien il-Għid, 1:
O Alla, int għoġbok timla d-dinja bil-ferħ fil-qawmien ta’ Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna; agħtina li, bis-saħħa tal-Verġni Marija, Ommu, niksbu l-hena tal-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek.

Fi żmien il-Għid, 2:
O Alla, inti tajt l-Ispirtu s-Santu lill-appostli waqt li kienu jitolbu ma’ Marija, Omm Ġesu’; bit-talb tagħha, agħti lilna wkoll il-grazzja li naqdu lill-kobor tiegħek minn qalbna, u li, bil-kelma u bl-eżempju tagħna, inxandru ma’ kullimkien il-glorja ta’ Ismek. B’Ibnek.

Matul is-sena, 1:
Agħmel, Mulej Alla tagħna, li aħna l-qaddejja tiegħek inkunu dejjem qawwijin u sħaħ fir-ruħ u l-ġisem, u li, bit-talb glorjuż tal-imqaddsa Marija dejjem Verġni, neħilsu mid-dwejjaq ta’ issa u niksbu l-hena ta’ dejjem. B’Ibnek.

Matul is-sena, 2:
Warrab minn quddiem għajnejk, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek, biex aħna, li ma għandniex ħila nogħġbuk b’dak li nagħmlu aħna, insalvaw bit-talb ta’ Omm Ibnek, Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Matul is-sena, 3:
O Alla ħanin, ieqaf magħna, bnedmin dgħajfa, biex aħna u nagħmlu l-festa (t-tifkira) tal-Omm qaddisa ta’ Alla, bil-għajnuna tat-talb tagħha nintrefgħu minn ħżunitna u ngħixu ħajja qaddisa. B’Ibnek.

Matul is-sena, 4:
Agħmel, Mulej, li l-imqaddsa Marija dejjem Verġni, bit-talb tagħha tkun għalina ta’ għajnuna, teħlisna minn kull tiġrib, u ddaħħalna fil-hena u s-sliem tiegħek. B’Ibnek.

Matul is-sena, 5:
Aħna u nagħtu ġieh lill-Verġni mqaddsa Marija fil-festa (t-tifkira) glorjuża tagħha, agħmel, Mulej, li bit-talb tagħha għalina aħna wkoll jistħoqqilna nieħdu mill-milja tal-grazzji tiegħek. B’Ibnek.

Matul is-sena, 6:
Agħtina, o Alla li tista’ kollox, il-għajnuna tat-talb tal-Verġni mqaddsa Marija u ferraħna bil-ħarsien tagħha, biex aħna, il-fidili tiegħek, neħilsu minn kull deni fuq l-art u naslu fil-hena ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek.

Advertisements