Uffiċċju 7.3 Il-25 ta’ Marzu – It-Tħabbira tal-Mulej

Dokument PDF: Uffiċċju 7.3 Il-25 ta’ Marzu – It-Tħabbira tal-Mulej
Dokument WORD: Uffiċċju 7.3 Il-25 ta’ Marzu – It-Tħabbira tal-Mulej

Annunciation (3)

25 TA’ MARZU

Solennita’ ta’

IT-TĦABBIRA TAL-MULEJ

L-I Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Ħlas il-ħajja niżel fostna
ħa jkun dan magħruf mill-ħlejjaq!
wara l-madmad tqil tal-jasar,
feġġ il-jum tal-fidwa tagħna.

Dak li ħabbar Iżaija
seħħ illum fil-Verġni mqaddsa;
l-Anġlu taha l-aħbar sabiħa
w hija nisslet mill-Ispirtu.

Il-ġuf safi ta’ Marija
tqal bil-kliem tal-fidi tagħha;
ġewwa fiha għoġbu jgħammar
Dak li f’idu jżomm id-dinja.

Ġie Adam il-ġdid u naddaf
kull ma niġġes l-ewwel wieħed:
l-ubbidjenza reġgħet waqqfet
dak li ġarrfet is-suppervja.

Radd il-ħajr u sebħ lil Kristu,
l-Iben tal-Missier minn dejjem,
li, bis-setgħa tal-Ispirtu,
deher bħal bniedem minn Omm Verġni. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, u tinbet rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 112

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħal Mulej, Alla tagħna, †
li qiegħed fil-għoli? *
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet
u lejn l-art.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu, *
mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *
jagħmilha omm ferħana b’uliedha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, u tinbet rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 2 Il-Mulej jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 147

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *
faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *
u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *
ixerred bħar-rmied il-ġlata,
Jitfa’ s-silġ bħall-frak tal-ħobż; *
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
Isemma’ kelmtu, u jinħall is-silġ, *
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Il-Mulej jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 3 Il-Verb Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien, tneżża’ minn kollox u llum sar bniedem minħabba fina (Ż.Għ. hallelujah).

Kantiku (Fil 2: 6-11)

Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, *
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
imma tneżża’ minn kollox, *
billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bniedem *
u deher minn barra bħal bniedem:
ċekken lilu nnifsu, †
billi obda sal-mewt, *
anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *
u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,
biex fl-Isem ta’ Ġesu’ †
fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkobbtejhom,
u kull ilsien jistqarr: †
“Ġesu’ Kristu hu l-Mulej *
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Verb Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien, tneżża’ minn kollox u llum sar bniedem minħabba fina (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (1 Ġw 1: 1-2)

Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan se nxandrulkom. Għax il-ħajja wriet ruħha u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u li wriet ruħha lilna.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Mill-għerq ta’ Ġesse nibtet rimja, * Minn Ġakobb telgħet kewkba. Mill-għerq.
V. Il-Verġni nisslet is-Salvatur. * Minn Ġakobb telgħet kewkba. Glorja. Mill-
għerq.

Fi żmien il-Għid:
R. Mill-għerq ta’ Ġesse nibtet rimja, minn Ġakobb telgħet kewkba. * Hallelujah,
hallelujah. Mill-għerq.
V. Il-Verġni nisslet is-Salvatur. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Mill-għerq.

Ant. tal-kant. ta’ Marija L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, Marija, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek (Ż.Għ. hallelujah).

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, Marija, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek (Ż.Għ. hallelujah).

PREĊI

Il-Missier etern f’dan il-jum bagħat l-Anġlu tiegħu biex iħabbar is-Salvatur tagħna lil Marija. Nadurawh u b’fiduċja kbira ngħidulu:
Mulej, sawwab fuqna il-kotra tal-grazzji tiegħek.
Int għażilt lil Marija biex tkun Omm Ibnek:
– ħenn għal dawk kollha li qegħdin jistennew il-fidwa Bih.
Int, permezz ta’ Gabrijiel, ħabbart is-sliem u ferħ kbir lil Marija:
– agħti l-ferħ u s-sliem tassew lid-dinja kollha.
Permezz ta’ Marija, li laqgħet il-kelma tiegħek, u bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, int bgħatt il-Verb tiegħek biex igħammar fostna:
– ħejji lil qalbna biex nilqgħu lil Kristu kif laqgħetu l-Verġni Marija.
Inti tħares lejn iċ-ċkejknin u timla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ:
– serraħ lil min hu mtaqqal, għin lil min hu fil-bżonn, ieqaf mal-moribondi.
Għalik ma hemm xejn li ma jistax isir, u int waħdek tagħmel l-għeġubijiet:
– salva lilna u lil ħutna kollha meta fl-aħħar jum tqajjem lill-mejtin.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

 

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94

Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Il-Verb sar bnidem: ejjew nadurawh (Ż.Għ. hallelujah).

Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.

 

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

Il-bnedmin, mid-dawl imċaħħda,
kienu jqimu b’allat tagħhom
lil xbihat bla ħajja u fiergħa
tal-injam u bronż u ġebel.

Dgħajfa u msejkna, waqgħu priża
tax-xitan, missier il-gideb,
u, fid-dlam ta’ ħajja mjassra,
kienu jgħixu mingħajr tama.

L-Iben t’Alla, fi tjubitu,
għoġbu jħenn għall-ġnus imwaqqgħa,
għax ma riedx li l-opra l-kbira
ta’ Missieru tkun meqruda.

Ġie għalhelkk hu stess fid-dinja,
bniedem fqajjar, bħalna f’kollox,
biex mill-jasar jifdi l-bniedem,
ħalli jreġġgħu għand Missieru.

Dan hu jum li fih tiġġedded
it-tifkira ta’ dil-ġrajja,
meta l-Verb etern ħa l-ġisem
u sar bniedem f’ġuf Marija.

Għajn ta’ ferħ bla qies għalina
sar il-ħdan tax-Xebba mbierka,
għax żmien ġdid ta’ dawl bditilna
hekk kif laqgħet ‘l Alla fiha.

Glorja lilek, Kristu Sidna,
bin Marija, Omm u Verġni;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieh jintraddlek, issa u dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, biex ikollna l-adozzjoni (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 2

Għaliex jixxewxu l-ġnus, *
u l-popli jreddnu għal xejn?
Is-slaten ta’ l-art iqumu, †
u l-kbarat jiftiehmu bejniethom *
kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
“Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, *
u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom!”

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, *
il-Mulej biċ-ċajt joħodhom.
Imbagħad ikellimhom bil-herra, *
bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
“Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, *
fuq Sijon, il-għolja mqaddsa tiegħi!”

Irrid inxandar id-digrieti tal-Mulej; *
Hu qalli: ‘Ibni int, jien illum nissiltek.
Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek, *
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virga tal-ħadid int tkissirhom, *
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.”

U issa, slaten, ifhmu sewwa; *
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
Aqdu lil-Mulej bil-biża’, *
u bir-rogħda riġlejh busu,
li ma jagħdabx u intom tinqerdu, *
għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.
Hienja dawk kollha *
li jistkennu fih!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, biex ikollna l-adozzjoni (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 2 Meta daħal fid-dinja, qal: Int ħejjejt ġisem għalija; hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek o Alla (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 18A

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla, *
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar, *
lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħinhom, *
mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †
u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *
ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,
minn tarf is-smewwiet hi toħroġ, †
sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *
xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Meta daħal fid-dinja, qal: Int ħejjejt ġisem għalija; hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek o Alla (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 3 B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 44

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †
ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *
ilsieni pinna ta’ kittieb ħafif.

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †
imsawba l-ħlewwa fuq xofftejk; *
għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; *
ilbes il-ġieh u l-ġmiel tiegħek!
Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *
turik lemintek ħwejjeġ tal-għaġeb!
Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †
taħtek jaqgħu l-popli; *
jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.
It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem, *
xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!
Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen: *
għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,
b’żejt il-hena aktar minn sħabek.

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,
kollha fwieħa lbiesek. *
Mill-palazzi tal-avorju jferrħek id-daqq tal-kordi.
Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk; *
f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Isma’, binti, ħares u agħti widen, *
insa ’l ġensek u ’l dar missierek.
Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *
u int, għax hu sidek, agħtih qima.
In-nies ta’ Tir bir-rigali jiġu, *
il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *
minsuġ bid-deheb ilbiesha.
Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *
it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.
Jittieħdu b’għajjat ta’ ferħ u hena; *
jidħlu fil-palazz tas-sultan.

Flok missierijietek jilħqu wliedek; *
inti tqegħidhom kapijiet fuq l-art kollha.
Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *
Ifaħħruk il-popli għal dejjem ta’ dejjem!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih (Ż.Għ. hallelujah).

V. Il-Verb sar bniedem (Ż.Għ. hallelujah).
R. U għammar fostna (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI 1 (1 Kron 17: 1-15)

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki.

Tħabbira dwar l-Iben ta’ David

F’dak iż-żmien: Meta David mar joqgħod f’daru qal lil Natan, il-profeta : ‘’Issa jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-Arka tal-Patt tal-Mulej qiegħda f’nofs ta’ tinda.’’ U qal Natan lil David: ‘’Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel mur agħmlu ; għax Alla miegħek.’’

Imma dak il-lejl stess Alla kellem lil Natan u qallu: ‘’Mur u għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej : ‘Mhux inti se tibnili dar biex noqgħod fiha. Jiena ma għammart f’ebda dar minn mindu tellajt lil ulied Iżrael mill-Eġittu sa llum. Jien kont niġġerra minn tinda għal oħra u ngħammar daqqa f’post u daqqa f’ieħor. F’dak iż-żmien kollu li kont niġġerra ‘l hawn u ‘l hinn mal-ulied kollha ta’ Iżrael, qatt għidt lil xi ħadd mill-Imħallfin ta’ Iżrael, li jien kont qabbadt biex jirgħu l-poplu tiegħi Iżrael, ‘Għaliex ma bnejtlix dar taċ-ċedru ?’

U issa għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti : ‘Ara, jiena ħadtek mill-mergħat, minn wara l-imrieħel, biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek kull fejn kont tmur; jiena qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Jien nibnilek isem jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħal qabel, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-Imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nrażżan l-għedewwa tiegħek kollha.

Inħabbarlek ukoll li l-Mulej se jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun inġbart ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, wieħed minn uliedek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Hu jibnili dar, u jiena nsaħħaħ it-tron tiegħu għal dejjem. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben, u t-tjieba tiegħi qatt ma nwarrabha minnu, bħalma warrabtha mis-sultan ta’ qablek ; imma nwaqqfu għal dejjem fid-dar tiegħi u fis-saltna tiegħi, u t-tron tiegħu jibqa’ sħiħ għal dejjem.’’

Natan tkellem ma’ David skond dan il-kliem u din il-viżjoni.

RESPONSORJU

R. Alla bagħat l-anġlu Gabrijiel għand Marija Verġni, il-għarusa ta’ Ġużeppi, biex jagħtiha l-aħbar; u l-Verġni beżgħet f‘dak id-dawl. Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla * Inti se tnissel u jkollok iben, u jkun jissejjaħ Bin Alla l-Għoli.
V. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek. * Inti se tnissel.

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri tal-Papa San Ljun il-Kbir.

Il-misteru tal-ħbiberija tagħna ma’ Alla

L-Iben ta’ Alla, fil-kobor tiegħu bla qjies, ċekken lilu nnifsu u sar bniedem bħalna; fis-setgħa tiegħu, libes in-nuqqas ta’ ħila tagħna; u hu, li hu minn dejjem u jibqa’ għal dejjem, ħa l-ġisem tagħna li jmut. Dan kollu għamlu biex jista’ jiħallas id-dejn li kellna ma’ Alla minħabba d-dnub, u b’hekk in-natura ta’ Alla, li ma titbiddel qatt, ingħaqdet man-natura tagħna l-bnedmin, li tintemm. B’dan il-mod, għaliex hekk kien jeħtieġ li jsir biex insalvaw, il-medjatur wieħed bejn Alla u l-bniedem, il-bniedem Kristu Ġesu’, li bħala Alla ma setax imut, seta jmut bħala bniedem.

Veru Alla, Ġesu’ twieled veru bniedem bħalna: kollu kemm hu Alla, bħala Alla, u kollu kemm hu bniedem, bħala bnidem. Hu bniedem bħalna, jiġifieri hu għandu n-natura ta’ bniedem kif inħalqet fil-bidu u kif Alla ried iġeddidha, għaliex fis-Salvatur tagħna, bħala bniedem, ma kien hemm xejn minn dak li ħalla l-Ħażin u l-fatt li kien l-bniedem f’kollox, dan ma jfissirx li kien jixbaħna wkoll fid-dnub.

Ħa s-sura ta’ lsir, mingħajr ma ttebba’ bid-dnub; ta ġieh lin-natura tagħna l-bnedmin mingħajr ma naqqas il-ġieħ tan-natura tiegħu ta’ Alla, għaliex meta ċċekken u deher fostna, hu li ħalaq kollox u hu s-Sid ta’ kollox, sar wieħed minna biex jurina l-kobor tal-ħniena tiegħu; hu li bħala Alla, fit-tjieba tiegħu, ħalaq il-bniedem, bħala bniedem ried jieħu s-sura ta’ lsir.

L-Iben ta’ Alla niżel mill-għoli tas-smewwiet u daħal f’din id-dinja, u mingħajr ma tbiegħed mis-sebħ tal-Missier, tnissel fostna, b’mod ġdid, bi tnissil ieħor. Tnissel fostna b’mod ġdid, għaliex hu, li bħala Alla ma kienx jidher, bħala bniedem deher fostna; bħala Alla aħna qatt ma konna nistgħu nagħarfuh, bħala bniedem ried ikun magħruf minna ; bħala Alla kien qabel kull żmien, bħala bniedem beda jgħix fiż-żmien; bħala Alla hu Sid ta’ kollox, bħala bniedem ħa s-sura ta’ lsir u ħeba l-kobor tas-setgħa tiegħu; bħala Alla ma setax ibati, imma għoġbu jsir bniedem bħalna biex ibati għalina; bħala Alla jgħix għal dejjem, bħala bniedem qagħad għal-liġi tal-mewt.

Hu veru Alla u veru bniedem, u f’din il-għaqda taż-żewġ naturi f’persuna waħda, ma hemm ebda qerq, għax fiha naraw flimkien il-kobor ta’ Alla u ċ-ċokon tal-bniedem.

Kif Alla ma jinbidilx fih innifsu meta juri ħniena magħna, hekk in-natura tagħna l-bnedmin ma ġietx fix-xejn meta ħadha għalih l-Iben ta’ Alla. In-natura ta’ Alla u n-natura ta’ bniedem fi Kristu jaħdmu flimkien, kull waħda skond dak li hi: in-natura ta’ Alla fi Kristu tagħmel dak li hu propju ta’ Alla, u n-natura ta’ bniedem dak li hu propju tal-bniedem. Bħala Alla Kristu għamel l-għeġubijiet, bħala bniedem bata għalina, u, kif bħala Alla kellu dejjem l-istess glorja tal-Missier, bħala bniedem baqa’ dejjem bniedem bħalna.

Għalhekk aħna nistqarru li Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, hu dejjem veru Iben Alla u hu dejjem veru Bin il-bniedem, Alla skond ma jingħad li fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla, u bniedem skont ma jingħad li l-Verb sar bniedem u għammar fostna.

RESPONSORJU

R. Verġni Marija, ilqa’ l-messaġġ li l-Mulej bagħatlek mal-Anġlu tiegħu: inti se tnissel, u ġġib iben fid-dinja li jkun Alla u bniedem. * U tkun l-imbierka fost in-nisa kollha.
V. Tiled iben, u xbubitek tibqa’ sħiħa; tnissel fil-ġuf, u ssir omm bla ma tittiefes. * U tkun.

Lilek, O Alla, infaħħru

Lilek, o Alla, infaħħru; * lilek b’Mulej nistqarru.
Lilek, Missier ta’ dejjem * id-dinja kollha tqimek.
Lilek, l-anġli kollha, *
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom.
Lilek il-kerubini u s-serafini *
ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija *
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Lilek tfaħħar *
il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
Lilek ifaħħar *
il-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru *
il-qtajja tal-Martri rebbieħa kollhom bjuda.
Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistarr fik:
il-Missier * ta’ kobor bla qjies;
l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni;
u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur.

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem * Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem, *
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.
Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.

Ahna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li inti fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

(+) Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *
bierek lill-wirt tiegħek.
Kun ir-ragħaj tagħhom, *
erfagħhom għal dejjem.
Min jum għall-iehor * aħna nberkuk:
u nfaħħru ismek għal dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem.
Agħmel, Mulej, li llum *
inħarsu ruħna minn kull dnub.
Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.
Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
kif fik hi t-tama tagħna.
Fik, Mulej, jien nistkenn: *
ma jkolli qatt għax ninfixel.

(+) Din l-aħħar taqsima tal-innu tista’ titħalla barra.

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

X’jum glorjuż bl-aħbar tal-fidwa
Fih ġie l-Anġlu għand il-Verġni
bil-messaġġ tat-tjieba t’Alla,
biex isseħħ il-wegħda hienja.

Il-Verb Alla, li hu mnissel
sa minn dejjem minn Missieru,
għoġbu wkoll minn fostna jagħżel
omm, ħa jgħix għal żmien fid-dinja.

Hekk sar bniedem u offra ruħu
bħala vittma għal dnubietna,
ħalli hu, bla ħtija, b’demmu
jista’ jħassar dejn il-ħatja.

Verita’ li dhert fuq artna
b’ġisem bħalna minn Omm Verġni,
saffi ’l qalbna, u bid-dawl tiegħek
imla ’l ruħna li tixtieqek.

W int, qaddejja umli t’Alla,
mis-smewwiet, fejn qiegħda ssaltan,
ibqa’ ħares lilna wliedek
taħt għajnejk, bħal omm ħanina.

Glorja lilek, Kristu Sidna,
Bin Marija, Omm u Verġni;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieh jintraddlek, issa u dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Alla bagħat l-anġlu Gabrijiel għand Marija Verġni l-għarusa ta’ Ġużeppi (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej

Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Alla bagħat l-anġlu Gabrijiel għand Marija Verġni l-għarusa ta’ Ġużeppi (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 2 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek (Ż.Għ. hallelujah).

Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 3 Il-Verġni nisslet b’kelma bla ma ttiefset xbubitha, u baqgħet Verġni meta tat lid-dinja s-Salvatur (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 149
Il-hena tal-qaddisin

Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Verġni nisslet b’kelma bla ma ttiefset xbubitha, u baqgħet Verġni meta tat lid-dinja s-Salvatur (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (Fil 2: 6-7)

Ġesu’ Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem u deher minn barra bħal bniedem.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; * Il-Mulej miegħek. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej miegħek.
Glorja. Sliem.

Fi żmien il-Għid:
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; * Hallelujah, hallelujah. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Sliem.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb (Ż.Għ. hallelujah).

Il-Messija u l-Prekursur tiegħu

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb (Ż.Għ. hallelujah).

PREĊI

Illum qegħdin niċċelebraw il-bidu tas-salvazzjoni tagħna bit-Tħabbira tal-Mulej.
Bil-ferħ ta’ qalbna nitolbu ’l Alla u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek l-Omm qaddisa ta’ Alla.
Il-Verġni Marija laqgħet b’ferħ kbir l-aħbar li bagħattilha ma’ Gabrijel:
– agħmel, o Alla, li aħna wkoll nilqgħu s-Salvatur tagħna b’radd ta’ ħajr.
Int ħarist lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħek:
– ftakar fina lkoll u ħenn għalina, għax int Missier ħanin.
Marija hija Eva l-ġdida li obdiet il-Kelma divina tiegħek:
– ħa jsir minna wkoll skond ir-rieda tiegħek.
Agħmel li l-Verġni mqaddsa Marija tkun l-għajnuna tal-imsejknin u ta’ min hu
qalbu mbeżżgħa u dgħajjef:
– tidħol bit-talb tagħha għall-kleru, għar-reliġjużi, u għall-poplu kollu.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

 

It-Talb ta’ nofs il-jum

SALMODIJA KUMPLEMENTARI

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Spirtu s-Santu, li int Alla
wieħed mal-Missier u l-Iben,
ejja xxerred ġewwa fina,
ħalli bik ilkoll timliena.

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,
nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;
int kebbisna b’nar imħabbtek,
u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

Kun id-dawl li jtina l-għarfa
tal-Missier u l-Iben tiegħu;
żomm qawwija l-fidi tagħna
fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

Ant. Min-nisel ta’ Ġesse twieldet il-Verġni Marija, li fiha għammar l-Ispirtu ta’ Alla l-għoli (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi

Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 128
Il-poplu fil-hemm iġedded it-tama

Il-Knisja tgħid x’qiegħda ġġarrab (S. Wistin)

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *
imma ma rnexxilhomx jegħelbuni.
Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *
raddiet twal bis-swat għamluli.
Imma ġust hu l-Mulej, *
u qatta’ minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

Ħa jinfixlu u jmorru lura *
dawk kollha li jobgħodu ‘l Sijon.
Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *
li jinxef qabel ma jikber,
li bih il-ħassad ma jimliex idu, *
anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †
“Il-Barka ta’ Alla fuqkom! *
Inberkukom f’isem il-Mulej!”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Min-nisel ta’ Ġesse twieldet il-Verġni Marija, li fiha għammar l-Ispirtu ta’ Alla l-għoli (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (Ef 1: 9b-10)

Il-pjan ta’ Alla kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet: jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

V. L-anġlu tal-Mulej ħabbar lil Marija (Ż.Għ. hallelujah).
R. U nisslet mill-Ispirtu s-Santu (Ż.Għ. hallelujah).

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

F’Nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,
Inti kollox tqassam sewwa:
jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;
f’nofsu żżejnu b’dawl iħeġġeġ.

Iżda itfi l-għadab fina,
taffi s-sħana ta’ kull deni,
agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,
ġib is-sliem tassew fi qlubna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu

Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).

Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).

Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu

ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (1 Ġw 4: 10)

Hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna.

V. Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej (Ż.Għ. hallelujah).
R. Ħa jsir minni skont kelmtek (Ż.Għ. hallelujah).

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Alla, int, li fik innifsek
m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:
lil kull siegħa tal-ġurnata
tqis id-dawl li jkun imissha.

Ibagħtilna lejla tajba,
fejn il-ħajja qatt ma tonqos,
imma tersaq lejn il-glorja,
li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Is-setgħa tiegħu tixtered sat-trufijiet tal-art; u dan ikun is-sliem (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej

Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 130
Tama sħiħa fil-Mulej

Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11, 29).

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma, *
hekk hi ruħi ġewwa fija.

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej

“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Is-setgħa tiegħu tixtered sat-trufijiet tal-art; u dan ikun is-sliem (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (1 Tim 2: 5-6a)

Wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, Kristu Ġesu’, li hu wkoll bniedem, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd.

V. Il-Verb sar bniedem (Ż.Għ. hallelujah).
R. U għammar fostna (Ż.Għ. hallelujah).

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,
Omm qaddisa u kbira t’Alla,
dejjem Verġni bla mittiefsa,
bieb il-hena u ferħ tas-sema.

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijiel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva,
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,
ġib id-dawl lill-għomja kollha,
biegħed minna l-ħażen tagħna,
niżżel fuqna l-ġid mis-sema.

Uri li tassew int Ommna,
wassal talbna quddiem Alla,
li fi ħnientu twieled minnek
biex isir għalina bniedem.

Verġni fost kulħadd magħżula,
ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,
itlob ’l Ibnek biex jagħtina
maħfra, safa u spirtu ħlejju.

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,
żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,
sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra
ta’ Ġesu’ għal dejjem miegħek.

Lill-Missier it-tifħir tagħna,
ġeh u setgħa ’l Kristu Sidna,
lill-Ispirtu s-Santu l-qima,
sebħ lit-Tlieta, Alla wieħed. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 L-Anġlu tal-Mulej ħabbar lil Marija, u hi nisslet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 109: 1-5. 7

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *
“Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *
mirfes taħt riġlejk.”

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon: *
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek.
Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa, *
sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *
“Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!”

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *
jidrob is-slaten f’jum il-qilla tiegħu.
Mill-wied jixrob fi triqtu, *
għalhekk jerfa’ ‘l fuq rasu.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 L-Anġlu tal-Mulej ħabbar lil Marija, u hi nisslet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 2 Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla; int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben, u jkun jissejjaħ Bin Alla l-Għoli (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 129

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: *
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,*
jiena u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti każ, Mulej, *
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra, *
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.

Jien lill-Mulej nistenna, *
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi, *
aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

Aktar mill-għassiesa s-sebħ, *
jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *
u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *
minn ħtijietu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla; int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben, u jkun jissejjaħ Bin Alla l-Għoli (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 3 Jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek (Ż.Għ. hallelujah).

Kantiku (Kol 1: 12-20)

Roddu ħajr lill-Missier, †
li għamilkom denji *
li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *
u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,
li bih għandna l-fidwa, *
il-maħfra tad-dnubiet.

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax bih kien maħluq kollox, *
fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher †
u dak kollu li ma jidhirx, *
troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq, †
hu qabel kollox, *
u kollox bih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †
hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *
fih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu,
u bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, *
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (1 Ġw 1: 1-2)

Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan se nxandrulkom. Għax il-ħajja wriet ruħha u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u li wriet ruħha lilna.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Il-Verb sar bniedem, * U għammar fostna. Il-Verb.
V. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. * U għammar fostna. Glorja. Il-Verb.

Barra żmien il-Għid:
R. Il-Verb sar bniedem, u għammar fostna. * Hallelujah, hallelujah. Il-Verb.
V. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. * Hallelujah, hallejujah. Glorja. Il-Verb.

Ant. tal-kant. ta’ Marija L-anġlu Gabrijel qal lil Marija: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek; imbierka inti fost in-nisa (Ż.Għ. hallelujah).

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija L-anġlu Gabrijel qal lil Marija: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek; imbierka inti fost in-nisa (Ż.Għ. hallelujah).

PREĊI

Il-Missier etern f’dan il-jum bagħat l-Anġlu tiegħu biex iħabbar is-Salvatur tagħna lil Marija. Nadurawh u b’fiduċja kbira ngħidulu:
Mulej, sawwab fuqna il-kotra tal-grazzji tiegħek.
Int għażilt lil Marija biex tkun Omm Ibnek:
– ħenn għal dawk kollha li qegħdin jistennew il-fidwa Bih.
Int, permezz ta’ Gabrijiel, ħabbart is-sliem u ferħ kbir lil Marija:
– agħti l-ferħ u s-sliem tassew lid-dinja kollha.
Permezz ta’ Marija, li laqgħet il-kelma tiegħek, u bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, int bgħatt il-Verb tiegħek biex igħammar fostna:
– ħejji lil qalbna biex nilqgħu lil Kristu kif laqgħetu l-Verġni Marija.
Inti tħares lejn iċ-ċkejknin u timla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ:
– serraħ lil min hu mtaqqal, għin lil min hu fil-bżonn, ieqaf mal-moribondi.
Għalik ma hemm xejn li ma jistax isir, u int waħdek tagħmel l-għeġubijiet:
– salva lilna u lil ħutna kollha meta fl-aħħar jum tqajjem lill-mejtin.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, insiru wkoll nixbhuh fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek.

Advertisements