Uffiċċju 7.4 Il-31 ta’ Mejju – Iż-Żjara ta’ Marija

Dokument PDF: Uffiċċju 7.4 Il-31 ta’ Mejju – Iż-Żjara ta’ Marija
Dokument WORD: Uffiċċju 7.4 Il-31 ta’ Mejju – Iż-Żjara ta’ Marija

blocmary

31 TA’ MEJJU

Festa ta’

IŻ-ŻJARA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94

Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Ngħajtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni mqaddsa Marija (Ż.Għ. hajjelujah).

Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

Ejja, Sidt glorjuża tagħna,
o Marija, ejja żurna,
int li mlejt id-dar għażiża
ta’ qaribtek b’ferħ is-sema.

Ejja, ħajja u tama tagħna,
biex tnaddafna minn ħtijietna;
żur lill-poplu u biegħed minnu
kull tiġrib ta’ biża’ u ħsara.

Ejja, kewkba tal-baħħara,
ixħet fuqna raġġ ta’ paċi,
biex turina t-triq u żżommna
miexja fiha sħaħ bla tebgħa.

Ejja żurna, Omm l-imħabba,
qawwi l-ħila dgħajfa tagħna;
tħalliniex mingħajr għajnuna
f’dan il-mewġ qalil tal-ħajja.

Ejja, Verġni, bint is-slaten,
reġġa’ lura n-ngħaġ mitlufa,
għinhom jerġgħu jsibu l-għaqda
f’merħla waħda taħt ragħaj wieħed.

Ejja fostna, o Marija,
Omm il-Knisja, ħalli miegħek
nagħtu dejjem ġieh lill-Iben,
mal-Missier u mal-Ispirtu. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Salm 23

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.

Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej, *
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka minn għand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Salm 45

Kenn u qawwa hu Alla għalina, *
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *
jew jiġġarfu l-muntanji f’nofs il-baħar;
anqas jekk jgħajtu u jogħlew ilmijietu, *
jew jitheżżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakab!

Hemm xmara li s-swieqi tagħha
jferrħu l-belt ta’ Alla, *
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx; *
igħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *
iddewbet l-art, malli semma’ leħnu.

Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!

Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, *
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art.
Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †
l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *
jaħraq it-tarka bin-nar, u jgħid:
“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *
għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!”

Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

Salm 86

Il-Mulej bena ‘l Sijon *
fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha *
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla, *
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *
ma’ dawk li jagħrfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *
dawn twieldu hemm!”

U għal Sijon jingħad: *
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu *
iwettaqha f’postha.”

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu, *
dawk kollha li jgħammru fik.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

V. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.
R. Hieni min iħarisha.

LEZZJONI I (Għan 2: 8-14; 8: 6-7)

Qari mill-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet

Il-miġja tal-maħbub

Leħen il-Maħbub tiegħi: arah, hu ġej, jaqbeż fuq il-muntanji, jitqabeż fuq l-għoljiet. Il-Maħbub tiegħi qisu xi għażżiela, jew ferħ iċ-ċriev. Hemm huwa, wieqaf wara l-ħajt tagħna, iħares minn ġot-tieqa, u jħarrex wara l-gradi tal-ħadid.

Qabad jitkellem hu, il-Maħbub tiegħi, u qiegħed igħidli: ‘’Maħbuba tiegħi, qum, ejja, sabiħa tiegħi! Għax, ara, għaddiet ix-xitwa, spiċċat ix-xita, marret. Fuq l-art ġa deher il-ward, iż-żmien tal-għana wasal, fuq artna nstema’ leħen il-gamiem. Diġa’ beda mit-tin ħiereġ il-frott, u n-nwar tad-dwieli jxerred riħa ħelwa. Maħbuba tiegħi, qum, ejja, ġmiel tiegħi! Ħamiema tiegħi ġewwa x-xquq tal-blat, moħbija ġo xi rdum, urini wiċċek, semmagħli leħnek, għax leħnek ħlejju, u sbejjaħ wiċċek!’’

Qegħidni bħal siġill fuq il-qalb tiegħek, siġill fuq id-driegħ tiegħek. Għaliex bħall-mewt l-imħabba hi qawwija, daqs art l-imwiet il-għira hija kiefra. Ix-xrariet tagħha huma xrar tan-nar, nar tal-Mulej. Ilmijiet kbar mhuma se jaslu qatt biex jitfu lill-imħabba, anqas ix-xmajjar ma jġorruha magħhom. Il-bniedem li jrid jagħti l-ġid kollu ta’ daru biex jixtri l-imħabba, tmaqdir isib.

RESPONSORJU

R. Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu, u nfexxet f’għajta kbira u qalet: Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! * U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? hallelujah.
V. Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fil-ġuf. * U minn fejn.

LEZZJONI II

Qari mill-Omiliji ta’ San Beda l-Venerabbli, saċerdot.

Marija tfaħħar lill-Mulej għal li għamel magħha

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi. B’dawn il-kelmiet, Marija stqarret l-ewwelnett id-doni speċjali mogħtija lilha, u mbagħad semmiet il-grazzji ġenerali li Alla sa mill-bidu qatt ma jonqos li jagħti lill-bnedmin.

Tfaħħar il-kobor tal-Mulej ir-ruħ ta’ dak li jingħata kollu kemm hu biex ifaħħar u jaqdi lil Alla bis-sentimenti kollha tiegħu, u jħares il-kmandamenti tiegħu ħalli juri li qiegħed dejjem iżomm fi ħsiebu s-setgħa u l-kobor tiegħu. Jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħu l-ispirtu ta’ dak li l-għaxqa waħdanija tiegħu hi t-tifkira ta’ min ħalqu, li minnu jittama s-salvazzjoni ta’ dejjem.

Mela dawn il-kelmiet joqgħdu tajjeb fuq ix-xofftejn tal-perfetti kollha; imma kien jixraq l-iżjed li tgħidhom l-Omm qaddisa ta’ Alla, li, bi privileġġ speċjali, l-ispirtu tagħha kien imħeġġeġ bl-imħabba lejn dak li ferraħha bit-tnissil tiegħu minnha bħala bniedem. Kellha raġun Marija tifraħ wisq iżjed mill-qaddisin l-oħra b’Ġesu’, is-Salvatur tagħha, għax hi mhux biss għarfitu bħala l-għajn eterna tas-salvazzjoni, imma wkoll kienet taf li hu l-stess li se jitwieled minnha bħala bniedem, b’mod li l-istess persuna tkun tassew Binha u Sidha.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Stqarret li l-kobor kollu tagħha ma kien xejn mertu tagħha, imma don ta’ dak li hu setgħani u kbir fih innifsu, u jkabbar u jqawwi lill-fidili ċkejknin u dgħajfin tiegħu.

Għamlet tajjeb li żiedet tgħid: Qaddis hu l-isem tiegħu. B’hekk wissiet lil dawk kollha li jisimgħu dawn il-kelmiet, anzi wriethom kif għandhom minnufih jemmnu f’isem il-Mulej u jsejħulu, biex huma wkoll jistgħu jkollhom sehem mill-qdusija ta’ dejjem u mis-salvazzjoni vera, skont il-kliem tal-profeta: U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv. Għax dan hu l-isem li Marija fehmet meta aktar ‘il fuq qalet: U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

Minn hawn ġejja d-drawwa tassew sabiħa u ta’ fejda fil-Knisja mqaddsa, li l-fidili kollha, fl-Uffiċċju tal-għasar, itennu kuljum il-kantiku ta’ Marija, ħalli b’hekk it-tifkira tal-inkarnazzjoni tal-Mulej tħeġġeġ sikwit lill-insara bl-imħabba, u l-eżempju ta’ Omm Alla jsaħħuhom u jwettquhom dejjem iżjed fil-virtu’. U hi ħaġa f’waqtha li dan isir fil-għasar, biex wara t-taħbit tal-ġurnata u t-tixrid fuq il-ħafna ħsibijiet, ir-ruħ tagħna, meta jasal ħin il-mistrieħ, tinġabar fiha nfisha f’għaqda waħda ma’ dak li jkollha fi ħsiebha.

RESPONSORJU

R. Hienja int, Marija, għax emmint li għad iseħħ dak kollu li l-Mulej bagħat igħidlek. U qalet Marija: * Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej hallelujah.
V. Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel Alla miegħi. * Ruħi.

Lilek, O Alla, infaħħru

Lilek, o Alla, infaħħru; * lilek b’Mulej nistqarru.
Lilek, Missier ta’ dejjem * id-dinja kollha tqimek.
Lilek, l-anġli kollha, *
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom.
Lilek il-kerubini u s-serafini *
ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija *
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Lilek tfaħħar *
il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
Lilek ifaħħar *
il-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru *
il-qtajja tal-Martri rebbieħa kollhom bjuda.
Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistarr fik:
il-Missier * ta’ kobor bla qjies;
l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni;
u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur.

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem * Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem, *
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.
Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.

Ahna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li inti fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

(+) Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *
bierek lill-wirt tiegħek.
Kun ir-ragħaj tagħhom, *
erfagħhom għal dejjem.
Min jum għall-iehor * aħna nberkuk:
u nfaħħru ismek għal dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem.
Agħmel, Mulej, li llum *
inħarsu ruħna minn kull dnub.
Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.
Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
kif fik hi t-tama tagħna.
Fik, Mulej, jien nistkenn: *
ma jkolli qatt għax ninfixel.

(+) Din l-aħħar taqsima tal-innu tista’ titħalla barra.

Talba

O Alla ta’ dejjem, li tista’ kollox, meta l-Verġni mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbahtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta;
agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skont ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu,
biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Omm qaddisa, ejja, u miegħek
ġib id-don li tak l-Ispirtu,
biex tferraħna b’din iż-żjara,
kif ferraħt f’ġuf ommu ’l Ġwanni.

Ejja, Verġni, bit-tarbija,
biex id-dinja tara u temmen,
u jseħħilha dejjem tfaħħrek
kif jistħoqqlok, bħal Omm Alla.

Sellem issa wkoll lill-Knisja,
biex, kif tisma’ l-ħoss ta’ leħnek,
tqum malajr bil-ferħ tal-miġja
tal-Mulej, li hi tistenna.

Itfa’ ħarstek, o Marija,
fuq il-popli wlied il-fidi;
lejk iduru b’ħerqa kbira,
jistennew l-għajnuna tiegħek.

Serħ u tama ħelwa tagħna,
port mixtieq ta’ salvazzjoni,
tul il-vjaġġ kun int il-kewkba
li twassalna fl-art imwiegħed.

Miegħek, Verġni, ruħna tfaħħar
kobor Alla u tifraħ f’Sidna,
għaliex hu l-Mulej li kabbrek,
hu l-Qaddis, għal dejjem ismu! Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet b’belt tal-Lhudija (Ż.Għ. hajjelujah).

Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej

Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet b’belt tal-Lhudija (Ż.Għ. hajjelujah).

Ant. 2 Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija tagħha qabżet fil-ġuf u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu (Ż.Għ. hajjelujah).

Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2 Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija tagħha qabżet fil-ġuf u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu (Ż.Għ. hajjelujah).

Ant. 3 Hienja int, Marija, għax int emmint li jseħħ kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej (Ż.Għ. hajjelujah).

Salm 149
Il-hena tal-qaddisin

Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Hienja int, Marija, għax int emmint li jseħħ kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej (Ż.Għ. hajjelujah).

LEZZJONI QASIRA (Ġoel 2: 27-3: 1a)

Tagħarfu li jien ninsab f’nofs Iżrael, u li jiena l-Mulej, Alla tagħkom, u ma hemmx ħliefi. Il-poplu tiegħi qatt iżjed ma jkollu għax jistħi. Wara dan, jiġri li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi, fuq il-ħlejjaq kollha; uliedkom iħabbru, subien u bniet.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.
V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għarraf.

Fi żmien il-Għid:
R. Għażilha l-Mulej, u ħatarha fost kulħadd. * Hallelujah, hallelujah. Għażilha.
V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Għażilha.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, infexxet f’għajta kbira u qalet: Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? (Ż.Għ. hajjelujah).

Il-Messija u l-Prekursur tiegħu

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, infexxet f’għajta kbira u qalet: Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? (Ż.Għ. hajjelujah).

PREĊI

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:
Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.
Salvatur tad-dinja, bil-grazzja qawwija tal-fidwa tiegħek int ħarist minn qabel lil
Ommok minn kull tebgħa ta’ dnub:
– żommna safja u mbiegħda mid-dnub.
Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed
qaddisa u santwarju tal-Ispirtu s-Santu:
– agħmilna tempju li fih igħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.
Verb etern, int għallimt lil Ommok tagħżel għaliha s-sehem it-tajjeb:
– agħtina li nagħmlu bħalha, billi nfittxu l-ikel li jsaħħaħna għall-ħajja ta’ dejjem.
Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-
ġisem:
– agħtina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.
Sid is-sema u l-art, int qegħidt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek:
– agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem, li tista’ kollox, meta l-Verġni mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbahtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta;
agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skont ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu,
biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

 

It-Talb ta’ nofs il-jum

Antifoni u salmi tal-ferja. Fis-samodija komplementari, minflok is-salm 121 jista’ jingħad is-salm 128 u minflok is-salm 126 jista’ jingħad is-salm 130.

SALMODIJA KUMPLEMENTARI

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

F’din is-siegħa, nofs il-għodwa,
nerfgħu qlubna ’l fuq lejn Alla,
u bil-qima nagħtuh glorja,
għax hu ħelu t-tifħir tiegħu.

Nitolbuh biex jibagħtilna
lill-Ispirtu jgħammar fina,
kif, bħal issa, darba niżel
f’nar ta’ mħabba fuq l-appostli.

Hekk ried jagħlaq b’dan il-għaġeb
l-għemil sħiħ tal-fidwa tagħna,
ħa jmexxina ħfief għall-premju
li ħejjielna sa minn dejjem.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni.

Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi

Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni.

Ant. 2 Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek.

Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek.

Ant. 3 Fraħt b’dak li qaluli.

Salm 128
Il-poplu fil-hemm iġedded it-tama

Il-Knisja tgħid x’qiegħda ġġarrab (S. Wistin)

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *
imma ma rnexxilhomx jegħelbuni.
Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *
raddiet twal bis-swat għamluli.
Imma ġust hu l-Mulej, *
u qatta’ minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

Ħa jinfixlu u jmorru lura *
dawk kollha li jobgħodu ‘l Sijon.
Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *
li jinxef qabel ma jikber,
li bih il-ħassad ma jimliex idu, *
anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †
“Il-Barka ta’ Alla fuqkom! *
Inberkukom f’isem il-Mulej!”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Fraħt b’dak li qaluli.

LEZZJONI QASIRA (Ġudit 13: 31)

Imbierka int minn Alla tiegħek fl-għamajjar kollha ta’ Ġakobb, għax kull ġens, li jisma’ bik, igħolli bit-tifħir lil Alla ta’ Iżrael minħabba fik.

Barra żmien il-Għid:
V. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.
R. Hieni min iħarisha.

Fi żmien il-Għid:
V. Omm qaddisa u Verġni safja, sultana glorjuża tad-dinja, hallelujah.
R. Idħol għalina quddiem il-Mulej, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

F’dan il-ħin li jistedinna
biex nistrieħu ftit mill-ħidma
b’qalbna mħeġġa nfaħħru ’l Sidna
li ma stmerrx imut għalina.

Hu l-Ħaruf li offra ruħu
lil Missieru bħala vittma,
biex jifdna u jerġa’ jtina
bis-salib il-ġieh li tlifna.

Inroddulu ħajr għall-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet ix-xemx fuq il-Kalvarju,
iżda mliet bid-dawl lil ruħna.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Int li tgħammar fis-smewwiet, ħenn għalina.

Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu

Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).

Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Int li tgħammar fis-smewwiet, ħenn għalina.

Ant. 2 L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.

Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).

Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.

Ant. 3 Il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.

Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu

ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.

LEZZJONI QASIRA (Tob 12: 6)

Bierku lil Alla tas-sema, u roddulu ħajr quddiem il-ħlejjaq kollha, għax wera magħkom il-ħniena tiegħu.

Barra żmien il-Għid:
V. Hieni l-ġuf tal-Verġni Marija.
R. Li ġiebet fid-dinja ’l Bin il-Missier etern.

Fi żmien il-Għid:
V. Hieni l-ġuf li ġiebek, hallelujah.
R. Aktar hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla u jħarisha, hallelujah.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Nilqgħu l-grazzja u nħeġġu qalbna
b’dak in-nar li tkebbes f’Pietru
xħin kien tielgħa lejn it-tempju
tal-Mulej, għat-talb tat-tlieta.

U noqogħdu, b’tama kbira
bħall-magħtub, fil-bieb tal-ħniena,
biex nittallbu minn għand Alla
kull għajnuna li naħtieġu.

Aħna wkoll, bil-fidi fl-isem
ta’ Ġesu’, naqilgħu s-saħħa,
hekk li l-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew fit-triq tas-sema.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Kbir f’għemilu l-Mulej magħna: u aħna bil-ferħ imtlejna.

Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej

Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Kbir f’għemilu l-Mulej magħna: u aħna bil-ferħ imtlejna.

Ant. 2 Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

Salm 130
Tama sħiħa fil-Mulej

Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11, 29).

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma, *
hekk hi ruħi ġewwa fija.

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

Ant. 3 Kbir il-hena ta’ dawk li jibżgħu minnek, Mulej.

Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej

“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Kbir il-hena ta’ dawk li jibżgħu minnek, Mulej.

LEZZJONI QASIRA (Għerf 7: 27-28)

Għalkemm waħdu, il-għerf jista’ kollox; għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Minn nisel għall-ieħor jinxtered fl-erwieħ qaddisa, u minnhom jagħmel ħbieb ta’ Alla u profeti. Alla ’l ħadd ma jħobb ħlief lil dawk li jgħixu ħajja ta’ għerf.

Barra żmien il-Għid:
V. Imbierka inti fost in-nisa.
R. U mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.

Fi żmien il-Għid:
V. Marija żammet sewwa f’qalbha dan kollu, hallelujah.
R. U kienet taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha, hallelujah.

Talba, mit-Tifħir ta’ Sbiħ il-jum, bil-konklużjoni l-qasira.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Mort b’pass ħafif lejn il-għoljiet ta’ Ġuda,
Xebba li Alla nnifsu għamlek ommu,
biex ikollok ħerqa tagħti lil qaribtek
sinjal ta’ mħabbtek.

Int sellimtilha: malli semgħet leħnek,
qabeż bil-ferħ il-Prekursur ġo fiha,
u b’għajta kbira sellmet fik ’l Omm Sidna,
imbierka u hienja.

Ħabbart, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu,
li l-ġnus f’kull żmien għad isejħulek hienja;
’l Alla faħħart, għall-ħwejjeġ kbar tal-għaġeb
li għamel miegħek.

U tabilħaqq, Omm ħelwa, il-popli kollha
ma naqsu qatt jurik imħabba u għożża,
għax jemmnu sħiħ li bik jaqilgħu dejjem
il-grazzja t’Alla.

Omm twajba, li ġġibilna ’l Kristu miegħek,
ġibilna wkoll għajnuna u doni mqaddsa,
biex miegħek tfaħħar ruħna l-kobor t’Alla,
Salvatur tagħna. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Marija daħlet għand Żakkarija, u sellmet lil Elisabetta (Ż.Għ. hajjelujah).

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Marija daħlet għand Żakkarija, u sellmet lil Elisabetta (Ż.Għ. hajjelujah).

Ant. 2 Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għand fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Ż.Għ. hajjelujah).

Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej

Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għand fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Ż.Għ. hajjelujah).

Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek, il-frott tal-ġuf tiegħek (Ż.Għ. hajjelujah).

Kantiku (Ef 1: 3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek, il-frott tal-ġuf tiegħek (Ż.Għ. hajjelujah).

LEZZJONI QASIRA (1 Piet 5: 5b-7)

Tħażżmu, ilkoll kemm intom, bl-umilta’ lejn xulxin, għax Alla jiqfilhom lill-kburin, imma jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Kunu mela umli taħt l-id setgħana ta’ Alla, biex hu jerfagħkom meta jasal il-waqt. Ixħtu fuqu l-ħsibijiet tagħkom kollha, għax hu jaħseb fikom.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; * Il-Mulej miegħek. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej
miegħek. Glorja. Sliem.

Fi żmien il-Għid:
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. * Hallelujah,
hallelujah. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Hallelujah,
hallelujah. Glorja. Sliem.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Kull nisel isejjaħli hienja, għax Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu (Ż.Għ. hajjelujah).

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Kull nisel isejjaħli hienja, għax Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu (Ż.Għ. hajjelujah).

PREĊI

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
Int għamilt lil Marija omm kollha ħniena:
– agħmel li dawk kollha li jinsabu fil-periklu jħossu l-ħlewwa tal-għożża tagħha ta’ omm.
Int, ridt li Marija tkun l-omm tal-familja fid-dar ta’ Ġesu’ u Ġużeppi:
– bit-talb tagħha għin lill-ommijiet kollha biex iħeġġu l-imħabba u l-qdusija fil-familji tagħhom.
Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek, u fil-qawmien tiegħu
mlejtha bil-ferħ:
– għin lill-bnedmin kollha fil-hemm tagħhom u wettaqhom fit-tama.
Int dawwalt lil Marija biex iżomm kelmtek fi ħsiebha u għamiltha qaddejja fidila tiegħek:
– bit-talb tagħha agħtina l-grazzja li naqdu lil Ibnek u nkunu dixxipli tiegħu.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem, li tista’ kollox, meta l-Verġni mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbahtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta;
agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skont ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu,
biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

Advertisements