Uffiċċju 7. L-1 ta’ Jannar – Omm Alla

Dokument PDF: Uffiċċju 7. L-1 ta’ Jannar – Omm Alla
Dokument WORD: Uffiċċju 7. L-1 ta’ Jannar – Omm Alla

Capture

1 TA’ JANNAR
Ottava tal-Milied

Solennita’ ta’

IL-VERĠNI OMM ALLA, MARIJA

L-I Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Min qalb Missieru tnissel,
fil-bidu, sa mid-dwien;
hu l-Alfa, hu l-Omega,
hu waħdu l-bidu u t-tmiem
ta’ kull ma sar, fl-imgħoddi,
illum, jew ’il quddiem.

Sar bniedem, u ħa s-sura
tal-ġisem fqir li jmut,
biex jifdi ’l min fil-jasar
kien ilu wisq mixħut,
u jneħħi l-mewt li daħħal
Adam bid-dnub misħut.

L-Omm Verġni mbierka ġiebet
fid-dinja l-frott misjur
bil-qawwa tal-Ispirtu,
lil Kristu s-Salvatur
tal-poplu l-ġdid li kiseb,
minn kullimkien miġbur.

Dan hu l-Messija mwiegħed
fil-bidu tal-ġrajjiet;
il-patrijarki saħħu
tamietu f’qalb l-ulied;
u tħabbar mill-profeti
matul iż-żminijiet.

Tifħir u glorja u barka
’l Alla, il-Missier ħanin;
lil Ibnu, li mill-Verġni
sar bniedem għall-bnedmin;
u lill-Ispirtu s-Santu,
li jżommna mal-ħajjin. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 X’bidla tal-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Salm 112

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħal Mulej, Alla tagħna, †
li qiegħed fil-għoli? *
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet
u lejn l-art.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu, *
mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *
jagħmilha omm ferħana b’uliedha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 X’bidla tal-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Ant. 2 Bit-twelid tiegħek tal-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Salm 147

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *
faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *
u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *
ixerred bħar-rmied il-ġlata,
Jitfa’ s-silġ bħall-frak tal-ħobż; *
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
Isemma’ kelmtu, u jinħall is-silġ, *
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Bit-twelid tiegħek tal-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Ant. 3 Bħalma l-għollieq, li ra Mose,’ ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

Kantiku (Ef 1: 3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Bħalma l-għollieq, li ra Mose,’ ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

LEZZJONI QASIRA (Gal 4: 4-5)

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

R. Il-Verb sar bniedem, * Hallelujah, Hallelujah. Il-Verb.
V. U għammar fostna. * Hallelujah, Hallelujah. Glorja. Il-Verb.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, hallelujah.

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, hallelujah.

PREĊI

Imbierek il-Mulej Ġesu’, il-paċi tagħna, li ġie biex igħaqqad il-Lhud u l-pagani
flimkien f’poplu wieħed. Fiċ-ċokon tagħna nitolbuh:
Mulej, agħti l-paċi tieġħek lil kulħadd.
Fi twelidek, Mulej, int urejt lill-bnedmin it-tjieba u l-imħabba tiegħek:
– agħmel li dejjem inroddulek ħajr għall-ġid kollu li tagħtina.
Inti mlejt bil-grazzja lil Ommok Marija:
– xerred il-kotra tal-grazzji tiegħek fuq kulħadd.
Int ġejt tħabbar lid-dinja l-bxara t-tajba ta’ Alla:
– żid il-għadd ta’ dawk li jxandru u jisimgħu l-kelma tiegħek.
Int għoġbok titwieled minn Marija Verġni u sirt ħuna:
– għallem lill-bnedmin iħobbu lil xulxin bħal aħwa.
Int feġġejt quddiem id-dinja bħax-xemx fit-tlugħ tagħha:
– itfa’ d-dawl ta’ wiċċek fuq ħutna l-mejtin biex jarawk wiċċ imb’wiċċ.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla, int ridt li l-imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

 

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94

Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Niċċelebraw il-maternita’ tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.

 

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

Nibtet rimja minn għerq Ġesse,
miz-zokk tiegħu ħarġet fergħa:
xebba mbierka wildet iben,
saret omm u baqgħet verġni.

Il-Ħallieq tad-dawl iċċekken
u qegħduh f’maxtura fqajra;
l-omm fisqiet lil dak li għamel
ma’ Missieru l-art u s-sema.

Hu, li tana l-liġi mqaddsa
bl-għaxar kmandamenti tiegħu,
niżel fostna u, bħala bniedem,
huwa nnifsu obda l-liġi.

Feġġ id-dawl u s-salvazzjoni
tkeċċa l-lejl, u l-mewt intrebħet!
Ġnus, ejjew, u b’fidi qimu
’l Alla mwieled minn Marija.

Glorja lilek, Kristu Sidna,
bin Marija, Omm u Verġni;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieh jintraddlek, issa u dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Intrefgħu, intom bibien ta’ dejjem ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Salm 23

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.

Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej, *
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka minn għand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Intrefgħu, intom bibien ta’ dejjem ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Ant. 2 Dan il-bniedem twieled fiha, u l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.

Salm 86

Il-Mulej bena ‘l Sijon *
fuq il-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha *
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla, *
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *
ma’ dawk li jagħarfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *
dawn twieldu hemm!”

U għal Sijon jingħad: *
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu *
iwettaqha f’postha.”

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu, *
dawk kollha li jgħammru fik.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Dan il-bniedem twieled fiha, u l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.

Ant. 3 Il-Mulej, imnissel sa minn qabel is-sebħ u sa minn dejjem, għoġbu jsir bniedem bħalna fi żmienna biex isalvana.

Salm 98

Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus *
fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!
Kbir il-Mulej f’Sijon; *
hu jaħkem fuq il-popli kollha.

Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża’, *
għax hu qaddis u qawwi.
Int sultan li tħobb il-ġustizzja
u waqqaft is-sewwa; *
id-dritt u s-sewwa tagħmel ma’ Ġakobb.

Għollu bit-tifħir lill-Mulej Alla tagħna, *
inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu, †
u Samwel fost dawk li jsejħu ismu, *
kienu jsejħu ‘l-Mulej, u hu jweġibhom.
F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom; *
kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.
Mulej, Alla tagħna, inti smajthom; †
int Alla li tagħder kont għalihom; *
iżda tħallast tal-imġiba ħażina tagħhom.

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, †
u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu; *
għax qaddis hu l-Mulej Alla tagħna!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Mulej, imnissel sa minn qabel is-sebħ u sa minn dejjem, għoġbu jsir bniedem bħalna fi żmienna biex isalvana.

V. Il-Verb sar bniedem, hallelujah.
R. U għammar fostna, hallelujah.

LEZZJONI (1 Lh 2: 9-17)

Qari mill-Ittra lil-Lhud.

Kristu sar jixbaħ lil ħutu f’kollox

Ħuti: Lil dak li, għal ftit taż-żmien, ġie magħmul ftit inqas mill-anġli, lil Ġesu’, aħna issa qegħdin narawh imżejjen bis-sebħ u l-ġieh minħabba l-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.

Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għas-sebħ, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tat-tbatijiet. Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesu’ ma jistħix isejħilhom ħutu, billi jgħid: ”Inxandar ismek lil ħuti, f’nofs il-ġemgħa nfaħħrek.” U wkoll: “Fih jiena nittama.” U iżjed, “Hawn jien, jien u l-ulied li Alla tani.”

Billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesu’ wkoll bl-istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-xitan, u jeħles lil dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu. Għax tabilħaqq, mhux lill-anġli jrid igħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u biex ipatti għal dnubiet tal-poplu.

RESPONSORJU (Lq 1: 28)

R. Hienja int, Verġni Marija, għax int sirt Omm il-Mulej li ħalaq id-dinja: * Nissilt lil dak li għamel lilek, u bqajt dejjem Verġni.
V. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. * Nissilt.

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ l-isqof Sant’Atanasju.

Il-Verb sar bniedem bħalna minn Marija

Il-Verb ta’ Alla, igħid l-Appostlu, mhux lill-anġli jrid igħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, u jsir bniedem bħalna. Kien għalhekk li hu għażel lil Marija, biex permezz tagħha jieħu ġisem bħal tagħna, ġisem li jkun tassew tiegħu, u hekk joffrih għalina. L-Iskrittura tirrakkonta kif Marija tatu t-twelid u fisqietu, tgħidilna li kien hemm min xandar b’hieni s-sider tagħha li reddgħu, u wara li ġabitu fid-dinja marret toffrih qisu b’sagrifiċċju. L-anġlu Gabrijiel, meta wasslilha l-aħbar, tkellem bir-reqqa u bil-għaqal: ma qalilhiex li fik jitwieled, biex ħadd ma jaħseb li l-bneiedem li nisslet kien xi ħaġa barranija għaliha mqiegħda fiha, imma qalilha minnek jitwieled, biex kulħadd jemmen li dak li twieled kien tassew binha mnissel minnha.

Dan kollu sar hekk biex il-Verb jieħu n-natura tagħna, u joffriha b’sagrifiċċju bħala ħaġa kollha kemm hi tiegħu, ħalli mbagħad ilibbes lilna bin-natura tiegħu ta’ Alla, u b’hekk jagħti l-okkażjoni lill-Appostlu biex igħid li jinħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, u li dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalita’.

Dawn il-ħwejjeġ ma sarux taparsi, kif ħasbu xi wħud. Le! Is-Salvatur tagħna sar bniedem tassew, u salva lill-bniedem kollu kemm hu. Anqas is-salvazzjoni tagħna ma hi xi ħaġa taparsi, jew tal-ġisem biss, imma hi tassew, u tal-bniedem kollu kemm hu, salvazzjoni sew tar-ruħ sew tal-ġisem, li ksibnieha bis-saħħa tal-Verb ta’ Alla.

L-Iben ta’ Marija twieled tassew b’natura ta’ bniedem, kif tgħidilna l-Iskrittura mqaddsa; il-ġisem tiegħu kien ġisem tassew; intenni ngħid, kien tassew, ladarba kien l-istess bħal tagħna. Għax Marija hi oħtna, u aħna lkoll ġejjin minn Adam.

Dan ried ifisser San Ġwann meta qal li l-Verb sar bniedem, kif nistgħu naraw ukoll mill-istess mod ta’ diskors li bih inqeda San Pawl meta qal li Kristu … sar hu nnifsu saħta għalina. Imma l-ġisem tal-bniedem, bil-għaqda tiegħu mal-Verb, saritlu żjieda tal-għaġeb: jiġifieri, minn ġisem li jmut beda jsir ġisem mogħni bil-ħajja ta’ dejjem, u minn ġisem naturali beda jsir ġisem spiritwali; hu, li kien imsawwar mill-art, ra l-bibien tas-sema miftuħin għalih.

It-Trinita’ Qaddisa, imqar wara li l-Verb ħa l-ġisem u twieled minn Marija, baqgħet dejjem it-Trinita’ ta’ qabel kif kienet minn dejjem, li xejn ma jista’ jiżdied magħha jew jitnaqqas minnha. Hija dejjem perfetta, u aħna nistqarru li t-tliet Persuni huma Alla wieħed; u dan hu li xxandar il-Knisja meta tgħid li Alla, Missier il-Verb, huwa wieħed.

RESPONSORJU

R. Verġni qaddisa u bla tebgħa, int jistħoqqlok l-ogħla tifħir, * Għax ġibt fil-ġuf lil dak li anqas is-smewwiet ma jesgħuh.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Għax ġibt.

Lilek, O Alla, infaħħru

Lilek, o Alla, infaħħru; * lilek b’Mulej nistqarru.
Lilek, Missier ta’ dejjem * id-dinja kollha tqimek.
Lilek, l-anġli kollha, *
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom.
Lilek il-kerubini u s-serafini *
ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija *
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Lilek tfaħħar *
il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
Lilek ifaħħar *
il-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru *
il-qtajja tal-Martri rebbieħa kollhom bjuda.
Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistarr fik:
il-Missier * ta’ kobor bla qjies;
l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni;
u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur.

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem * Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem, *
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.
Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.

Ahna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li inti fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

(+) Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *
bierek lill-wirt tiegħek.
Kun ir-ragħaj tagħhom, *
erfagħhom għal dejjem.
Min jum għall-iehor * aħna nberkuk:
u nfaħħru ismek għal dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem.
Agħmel, Mulej, li llum *
inħarsu ruħna minn kull dnub.
Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.
Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
kif fik hi t-tama tagħna.
Fik, Mulej, jien nistkenn: *
ma jkolli qatt għax ninfixel.

(+) Din l-aħħar taqsima tal-innu tista’ titħalla barra.

Talba

O Alla, int ridt li l-imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Alla għamel lil Marija
bieb qaddis, b’kull grazzja mogħni,
li magħluq, bħal dejjem baqa’
għalkemm għadda s-Sultan minnu.

L-Iben tal-Missier il-Għoli
ħareġ mill-palazz tal-Verġni
qisu ġgant, biex jifdi, u jibni
lill-Għarusa tiegħu l-Knisja.

Kristu, il-ġieh u l-ferħ ta’ Ommu,
li fih qiegħda t-tama tagħna,
huwa l-blata mill-muntanja,
li ġiet timla l-art bil-grazzja.

Ħa jithenna mela l-bniedem,
għax is-Sid ħanin tal-ħlejjaq
niżel fostna jsalva l-popli
u f’imħabbtu jifdi d-dinja.

Glorja ’l Kristu, li minn dejjem
mill-Missier etern hu mnissel,
u bil-qawwa tal-Ispirtu
twieled bniedem minn Omm Verġni. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Ħarġet fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, minn Ġakob dehret tiegħla kewkba: il-Verġni nisslet is-Salvatur; infaħħruk, Alla tagħna.

Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej

Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Ħarġet fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, minn Ġakob dehret tiegħla kewkba: il-Verġni nisslet is-Salvatur; infaħħruk, Alla tagħna.

Ant. 2 Marija ġiebet fid-dinja s-Salvatur tagħna, u Ġwanni, meta rah, għajjat u qal: Dan hi l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnub tad-dinja, hallelujah.

Kantiku Dan 3: 57-88.56
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2 Marija ġiebet fid-dinja s-Salvatur tagħna, u Ġwanni, meta rah, għajjat u qal: Dan hi l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnub tad-dinja, hallelujah.

Ant. 3 L-omm nisslet is-Sultan, li ismu jdum għal dejjem; hija ġarrbet il-ferħ ta’ omm bla ma tilfet il-ġieh ta’ xebba; qatt ma dehret oħra bħalha, la qabel u lanqas wara, hallelujah.

Salm 149
Il-hena tal-qaddisin

Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 L-omm nisslet is-Sultan, li ismu jdum għal dejjem; hija ġarrbet il-ferħ ta’ omm bla ma tilfet il-ġieh ta’ xebba; qatt ma dehret oħra bħalha, la qabel u lanqas wara, hallelujah.

LEZZJONI QASIRA (Mik 5: 2.3.4a)

Is-Sultan ta’ Iżrael jitlaq lil niesu weħidhom sa ma lil dik li se teħles titwildilha t-tarbija; imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael. U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej Alla tiegħu. U dan ikun is-sliem.

RESPONSORJU QASIR

R. Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, * Hallelujah, hallelujah. Għarraf.
V. F’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizza tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Għarraf.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Illum għarafna l-misteru tal-għaġeb li sar f’żewġ naturi: Alla sar bniedem; hu baqa’ dak li kien minn dejjem, u ħa s-sura tagħna, li ma kellux, bla ebda taħlit jew qsim.

Il-Messija u l-Prekursur tiegħu

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Illum għarafna l-misteru tal-għaġeb li sar f’żewġ naturi: Alla sar bniedem; hu baqa’ dak li kien minn dejjem, u ħa s-sura tagħna, li ma kellux, bla ebda taħlit jew qsim.

PREĊI

Nagħtu glorja lil Kristu, li twieled minn Marija Verġni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Nitolbuh minn qalbna u ngħidulu:
Kristu, Bin Marija Verġni, ħenn għalina.
Kristu, li twelidt minn Marija Verġni, int l-Iben tal-għaġeb u l-prinċep tas-sliem:
– agħti paċi soda lid-dinja kollha.
Sultan u Alla tagħna, il-miġja tiegħek fostna mlietna bil-ġieh:
– agħmel li dejjem nagħtuk ġieh bil-fidi u l-ħajja tagħna.
Int ridt tkun tixbah lilna:
– fil-ħniena tiegħek agħtina li nkunu nixbħu lilek.
Int għoġbok issir ċittadin tad-dinja tagħna:
– agħmilna ċittadini tas-saltna tiegħek.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla, int ridt li l-imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

 

It-Talb ta’ nofs il-jum

SALMODIJA KUMPLEMENTARI

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Spirtu s-Santu, li int Alla
wieħed mal-Missier u l-Iben,
ejja xxerred ġewwa fina,
ħalli bik ikoll timliena.

Bi kliem fommna, b’qalbna u ruħna,
nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;
int kebbisna b’nar imħabbtek,
u nxerrduh fl-oħrajn madwarna.

Kun id-dawl li jtina l-għarfa
tal-Missier u l-Iben tagħna
żomm qawwija l-fidi tagħna
fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen

Ant. Ġużeppi u Marija, Omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi

Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 128
Il-poplu fil-hemm iġedded it-tama

Il-Knisja tgħid x’qiegħda ġġarrab (S. Wistin)

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *
imma ma rnexxilhomx jegħelbuni.
Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *
raddiet twal bis-swat għamluli.
Imma ġust hu l-Mulej, *
u qatta’ minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

Ħa jinfixlu u jmorru lura *
dawk kollha li jobgħodu ‘l Sijon.
Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *
li jinxef qabel ma jikber,
li bih il-ħassad ma jimliex idu, *
anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †
“Il-Barka ta’ Alla fuqkom! *
Inberkukom f’isem il-Mulej!”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Ġużeppi u Marija, Omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

LEZZJONI QASIRA (Sof 3: 14. 15b)

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Is-Sultan ta’ Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok.

V. Il-Mulej ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu, hallelujah.
R. Mal-poplu ta’ Iżrael, hallelujah.

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

F’Nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,
inti kollox tqassam sewwa:
jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;
f’nofsu żżejnu b’dawl iħeġġeġ.

Iżda itfi l-għadab fina,
taffi s-sħana ta’ kull deni,
agħti s-saħħa ’l min hu dgħajjef,
ġib is-sliem tassew fi qlubna:

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen

Ant. Marija baqgħet iżżomm f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha.

Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu

Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).

Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).

Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu

ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Marija baqgħet iżżomm f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha.

LEZZJONI QASIRA (Żakk 9: 9a)

Imtela bl-hena, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, il-Ġust u s-Salvatur.

V. L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, hallelujah.
R. Rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, hallelujah.

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Alla, int, li fik innifsek
m’hemmx tibdil, lill-ħlejjaq trieġi:
lil kull siegħa tal-ġurnata
tqis id-dawl li jkun imissha.

Ibagħatilna lejla tajba,
fejn il-ħajja qatt ma tonqos,
imma tersaq lejn il-glorja,
li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.

Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej

Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 130
Tama sħiħa fil-Mulej

Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11, 29).

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma, *
hekk hi ruħi ġewwa fija.

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej

“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.

LEZZJONI QASIRA (Bar 5: 3-4)

Ġerusalemm, Alla għad juri ġmielek lill-ħlejjaq kollha taħt is-sema; Alla għad isejjaħlek bl-isem ta’ Sliem tal-ġustizzja u sebħ tal-qima ta’ Alla.

V. It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, hallelujah.
R. Il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu, hallelujah.

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Min qalb Missieru tnissel,
fil-bidu, sa mid-dwien;
hu l-Alfa, hu l-Omega,
hu waħdu l-bidu u t-tmiem
ta’ kull ma sar, fl-imgħoddi,
illum, jew ’il quddiem.

Sar bniedem, u ħa s-sura
tal-ġisem fqir li jmut,
biex jifdi ’l min fil-jasar
kien ilu wisq mixħut,
u jneħħi l-mewt li daħħal
Adam bid-dnub misħut.

L-Omm Verġni mbierka ġiebet
fid-dinja l-frott misjur
bil-qawwa tal-Ispirtu,
lil Kristu s-Salvatur
tal-poplu l-ġdid li kiseb,
minn kullimkien miġbur.

Dan hu l-Messija mwiegħed
fil-bidu tal-ġrajjiet;
il-patrijarki saħħu
tamietu f’qalb l-ulied;
u tħabbar mill-profeti
matul iż-żminijiet.

Tifħir u glorja u barka
’l Alla, il-Missier ħanin;
lil Ibnu, li mill-Verġni
sar bniedem għall-bnedmin;
u lill-Ispirtu s-Santu,
li jżommna mal-ħajjin. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 X’bidla ta’ l-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 X’bidla ta’ l-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Ant. 2 Bit-twelid tiegħek tal-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej

Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Bit-twelid tiegħek tal-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Ant. 3 Bħalma l-għollieq, li ra Mose,’ ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

Kantiku (Ef 1: 3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Bħalma l-għollieq, li ra Mose,’ ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

LEZZJONI QASIRA (Gal 4: 4-5)

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

R. Il-Verb sar bniedem, * Hallelujah, hallelujah. Il-Verb.
V. U għammar fostna. * Hallelujah, hallejujah. Glorja. Il-Verb.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt, Kristu, Sid u Salvatur tad-dinja, hallelujah.

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt, Kristu, Sid u Salvatur tad-dinja, hallelujah.

PREĊI

Kristu huwa l-Għimmanu-El, imnissel u mwieled minn Xebba. Inberkuh, u fiċ-
ċokon tagħna ngħidulu:
Kristu, Bin Marija Verġni, ismagħna.
Int kont il-hena ta’ Marija li bik saret omm:
– agħmel li l-ulied ikun l-ferħ xieraq tal-ġenituri tagħhom.
Inti s-Sultan tas-sliem, fuq saltna ta’ ġustizzja u paċi:
– għinna nħabirku għall-paċi tad-dinja.
Int ġejt tagħmel lill-bnedmin kollha l-poplu qaddis ta’ Alla:
– għaqqad il-ġnus kollha qalb waħda u fehma waħda bejniethom.
Int, bit-twelid tiegħek saħħaħt ir-rabta’ tal-familja:
– agħmel li kull familja titwettaq fil-għaqda.
Int għoġbok titwieled f’din id-dinja tagħna:
– agħti lil ħutna l-mejtin twelid fis-sema tiegħek.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla, int ridt li l-imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.