Att ta’ Konsagrazzjoni

Dokument PDF: Att ta’ Konsagrazzjoni
Dokument WORD: Att ta’ Konsagrazzjoni
Bl-Ingliż: Total Consecration to Jesus Through Mary

Att ta’ Konsagrazzjoni lil Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat minn idejn Marija

vision-saint-louis-grignion-de-montfort

O Għerf etern u nkarnat! O Ġesu’ l-aktar maħbub u adorabbli, veru Alla u veru Bniedem, Iben waħdieni tal-Missier etern u ta’ Marija dejjem Verġni!

Jiena nadurak profondament fi ħdan u fl-isplendur ta’ Missierek għall-eternita’; jiena nadurak fi ħdan il-Verġni Marija, Ommok l-aktar denja, fi żmien l-Inkarnazzjoni Tiegħek. Jiena nirringrazzjak talli xejjint lilek innifsek billi ħadt xbieha ta’ lsir, biex issalvani mill-jasar kiefer tax-xitan.

Jiena nfaħħrek u nigglorifikak talli ridt tissottometti ruħek f’kollox għal Marija, Ommok l-Imqaddsa, biex tagħmilni permezz tagħha, l-ilsir fidil tiegħek.

Imma, jaħasra, fl-ingratitudni u fl-infedelta’ tiegħi, jiena ma żammejtx il-wegħdiet li jien għamilt solennement fil-Magħmudija, u ma wettaqtx id-dmirijiet tiegħi, u għaldaqstant jien ma jixraqlix nissejjaħ ibnek jew l-ilsir tiegħek. U billi ma hemm xejn fija li ma jixriqilhiex it-tmaqdir u l-korla tiegħek, jien ma nissograx niġi iżjed waħdi fil-preżenza tal-Maesta’ l-iżjed għolja u qaddisa tiegħek.

Għalhekk jien nirrikorri għall-interċessjoni u għall-ħniena tal-Imqaddsa Omm Tiegħek, li inti tajtni bħala Medjatriċi mal-Maesta’ Divina Tiegħek. Hu permezz tagħha, li jien nittama li naqla’ mingħandek indiema u maħfra ta’ dnubieti flimkien mad-don tal-Għerf u l-grazzja tal-perseveranza.

Sliem għalik, mela, O Marija Mmakulata, Tabernaklu Ħaj tad-Divinita’ fejn l-Għerf Etern staħba, ħalli jkun adorat mill-Anġli u l-bnedmin!

Sliema għalik Sultana tas-Sema u l-art, li taħt is-setgħa tiegħek jinsab kull ma hemm taħt Alla!

Sliema għalik refuġju żgur tal-midinbin, li l-ħniena tiegħek ma tonqos lil ħadd! Agħmel li naqla din ix-xewqa li għandi biex nikseb l-Għerf Divin, u bħala tpattija ndejna, ilqa’ l-wegħdiet u l-offerti li mix-xejn tiegħi qed nippreżentalek.

Jiena N.N… midneb infidil illum inġedded u nsaħħaħ il-wegħdiet tal-Magħmudija tiegħi u npoġġi dan it-tiġdid f’idejk. Jiena niċħad għal dejjem ix-xitan bl-opri u l-pompi tiegħu; u nagħti lili nnifsi kollni kemm jien lil Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat, biex inkun nista’ nimxi bis-salib tiegħi fuq il-passi tiegħu ħajti kollha, u biex inkun iżjed fidil lejh, milli qatt kont s’issa.

Jien illum nagħżel lilek O Marija, fil-preżenza tal-qtajjiet kollha tas-sema, biex tkun l-Omm u s-Sidt tiegħi. Jiena nagħtik u nikkonsagralek bħal ilsir tiegħek ġismi u ruħi, u dak kollu li għandi fija u madwari; u saħansitra l-valur tal-opri tajba tiegħi, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej. Jiena nagħtik id-dritt kollu u assolut li tiddisponi minni u minn kull ma għandi, mingħajr l-iċken riserva, kif jogħġob lilek, u għall-akbar glorja t’Alla, kemm fiż-żmien kif ukoll fl-eternita’.

Ilqa’ O Verġni ħanina din l-offerta żgħira tal-jasar tiegħi, f’ġieħ il-mod li bih l-Għerf Etern għoġbu jissottometti Ruħu lejn il-Maternita’ tiegħek. Ilqagħa wkoll dan l-att ta’ qima lejn is-setgħa li Ibnek Divin u Inti għandkom fuq dan il-midneb miżerabbli u bħala att ta’ ringrazzjament għal privileġġi lit-Trinita’ qaddisa tefgħet fuqek.

Jiena niddikjara sollennement li jien nixtieq mil-lum ‘il quddiem biex inkun tassew u sinċerament l-ilsir tiegħek, infittex l-unur tiegħek u nkun ubbidjenti lejk f’kollox.

O Omm, l-aktar tal-għaġeb, ippreżentani lil Ibnek l-għażiż bħala l-ilsir etern Tiegħu ħalli bħalma fdieni permezz tiegħek, hekk ukoll jilqagħni permezz tiegħek!

O Omm il-Ħniena, aqlagħli l-grazzja li nirċievi l-veru Għerf t’Alla u għaldaqstant inkun imgħolli ma dawk li inti tħobb, li inti tgħallem, li inti tmexxi u li inti tgħajjex u tħares bħala wliedek u l-ilsir tiegħek.

O Verġni l-aktar fidila, agħmilni f’kollox dixxiplu hekk perfett, imitatur u lsir tal-Għerf Inkarnat , Ġesu’ Kristu, Ibnek li bl-eżempju u bl-interċessjoni tiegħek, jien inkun nista’ nilħaq il-milja tal-eta’ Tiegħu fuq l-art, u tal-glorja tiegħu fis-sema. Ammen.

“Min jista’ jifhem, jifhem!” (Mt.19,12)
“Kull min hu għaref, jifhem dawn il-ħwejjeġ”. (Hos.14,10)