Uffiċċju 9.1 Ringrazzjament Għall-‘Iva’ ta’ Marija

Dokument PDF: Uffiċċju 9.1 Ringrazzjament Għall-‘Iva’ ta’ Marija
Dokument WORD: Uffiċċju 9.1 Ringrazzjament Għall-‘Iva’ ta’ Marija

3954

RINGRAZZJAMENT GĦALL-‘IVA’ TA’ MARIJA

Għar-rwol ta’ Marija fl-istorja tas-salvazzjoni, wieħed jista’ jixtieq jirringrazzja u jfaħħar lil Alla bil-meditazzjoni li ġejja: kantiċi, qari mill-vanġelu, l-innu ta’ tifħir, u talba. Dan ir-ringrazzjament jista’ jingħad fi kwalunkwe ħin. Jista’ jingħad fil-bidu, bħala riflessjoni fuq il-misteru tal-miġja ta’ Kristu għan-nazzjonijiet kollha.

Ant. Ifraħ, Verġni Marija, int li stħaqqlek iġġib lil Kristu, il-ħallieq tas-sema u l-art; għax tajt lid-dinja s-Salvatur.

Kantiku I (Iżaija 61:10- -62:3)
Il-profeta jifraħ b’Ġerusalemm il-ġdida

Il-Belt Qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha … mhejjija bħala għarusa mżejna għall-għarus tagħha (Apokalissi 21:2)

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, *
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, *
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna, *
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
Bħalma l-art tnibbet l-inbiet, *
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja *
u t-tifħir quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

Minħabba f’Sijon ma nehdiex, *
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx.
Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha, *
bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, *
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek, *
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej, *
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.

Kantiku II Iżaija 62:4-7
Il-glorja ta’ Ġerusalemm il-ġdida

Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom (Apokalissi 21:3)

Ma jgħidulekx aktar “il-mitluqa”, *
anqas lil artek ma jsejħulha aktar “l-imħarbta”.
Lilek għad isejħulek “għaxqti fiha”, *
u lil artek għad isejħulha “għarusa”;
għax l-għaxqa tal-Mulej fik; *
u artek għad titgħarras.
Bħalma għarus jitgħarras xebba, *
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, *
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

Fuq swarek, Ġerusalemm, qegħedt l-għassiesa: *
lejl u nhar qatt ma jisktu.
Intom li tfaħħru l-Mulej, ma hemmx mistrieħ għalikom; †
u lilu tħalluhx jistrieħ *
sa ma jerġa’ jwaqqaf lil Ġerusalemm,
u jagħmilha l-foħrija ta’ l-art.

Kantiku III Sirak 39:17-21
Kemm tkabbru l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Niżżi ħajr lil Alla, li jxerred ma’ kullimkien permezz tagħna l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu (2 Korintin 2:14)

Isimgħuni, ulied qaddisa, *
u armu bħal ward imħawwel ħdejn l-ilma ġieri;
xerrdu l-fwieħa bħal lubien, *
u warrdu bħal ġilji.

Għollu leħenkom u għannu għalenija, *
u bierku l-Mulej għall-għemejjel kollha tiegħu.
Agħtu ġieħ lill-ismu, †
u xandru t-tifħir tiegħu, *
b’għana ta’ fommkom, bl-arpa u ċ-ċetra.
Dan għidu b’għajjat ta’ ferħ: *
“L-għemejjel kollha tal-Mulej tajbin ħafna!’’

Ant. Ifraħ, Verġni Marija, int li stħaqqlek iġġib lil Kristu, il-ħallieq tas-sema u l-art; għax tajt lid-dinja s-Salvatur.

Evanġelu mill-Komun tal-Imbierka Verġni Marija tal-Lezzjonarju tal-Quddiesa.

Luqa 1:26-38
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa
Inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben.

Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek?” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Luqa 1:39-47
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa
Imbierka inti li emmint

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej?” Mbagħad qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.”

Luqa 2:15-19
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa
Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom
bejnha u bejn ruħha

Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.” Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

Luqa 2:27-35
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa
U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek

Xmun mar fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur
fis-sliem, skond kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek,
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, (u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek) biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Luqa 11:27-28
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa
Hieni l-ġuf li ġiebek

Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt?” Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.”

Ġwanni 19:25-27
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa
Mara, hawn hu ibnek. Hawn hi ommok

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesu’ ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesu’ lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek,” Mbagħad qal lid-dixxplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.”

QARI
Qari mid-Diskorsi tal-isqof Sant Tumas ta’ Villanova

Ejjew inpoġġu lilna nfusna taħt il-protezzjoni ta’ Marija

X’ferħ, x’kuntentizza hemm fis-sema! Ir-rimja mill-għerq ta’ Ġesse, miżgħruha żmien ilu, fi żmien il-patrijarki, illum spuntat u bdiet tikber, u għandha tagħti Fjura li hija ddestinata biex tfejjaq id-dinja, Fjura li fwieħitha tqajjem il-mejtin, li t-togħmitha tfejjaq il-morda u sbuħietha tgħaxxaq l-anġli – Fjura bajda u ħamra li l-anġli jixxenqu li jaraw.

Kif jgħid Benard: “Ifraħ, missier Adam, imma ifraħ aktar int, omm Eva, ifirħu, intom li kontu l-ġenituri u wkoll il-qerrieda ta’ kulħadd, u agħar, qerrieda qabel ma kontu ġenituri. Għalhekk it-tnejn li intom għandkom titfarġu minħabba bintkom, u x’bint wkoll! X’kien, Adam, dak li għidt? Kienet il-mara li tatni mill-frott tas-siġra, u għalhekk jiena kilt. Issa llum ġiet mogħtija lilek mara b’mara, mara prudenti għal waħda belha’, umli għal waħda mkabbra, waħda li għandha toffrilek togħma ta’ ħajja minflok is-siġra tal-mewt, u tipproduċi l-ħlewwiet tal-frotta eterna minflok il-qrusa ta’ dak l-ikel valenuż. Verġni li tiġi ammirata u li l-aktar li jistħoqqilha unur! Mara li tiġi meqjuma b’mod uniku, sabiha fuq kull mara, is-salvatriċi tal-ġenituri tagħha u donatriċi tal-ħajja għad-dixxendenti tagħha.”

Għalhekk, ħa ninxteħtu f’riġlejn din is-Sibilla qaddisa, u nferrgħu talbna bi spirtu ferrieħi, u nkantaw tifħir filwaqt li qlubna jiżfnu bil-ferħ: ħa npoġġu lilna nfusna taħt il-ħarsien tagħha, u b’leħen għoli ngħidu: Għalhekk, int Avukata tagħna, Sinjura tagħna, għaxqa tagħna, għalhekk dawwar lejna l-għajnejn tiegħek tal-ħniena, u wara dan l-eżilju wrina ’l Ġesu`, il-frott imbierek ta’ ġufek. Huwa lilu li aħna nfittxu, lilu nixtiequ, lejh inħaffu; nixtiequh bil-ħerqa kollha ta’ qalbna. Huwa int, Verġni, li għandek tiddereġina, inti għandek tmexxina lejh, tigwidana ’l fejn huwa jsaltan, u turihulna, inkurunat bil-glorja u l-unur, imdawwar bl-anġli, mqiegħed fuq l-għola tron fuq l-id il-leminija tal-Missier, jirrenja miegħu, u jmexxi d-dinja kollha flimkien miegħu.

Għal żmien twil kont mistagħġeb u ġejt konfuż biex nifhem il-għala l-evanġelisti kellhom jitkellmu għal tant tul dwar Ġwanni l-Battista u l-appostli l-oħra u madankollu qalulna ftit wisq dwar il-Verġni Marija, li fil-ħajja u d-distinzjoni tissuperahom ilkoll. Konfuż, kif qed ngħid, biex nifhem dan, kull ma nista’ naħseb huwa li l-Ispirtu s-Santu għoġbu li jsir hekk.

Kienet mill-providenza tal-Ispirtu s-Santu li l-evanġelisti żammew lilhom infushom siekta, għaliex il-glorja tal-Verġni, kif naqraw fis-salmi, kienet kollha ġewwinija, u tabilħaqq, aktar setgħet tiġi kkonsidrata milli deskritta. It-tifsira ġenerali ta’ ħajjitha: li Ġesu` twieled minnha, huwa biżżejjed biex tgħidilna l-istorja tagħha. X’hemm xi tfittex aktar fil-Verġni? Huwa biżżejjed għalik li hi hija l-Omm t’Alla. Xi ġmiel, nistaqsi jien, x’virtu`, x’perfezzjoni, xi grazzja, xi glorja ma tappartjenix lill-Omm Alla?

L-Ispirtu s-Santu ma ddeskrivihiex bi kliem, imma ħalla f’idejk biex iġġibha f’moħħok, b’hekk inti tkun tista’ tifhem li fiha ma kienet nieqsa ebda grazzja, perfezzjoni, jew glorja li setgħet tiġi immaġinata f’moħħ ta’ bniedem kast, jew aktar preċiż li hija, fil-fatt, tissupera kull komprensjoni. Għalhekk, la darba hija kienet perfetta b’mod sħiħ, ma kienetx tkun ħaġa ġusta li tiddeskriviha f’biċċiet, minħabba l-biża’ li inti tista’ taħseb li hija seta’ jonqosha dak li ma ġiex deskritt. Li biss tgħid li l-Verġni Marija hija l-Omm t’Alla jissupera kull ma jista’ jinagħad taħt Alla.

X’mara meraviljuża, li tkun l-omm tal-Kreatur tagħha stess! X’għaġeb distint għall-mara, li jkollha Iben ugwali għal Alla. Il-Missier iħobb lil Ibnu; l-Omm tifraħ f’Binha. Il-Missier jgħid lil Ibnu: Sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek; l-Omm tgħid lil Binha: Mill-ġuf, jien, verġni, ġibtek fid-dinja. Hija tinsab mistagħġba bil-glorja tagħha stess, l-anqas hi ma tista’ tifhem il-kobor tagħha, għaliex minħabba l-istess fatt li ġiet magħmulha l-Omm tal-Kreatur hija saret bl-għola dritt l-għalliema u s-Sultana tal-ħolqien kollu. Tassew Marija, huwa, li Hu s-setagħni, għamel miegħek ħwejjeġ kbar; tassew, għaliex huwa għamlek ommu stess, il-ġenerazzjonijiet kollha jsejħulek hienja.

QARI
Mill-omelija tal-Beatu Xmun ta’ Casci, saċerdot

Preżenti fl-Ispirtu fit-tħabbira

Immaġina b’liema reverenza waqaf l-anġlu quddiem din il-glorjuża tfajla tal-villaġġ, meta jaf li hija kellha tkun l-Omm tal-Iben t’Alla. Ara u kkontempla kif umilment u modestament hija semgħet u tat risposta lill-anġlu li kien ġie bħala ambaxxatur u kien jistenna t-tweġiba tagħha.

X’kont tagħmel kieku kont fil-bieb ta’ din il-kamra jew ċella u tisma’ dan id-djalogu qaddis u pjaċevoli bejn din it-tfajla mbierka u l-anġlu? Ma kenitx qalbek tinqasam ħelu ħelu b’ferħ kbir u b’konsolazzjoni bla qies? Iebsa aktar mill-ġebel u l-ħadid hija l-qalb li ma tinqasamx waqt li taqra jew tisma’ jew taħseb dwar il-kliem li l-Verġni qalet lill-anġlu u l-anġlu lill-Verġni. Ma kontx tgħolli leħnek umilment imma b’ħeġġa u b’qalbek kollha: “Madonna ħelwa, l-akbar twajba fost in-nisa, nitolbok, ikkonsenta malajr għal dan li qed jgħidlek l-anġlu, ħalli b’hekk Ibnek ikun jista’ jeħlisna mid-dannazzjoni li fiha tefgħuna l-ewwel ġenituri!”

X’kont tgħid u tagħmel, ruħ Nisranija, meta tisma’ l-Verġni Marija tgħid lill-anġlu: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek”? F’dak il-mument, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ffurmat u ġġenerat immedjatament il-ġisem ta’ Kristu mid-demm pur tal-Verġni, u r-ruħ ġdida imliet dak il-ġisem, u d-divinita’ ngħaqdet inseparabilment ma dik ir-ruħ u dak il-ġisem.

Aħna għalhekk għandna nemmnu b’ċertezza li Kristu huwa veru Alla u veru bniedem, l-Iben ta’ Marija li kienet verġni qabel, matul u wara t-twelid. Dawk li ma jemmnux dan jiġu kkundannati, sakemm ma jikkonvertux għall-fidi vera.

QARI
Minn omelija ta’ Bażilju ta’ Seleucia, isqof

L-Omm ta’ Alla tiżboq il-martri kollha

Imwieled mill-Verġni Omm Alla, l-kreatur u l-Mulej ta’ kulħadd ħa n-natura umana tagħna, għaliex hu kellu tassew ġisem u ruħ anke jekk ma kellux x’jaqsam mal-ħażen tagħna. Hu m’għamel l-ebda dnub, tgħid l-Iskrittura, u ebda qerq qatt ħareġ minn fommu. O ġuf imqaddes li fih Alla ġie milqugħ, li fih it-tifkira ta’ dnubietna ġiet imħassra, li fih Alla sar bniedem filwaqt li baqa’ Alla! Huwa qaghad fil-ġuf, għoġbu li jitwieled bl-istess mod tagħna. Iżda meta huwa ġie milqugħ f’dirgħajn ommu, huwa ma ħalliex ħdan Missieru. Alla mhuwiex maqsum filwaqt li Hu jwettaq r-rieda tiegħu, imma jsalva lid-dinja mingħajr ma jġarrab l-ebda qsim fih inniffsu. Meta Gabrijel ġie fil-preżenza tal-Verġni Omm Alla, huwa ħalla s-sema warajh, imma meta l-Verb t’Alla li jimla l-ħolqien kollu ħa l-laħam fiha, huwa ma ġiex isseparat mill-qtajjiet adoraturi tas-sema.

Hemm il-bżonn li nsemmu l-profeziji kollha li jħabbru t-twelid ta’ Kristu minn Omm Alla? Liema lsien jista’ jkantalha tifħir hekk xieraq lilha li permezz tagħha rċevejna dawn il-meravilji ta’ barkiet? B’liema fjuri ta’ tifħir nistghu ninsġu kuruna li tixirqilha, lilha li minnha spuntat il-warda ta’ Ġesse, li nkurunat ir-razza tagħna bil-glorja u l-unur? Liema rigali denji nistgħu nġibulha lilha li d-dinja kollha kemm hi mhijiex denja? Jekk Pawlu seta’ jgħid għall-qaddisin l-oħra li d-dinja ma kinitx denja tagħhom, xi ngħidu mela dwar Omm Alla li tiżboq il-martri kollha anke bħalma x-xemx tiżboq l-istillel?

O Verġni, l-anġli jifirħu bik! Minħabba fik, huma li żmien ilu tefgħu fl-eżilju r-razza tagħna, issa huma mibgħuta biex jghaqqduna, u b’ferħ għalih Gabrijel huwa fdat bil-bxara tal-konċepiment tat-tarbija divina. Ifraħ l-aktar waħda favorita, ħalli l-wiċċek jiddi bil-ferħ. Inti se twelled il-ferħ tad-dinja kollha, li għandu jġib fit-tmiem is-saħta antika, jeqred il-qawwa tal-mewt u jagħti lil kulħadd it-tama tal-qawmien.

INNU, Te Deum.

TALBA TAL-GĦELUQ

Alla u Missier Sidna Ġesu’ Kristu, ħares lejn il-Verġni Marija, li l-eżistenza tagħha fuq din l-art kienet iddominata bi spirtu ta’ aċċettazzjoni ġeneruża. Agħti lilna wkoll id-doni tat-talb kontinwu u tas-silenzju, ħalli ħajjitna jkunu ttrasformati
bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Nitolbuk dan, b’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ħa nfaħħru lill-Mulej.
U nirringrazzjawh.