3.1.1.4 Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni (Para. 97-100)

Dawk li jqimu lil Madonna bil-preżunzjoni huma midinba mitluqin għall-passjoniijiet tagħhom, inkella mgħaddsin fil-vizzju u fil-ġibdiet tad-dinja, li taħt l-isem sabiħ ta’ Nsara u ta’ devoti ta’ Marija jgħattu s-suppervja, ix-xeħħa, l-impurita’, is-sokor, il-korla, id-dagħa, il-kalunja u l-inġustizzja tagħhom eċċ… B’paċi u sigurta’ qarrieqa, ikomplu fid-drawwiet ħżiena tagħhom u ma jagħmlu ebda sforz kbir biex jikkoerġuhom. — San Alwiġi Maria De Montford

112madon97. Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni huma midinba mitluqin għall-passjoniijiet tagħhom, inkella mgħaddsin fil-vizzju u fil-ġibdiet tad-dinja, li taħt l-isem sabiħ ta’ Nsara u ta’ devoti ta’ Marija jgħattu s-suppervja, ix-xeħħa, l-impurita’, is-sokor, il-korla, id-dagħa, il-kalunja u l-inġustizzja tagħhom eċċ… B’paċi u sigurta’ qarrieqa, ikomplu fid-drawwiet ħżiena tagħhom u ma jagħmlu ebda sforz kbir biex jikkoerġuhom; u huma jassiguraw ruħhom bil-ħsieb li huma devoti tal-Madonna u li Alla jaħfrilhom, u li ma jmutux mingħajr qrar u li jsalvaw – għaliex? Għaliex jgħidu r-Rużarju, għax jagħmlu l-astinenza nhar ta’ Sibt, għax miktubin fil-Konfraternitajiet tar-Rużarju, tal-Labtu u ta’ xi Għaqda tal-Madonna, għax jilbsu l-labtu żgħir, jew il-katina tal-Verġni Mbierka u nkomplu hekk.

Meta tgħidilhom li d-devozzjoni tagħhom hi biss illużjoni tax-xitan, u preżunzjoni perikuluża li tista’ twassalhom għad-dannazzjoni, huma ma jemmnux. Anzi huma jwieġbu li Alla hu twajjeb u ħanin; li hu ma ħalaqniex biex jindannana, u li m’hemm ebda bniedem mingħajr dnub; u li huma m’humiex se jmutu mingħajr ma jqerru; illi l-istqarrija tad-dnub hi tajba u biżżejjed waqt il-pont tal-mewt; u li huma devoti ta’ Marija, li huma jilbsu l-labtu u bis-sempliċita’ u bl-umilta’ huma qatt ma jħallu li jgħidu seba’ Pater u seba’ Ave Marijiet f’ġieh il-Madonna; u li xi darba jgħidu wkoll ir-Rużarju u jaqraw l-Uffizzju tal-Verġni Mbierka; u li jsumu eċċ.. U biex isaħħu dak li jgħidu u biex aktar jitfgħu trab f’għajnejhom, huma jirreferu għal xi rakkont li semgħu jew qraw fil-kotba – jekk il-fatt hux awtentiku jew le ftit jimpurtahom – kif nies li kienu qed imutu fid-dnub il-mejjet, u mingħajr qrar, huma ħelsuha tajjeb, għaliex qalu xi talb, matul ħajjithom, jew inkella kienu jipprattikaw xi devozzjonijiet f’ġieh il-Madonna; kif kienu rxuxtati għall-ħajja, biex ikunu jistgħu jqerru; kif ruħhom baqgħet mirakolożament f’ġisimhom sa ma wasal il-qassis; jew inkella, kif bil-ħniena tal-Madonna huma qalgħu mingħand Alla, il-grazzja ta’ ndiema perfetta, u l-maħfra ta’ dnubietna fil-pont tal-mewt u salvaw għal dejjem. F’dan kollu huma jwaħħlu t-tama tagħhom.

98. M’hemm xejn li hu daqshekk ta’ stmerrija fil-Kristjaneżmu bħal dik il-preżunzjoni djabolika. Għaliex kif jista’ bniedem jgħid li hu tassew iħobb u jagħti ġieh lill-Verġni Mbierka, meta bi dnubietu hu jinfed, isallab, idejjaq bla ħniena lil Ġesu’ Binha? Li kieku Marija kienet soltu tuża l-ħniena tagħha biex issalva nies bħal dawn, hi kienet tkun tinkoraġġixxi l-vizzju u kienet tkun tgħin biex issallab u tinkwieta lil Binha. X’dawgħa tkun li tissopponi li dan hu minnu!

99. Jien ngħid li tabbuża b’dan il-mod mid-devozzjoni tal-Madonna – li wara d-devozzjoni lejn is-Sinjur tagħna fis-Santissmu Sagrament, hi l-iktar devozzjoni qaddisa u soda – tkun ħati ta’ sagrileġġ hekk kbir, li wara tqarbina ħażina, hu l-aktar sagrileġġ kbir u li ma jinħafirx. Naturalment, biex inkunu tassew devoti tal-Madonna mhux assolutament meħtieġ li nkunu hekk qaddisin li nevitaw id-dnubiet kollha – għalkemm din hi ħaġa li għandna nixtiquha. Madankollu – u ifhmu sewwa dak li ngħid – aħna għandna għallinqas:

L-ewwel: niddeċiedu sinċerament li ma nagħmlu l-ebda dnub mejjet li hu insult kontra l-Omm, kif ukoll kontra l-Iben.

It-tieni: nagħmlu ħilitna kollha biex ma nagħmlux dnub.

It-tielet: nidħlu b’konfraternitajiet, ngħidu r-Rużarju u talb ieħor, insumu s-Sibtijiet u nagħmlu devozzjonijiet oħra għal dawn.

100. Dan kollu jgħin ħafna għall-konverżjoni tal-midneb anke għall-midneb li ilu ħafna fid-dnub; u jekk dak li qed jaqra hu wieħed minn dawn, b’siequ waħda diġa’ fl-abbissi tal-infern, jiena nagħtih parir jagħmel dawn il-ħwejjeġ prattiċi, imma biss bil-kundizzjoni li l-intenzjoni tiegħu, filwaqt li jwettaq dawn l-għemejjel tajba, tkun li jaqla’ mingħand Alla, bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, il-grazzja tal-indiema u l-maħfra ta’dnubietu, flimkien mal-qawwa biex jirbaħ id-drawwiet ħżiena tiegħu, u mhux biex ikompli bil-kwiet fil-ħajja midinba tiegħu, mingħajr ma jagħti kas tal-vuċi tal-kuxjenza, tal-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu u tal-Qaddisin u l-massmi tal-Vanġelu.