1.2 Konsegwenzi *** 1.2.1 Marija s-Sultana tal-Qlub Kollha (Para. 37-38)

Meta Alla ta s-setgħa lil Marija fuq Ibnu naturali u waħdieni Alla taha wkoll setgħa fuq uliedu adottivi, mhux biss fuq ġisimhom, li jkollha ftit importanza, imma fuq ruħhom ukoll.. — San Alwiġi Maria De Montford

OurLadyOfAllNations37. Minn dan li għadni kif għidt jidher ċar, l-ewwel li Marija rċeviet minn għand Alla ħakma kbira fuq ir-ruħ tal-magħżulin. Hi ma tistax tgħammar fihom bħalma Alla l-Missier ordnalha tagħmel; ma tistax bħala ommhom tiffurmahom, tieħu ħsiebhom u tnissilhom għall-ħajja ta’ dejjem; ma tistax teħodhom bħala l-wirt u s-sehem tagħha, ma tistax tiffurmahom f’Ġesu’ Kristu u tagħmel lil Ġesu’ Kristu fihom, ma tistax tħawwel l-għeruq tal-virtujiet tagħha fihom u tkun sieħba li ma tinfired qatt tal-Ispirtu s-Santu fix-xogħol tal-grazzja tiegħu, anzi ngħid li ma kienet tista’ tagħmel xejn minn dawn il-ħwejjeġ li kieku ma kellix id-dritt u l-ħakma fuq dawn l-erwieħ bi grazzja singulari tal-Iktar Għoli. Meta taha s-setgħa fuq Ibnu naturali u waħdieni Alla taha wkoll setgħa fuq uliedu adottivi, mhux biss fuq ġisimhom, li jkollha ftit importanza, imma fuq ruħhom ukoll.

38. Marija hija s-Sultana tas-Sema u tal-art permezz tal-grazzja, kif Ġesu’ hu s-Sultan tagħhom, permezz tan-natura u tar-rebħa. Is-Saltna ta’ Ġesu’ Kristu hi prinċipalment fil-qlub jew fil-ħajja interjuri tal-bnedmin skont il-kliem: “Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.” (Lq 17,21). Hekk ukoll is-saltna tal-Verġni Mqaddsa hi ġol-bniedem, jiġifieri fir-ruħ tiegħu. Għaliex hu prinċipalment fl-erwieħ li flimkien ma’ Binha, hija aktar igglorifikata milli fil-kreaturi kollha viżibbli. Għalhekk nistgħu ningħaqdu mal-Qaddisin u nsejħulha s-Sultana ta’ qlubna.

1.2.2 Marija hi meħtieġa għall-bnedmin (Para. 39)

Bħalma Marija kienet meħtieġa għal Alla, … hi aktar meħtieġa għall-bnedmin biex jilħqu l-iskop tal-ħajja tagħhom. — San Alwiġi Maria De Montford

Rosary Title Pic shad words

39. Imbagħad, għandna nikkonkludu, li bħalma Marija kienet meħtieġa għal Alla, hi ħtieġa hekk imsejħa, ipotetika, għaliex hija konsegwenza tar-rieda tiegħu, hi aktar meħtieġa għall-bnedmin biex jilħqu l-iskop tal-ħajja tagħhom. Għalhekk m’għandniex nqabblu d-devozzjoni lejn il-Madonna ma’ dik id-devozzjoni tal-qaddisin l-oħra, bħallikieku d-devozzjoni lejn Marija ma kinitx iżjed meħtieġa jew bħallikieku kienet xi ħaġa li nistgħu ma nagħżluhiex, għall-ħajja tagħna spiritwali.

1.2.2.1 Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi meħtieġa għall-bnedmin kollha jekk iridu jsalvaw (Para. 40-42)

“Li nkun devot tiegħek, O Verġni Mqaddsa, hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.” — San Ġwann Dammaxenu

e3bc13d83a273d5011ee4ae32df9d707-holy-mary-blessed-mother40. L-għaref u qaddis Ġiżwita Suarez u l-għaref devot Juste-Lipse, duttur ta’ Louvain, u ħafna oħrajn, urew illi d-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hija meħtieġa għas-salvazzjoni, u biex jagħtu prova ta’ dan, dawn in-nies għorrief ġabru x-xhieda tas-santi padri – fost l-oħrajn ta’ Santu Wistin, Sant Efrem, Djaknu minn Odessa, San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, San Ġermanu ta’ Kostantinopli, San Ġwann Damaxxenu, San Anselmu, San Bernard u San Bernardinu, San Tumas u San Bonaventura, u iżjed urew li n-nuqqas mill-qima u l-imħabba lejha huwa sinjali infallibli ta’ telfien kif Ecolumpadius u ħafna eretiċi oħrajn stqarrew huma stess; waqt li tkun tassew devot ta’ Marija u tqimha huwa sinjal ċar ta’ predestinazzjoni.

41. Ix-xbihat u l-kliem tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida jippruvaw din il-verita’, is-sentimenti u l-eżempji tal-qaddisin iwettquha, ir-raġuni u l-esperjenza juruha u jsostnuha; anke x-xjaten u l-ħbieb tagħhom, marsusin mill-qawwa tal-verita’, spiss kienu mġagħlin jammettuha, minkejja r-rieda tagħhom. Jiena ġbart ġabra kbira ta’ siltiet mis-santi padri u d-dutturi tal-Knisja biex nipprova din il-verita’, iżda biex ma ntawwalx sejjer ngħid waħda biss. “Li nkun devot tiegħek, O Verġni Mqaddsa,” jgħid San Ġwann Dammaxenu, “hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.”

42. Hawnhekk nista’ nirrakonta ħafna ġrajjiet li jippruvaw l-istess ħaġa, fost l-oħrajn:

(1) Dik li naqraw fil-ħajja ta’ San Franġisk, illi waqt waħda mill-estasi tiegħu, huwa lemaħ sellum kbir li jasal sas-sema, li fit-tarf kien hemm il-Verġni Mbierka u ġie muri lilu li kien meħtieġ li wieħed jitilgħu biex jasal fis-Sema:

(2) dik li naqraw, fil-ġrajjiet ta’ San Duminku, kif dal-qaddis, meta kien ħdejn Carcassonne jippriedka r-Rużarju, iltaqa’ ma’ wieħed eretiku żvinturat, li ruħu kienet maħkuma minn ħmistax-il elf xitan. Bi kmand li tathom il-Madonna, dawn ix-xjaten kienu obbligati, b’konfużjoni kbira tagħhom li jistqarru, xi veritajiet kbar u ta’ faraġ fuq d-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Huma għamlu dan b’tant konvinzjoni u ċarezza illi ċkejkna kemm hi ċkejkna d-devozzjoni lejn Marija, ma tistax ma xxerridx dmugħ ta’ ferħ meta taqra din il-ġrajja awtentika u l-eloġju fuq din id-devozzjoni li x-xitan kien imġiegħel jagħmel.

1.2.2.2. Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi aktar meħtieġa f’dawk li huma msejħin għall-perfezzjoni speċjali (Para. 43-48)

Jien ma naħsibx li xi ħadd jista’ jikseb għaqda sħiħa mas-Sinjur tagħna, u fedelta’ perfetta lejn l-Ispirtu s-Santu, mingħajr għaqda profonda mal-Verġni Mbierka u dipendenza kbira fuq l-għajnuna tagħha. — San Alwiġi Maria De Montford

mm243. La darba d-devozzjoni lejn il-Madonna hi meħtieġa għall-bnedmin kollha jekk iridu jsalvaw, hi aktar meħtieġa f’dawk li huma msejħin għall-perfezzjoni speċjali. Jien ma naħsibx li xi ħadd jista’ jikseb għaqda sħiħa mas-Sinjur tagħna, u fedelta’ perfetta lejn l-Ispirtu s-Santu, mingħajr għaqda profonda mal-Verġni Mbierka u dipendenza kbira fuq l-għajnuna tagħha.

44. Marija biss sabet grazzja quddiem Alla, mingħajr l-għajnuna ta’ kreatura oħra. L-oħrajn kollha li sabu grazzja quddiem Alla, għamlu dan permezz tagħha u dan jibqa’ veru minn dawk li f’xi żmien jogħġbu lil Alla. Hi kienet mimlija bil-grazzja meta sellmilha l-Arkanġlu Gabriel, u ġiet mogħtija grazzja suprabbondanti meta niżel fuqha l-Ispirtu s-Santu bil-preżenza bla tarf tiegħu. Dawn iż-żewġ miljiet ta’ grazzja, hi hekk kabbret minn ġurnata għall-oħra, u minn mument għall-ieħor, li laħqet grad hekk għoli tal-għaġeb ta’ grazzja, illi Alla għamilha t-teżoriera waħdanija tar-rikkezzi tiegħu, u d-dispensatriċi waħdanija tal-grazzji tiegħu biex hi tkun tista’ tagħmel nobbli, tgħolli u tagħmel sinjur lil min trid hi; hekk li tkun tista’ tmexxi lil min tagħżel hi mit-triq id-dejqa li twassal fis-sema. Hi tkun tista’ tħares il-passi tagħhom, f’nofs il-perikli, fil-bieb id-dejjaq. Hi tkun tista’ tagħti, lill-magħżulin tagħha, it-tron, ix-xettru u l-kuruna tas-Sultan tas-Sema. Dejjem u kullimkien Ġesu’ hu l-frott u l-Iben ta’ Marija, u Marija hi verament kullimkien is-siġra li tagħti l-frott tal-ħajja, u l-vera omm li tipproduċih.

45. Alla ta l-imfietaħ tal-ħażna tal-Imħabba Divina lil Marija biss, kif ukoll is-setgħa li tidħol fl-iktar sigriet sublimi tat-triqat tal-perfezzjoni, u biex tmexxi lill-oħrajn f’dawn it-triqat. Permezz ta’ Marija biss, l-ulied imsejkna ta’ Eva infidila, jiġu mogħtija d-dritt biex jidħlu fil-ġenna tal-art, fejn inkunu jistgħu jimxi fil-paċi ma’ Alla; u fejn ikunu jistgħu jsibu kenn bla biża’, kontra l-għedewwa tagħhom, biex hemm, bla biża’ mill-mewt, ikunu jistgħu jieklu mill-frott bnin tas-siġra tal-ħajja, u tas-siġra tal-għerf, tat-tajjeb u tal-ħażin. Hemm ikunu jistgħu jgawdu xarbiet kbar mill-ilma tas-sema, ta’ dik l-għajn abbundanti. Jew aħjar, Hi stess din il-Ġenna tal-Art, dan il-ġnien verġni u mbierek, li minnu ġew imkeċċija l-midinbin Adam u Eva; tiftaħ il-bieb ta’ dan il-ġnien, li hu Hi stess, lil dawk biss li jogħġbuha, biex tgħinhom isiru qaddisin.

46. Jekk nista’ nuża l-espressjoni tal-Ispirtu s-Santu, kif ifissirha San Bernard, l-għonja kollha jżejnuk minn nisel għall-ieħor u speċjalment fl-aħħar jiem tad-dinja. Fi kliem ieħor, l-ikbar qaddisin, l-erwieħ l-iktar għonja bil-grazzji u bil-virtujiet issibhom l-iktar perseveranti fit-talb lill-Madonna, u jżommuha dejjem quddiem għajnejhom, bħala l-mudell perfett li għandhom jimitaw u bħala l-aqwa għajnuna biex tħarishom u tgħinhom.

47. Jiena għidt li dawn l-affarijiet kollha jiġbru, b’mod speċjali, fl-aħħar tad-dinja. Permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa Alla se jagħti lid-dinja, qaddisin kbar li jisbqu fil-qdusija, lill-parti l-kbira tal-qaddisin l-oħra fil-qdusija daqs kemm iċ-ċedri tal-Libanu jegħlbu fil-kobor u l-maesta’ tagħhom lill-issopu tal-widien. Dan kien irrevelat lil ruħ qaddisa li ħajjitha ġiet miktuba minn Mr de Rentry. * (Nota: Din ir-ruħ qaddisa kienet Marie des Vallees, li d-Direttur Spiritwali tagħha kien San Ġwann Eudes)

48. Dawn il-ġganti ta’ qdusija, mimlija bil-grazzja u żelu jkunu magħżulin biex jieqfu lill-għedewwa t’Alla li qed jiġġerrew ma’ kull naħa. Huma jkollhom devozzjoni singulari lejn il-Madonna, imdawlin mid-dawl tagħha, imsaħħin bil-ħalib tagħha, immexxija mill-ispirtu tagħha, imsaħħin bil-qawwa tagħha u mħarsa bil-kenn tagħha. B’id waħda huma jiġġieldu u bl-oħra jibnu. Huma jissieltu, jegħilbu, jeqridu u jisħqu l-eretiċi bl-ereżji tagħhom, ix-xiżmatiċi bix-xiżmi tagħhom, l-idolatri bl-allat foloz tagħhom u l-midinbin bid-dnubiet tagħhom. Huma jibnu t-tempju tal-veru Salamun u l-belt mistika t’Alla. Jiġifieri l-Imqaddsa Verġni Marija, imsejħa mis-Santi Padri: “It-tempju ta’ Salamun u l-belt t’Alla.” Bi kliemhom u bl-eżempju tagħhom jiġbdu ħafna nies għal din il-vera devozzjoni, ġrajja li ġġibilhom ħafna għedewwa, imma ġġibilhom ukoll teżor ta’ rebħiet u glorja għal Alla waħdu. Dan hu li Alla nebbaħ lil San Vinċenz Ferreri, l-appostlu l-kbir ta’ żmienu, kif wera ċar hu stess f’waħda mill-kitbiet tiegħu. L-Ispirtu s-Santu donnu ħabbar din il-verita’ fis-Salm 58, 14-16, fejn naqraw: “biex kulħadd jagħraf li Alla jaħkem fuq Ġakobb sat-trufijiet tal-art. Jersqu filgħaxija, jinbħu bħall-klieb, jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hemm mal-belt. Jiġġerrew u jimirħu biex isibu x’jieklu.” Din hi l-belt li l-bnedmin għad iridu jduru magħha fl-aħħar tad-dinja biex jikkonvertu u jaqtgħu l-ġuħ tagħhom għall-ġustizzja, hija l-Imqaddsa Verġni li ġiet imsejħa mill-Ispirtu s-Santu l-Belt t’Alla.

1.2.2.3 Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka tkun meħtieġa b’mod speċjali fl-aħħar taż-żminijiet *** 1.2.2.3.1 Is-sehem ta’ Marija fl-aħħar żminijiet (Para. 49-54)

Dak li Luċifru tilef bis-suppervja, Marija rebħet bl-umilta’. Dak li Eva qerdet bid-diżubbidjenza, Marija salvat bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ntlifet hi, u magħha wliedha li hi tagħtu; u billi Marija kienet perfettament fidila lejn Alla, Marija salvat l-uliedha kollha u l-qaddejja li hi ġabret magħha, u ddedikathom lill-Maesta’ Divina. — San Alwiġi Maria De Montford

49. Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza. Dan ġara, biex il-bnedmin li ma tantx kien għadhom mgħallma u mdawla fuq il-Persuna tal-Iben, ma jitbegħdux iżjed minnu, bix-xewqa u l-ġibda umana tagħhom lejn Marija, kif aktarx kien jiġri kieku kienu tassew jafuha, għas-sbuħija li Alla xeħet fuqha anke minn barra. Dan hu hekk veru, li San Dijonisju l-Areopaġita kiteb illi meta hu ra lill-Madonna kien jaħsibha xi Alla minħabba l-ġmiel tas-sbuħija risplendenti tagħha li kieku s-saħħa tal-fidi ma kinitx għallmitu xort’oħra. Madankollu, fit-tieni miġja ta’ Ġesu’ Kristu, Marija se tkun imħabbra u murija mill-Ispirtu s-Santu biex permezz tagħha, Ġesu’ Kristu jista’ jkun magħruf, maħbub u moqdi. Ir-raġunijiet li ġegħlu lill-Ispirtu s-Santu jaħbi l-Għarusa tiegħu, meta kienet fid-dinja u li jħalliha tidher wisq ftit meta l-Vanġelu xxandar għall-ewwel darba m’għandhomx jeżistu.

50. Mela, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet:

1. għaliex bl-umilta’ profonda tagħha li nħbiet f’din id-dinja u tant tbaxxiet aktar mit-trab, qalgħet mingħand Alla, mill-Appostli u mill-Evanġelisti tiegħu li ma tiġix mgħarrfa lid-dinja;

2. għaliex billi Marija hi l-kapulavur ta’ Alla hekk kemm fl-art bil-grazzja, kif is-sema bil-glorja, Alla jrid li hi tkun igglorifikata u mfaħħra fuq l-art mill-bnedmin;

3. u ladarba hi ż-żerniq ta’ filgħodu li jiġi qabel u jħabbar ix-Xemx tal-Ġustizzja, Ġesu’ Kristu, jixraq li hi tkun magħrufa u jarawha biex permezz tagħha l-bnedmin jistgħu jagħrfu lil Kristu;

4. ladarba hija t-triq li minnha ġie fostna Ġesu’ Kristu l-ewwel darba, hekk għad tkun dik it-triq, meta Hu jiġi t-tieni darba għalkemm il-mod ikun xort’oħra;

5. ladarba Hi l-mezz żgur u t-triq dritta u bla tebgħa, li minnha aħna nimxu lejn Kristu u nsibuh perfettament, hu permezz ta’ Marija li dawk l-erwieħ iddestinati għall-qdusija tal-għaġeb, f’dawk l-aħħar jiem, isibu lil Kristu. Min isib lil Marija jsib il-ħajja, jiġifieri jsib lil Ġesu’ Kristu, li Hu t-Triq, l-Verita’ u l-Ħajja. Imma min ma jfittixhiex ma jistax isibha lil Marija. Lanqas ma jfittixha min ma jafhiex, għax ħadd ma jfittex jew jixtieq ħaġa li ma jafx biha. Għalhekk Marija għandha tkun magħrufa aktar minn qabel, għall-glorja u għall-għarfien akbar tat-Trinita’ Qaddisa;

6. F’dak l-aħħar żmien Marija għad tiddi bi ġmiel li qatt ma deher bħalu, fil-ħniena, fis-setgħa u fil-grazzja. Fil-ħniena, biex tiġbor flimkien u tilqa’ fl-imħabba lill-imsejkna midinbin u l-erwieħ mitluba li għad jikkonvertu u jirritornaw lejn il-Knisja Kattolika. Fis-setgħa kontra l-għedewwa ta’ Alla, il-pagani, ix-xiżmatiċi, Mawmettani, Lhud, u dawk li webbsu qalbhom fid-dnub li għad iqumu u jkunu ta’ periklu billi jqarrqu u jbiegħdu mill-Knisja b’wegħdiet u theddid lil dawk kollha li ma jkunux magħhom. Fil-grazzja biex tagħti l-kuraġġ u s-saħħa lis-suldati qalbiena u l-qaddejja fidili ta’ Kristu li jiġġieldu għalih;

7. Fl-aħħar Marija għad tkun terribbli bħall-eżerċtu lest għat-taqbida, speċjalment f’dawk l-aħħar żminijiet kontra d-demonju u l-ħbieb tiegħu. Billi d-demonju jaf li ż-żmien qed joqrob, Satana kuljum jirdoppja l-isforzi tiegħu u l-istrateġiji tiegħu, biex jindanna l-erwieħ tal-bnedmin kontra l-qaddejja fidili u l-ulied veri ta’ Marija. Billi r-rebħa tagħhom hi aktar diffiċli minn tal-bnedmin l-oħra, hu jqajjem persekuzzjonijiet ġodda u jpoġġilhom nases tal-biża’ quddiemhom.

Capture1251. Hija b’referenza speċjali għal dawk il-persekuzzjonijiet kiefra tal-aħħar, u li jiżdiedu kuljum sas-saltna tal-Antikrist li aħna għandna nifhmu l-ewwel profezija u saħta famużi tAlla, ippronunzjati fil-Ġenna tal-Art, kontra s-serpent. Għall-glorja tal-Verġni Mqaddsa, għas-salvazzjoni ta’ wliedha u għall-konfużjoni ta’ Satana, jixraq li hawn nikkummentaw fuqha. “Jiena nqajjem mibgħeda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, Hu jistħaqlek rasek u inti tisħaqlu għarqubu.” (Ġen 3,15).

52. Alla gwerra waħda ħalaq, imma hi gwerra li ma tiqafx, u li tiżdied fis-saħħa u l-ħruxija sal-aħħar tad-dinja. Din hi t-taqbida bejn Marija, l-Omm setgħana tiegħu u x-xitan, bejn uliedu l-qaddejja ta’ Marija u l-ulied u l-istrumenti ta’ Satana. L-għadu l-aktar tal-biża’ mela, li Alla qajjem kontra x-xitan hi Marija, Ommu Imqaddsa. Anke fi żmien it-tkeċċija mill-Ġenna tal-Art, meta Marija kienet għadha biss ħsieb fil-moħħ t’Alla, Alla ta lil Marija tant mibgħeda għall-għadu misħut t’Alla u tant enerġija biex tikxef il-malizzja ta’ dan is-serp qadim, tant saħħa biex tirbaħ, tirfes u tisħaq dan l-esseri supperv u ħażin, illi Satana iżjed jibża’ minnha milli mill-Anġli u mill-bnedmin kollha, u saħansitra f’ċertu sens, anke minn Alla stess. Il-korla, il-mibgħeda u s-setgħa t’Alla huma żgur aktar minn dawk tal-Verġni Mqaddsa ladarba s-setgħat ta’ Marija huma limitati. Biss hu minnu li:

a) billi Satana huwa spirtu supperv isofri aktar meta jkun mirbuħ u kkastigat minn qaddejja umli u ċkejkna t’Alla, illi l-umilta’ tagħha ċċekknu aktar b’mistħija milli jiċċekken bis-setgħa t’Alla;

b) u billi Alla ta’ lil Marija setgħa hekk kbira fuq ix-xjaten li jibżgħu iżjed minn tnehida tal-Madonna għall-ruħ milli jibżgħu mit-talb tal-qaddisin kollha u jitwerwru u jitilqu aktar bil-biża’ minn theddida waħda li hi tagħmel kontrihom milli jibżgħu mit-torturi l-oħra kollha, kif bosta drabi kienu mġegħla jammettu kontra qalbhom permezz ta’ xi wieħed ppossessat.

53. Dak li Luċifru tilef bis-suppervja, Marija rebħet bl-umilta’. Dak li Eva qerdet bid-diżubbidjenza, Marija salvat bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ntlifet hi, u magħha wliedha li hi tagħtu; u billi Marija kienet perfettament fidila lejn Alla, Marija salvat l-uliedha kollha u l-qaddejja li hi ġabret magħha, u ddedikathom lill-Maesta’ Divina.

54. Alla ma qiegħedtx mibgħeda biss bejn Marija u x-xitan, imma wkoll bejn in-nisel tiegħu tagħha u n-nisel tiegħu. Fi kliem ieħor, Alla nissel mibgħeda, antipatija u għira moħbija bejn l-ulied veri u qaddejja ta’ Marija u l-ilsiera ta’ Satana. M’hemmx imħabba bejn dawn iż-żewġ razez, ladarba m’hemm l-ebda kuntatt interjuri bejniethom. Ulied Belial, l-ilsiera ta’ Satana, il-ħbieb tad-dinja (għax hi l-istess ħaġa), dejjem ippersegwitaw u jkomplu jagħmlu hekk, bi vjolenza akbar, lil dawk kollha li huma tal-Verġni Mqaddsa, sewwa sew kif fl-antik, Kajjin ippersegwita lil ħuh, Abel, u Eżaw lil ħuh Ġakobb, dawn kienu xbihat tal-ħżiena u l-ippredestinati. Imma l-Madonna dejjem tirbaħlu lil dan is-serpent supperv, ir-rebħa hekk kbira li tisħaqlu rasu fejn tinbet dis-suppervja. Hi dejjem issiblu l-ħażen tiegħu u turi l-pjanijiet infernali tiegħu. Hi tfarrak il-pariri djaboliċi tiegħu u tħares lill-qaddejja fidili tagħha mill-kefrija ta’ difrejh sal-aħħar taż-żminijiet.

Iżda din is-setgħa ta’ Marija fuq ix-xjaten għad tiddi bi glorja speċjali fl-aħħar żminijiet meta Satana jdur għal għarqubha jiġifieri għall-qaddejja umli tagħha u għall-uliedha msejkna li hi tqajjem biex jiġġieldu ma’ ġenbha. Huma jkunu żgħar u tal-ebda mportanza f’għajnejn id-dinja, li jistgħu jiġu mxebbha mal-għarqub li pparagunat mal-membri l-oħra tal-ġisem, hu dejjem mgħaffeġ u mirfus taħt. Iżda, bi tpattija, huma jkunu mżejna bil-grazzji t’Alla li l-Madonna tagħtihom bl-abbundanza. Il-qdusija tagħhom tagħmilhom kbar, u mgħollija f’għajnejn Alla. Iż-żelu mħeġġeġ tagħhom jgħollihom fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha. Tant ikunu msaħħin bl-għajnuna t’Alla, illi bl-umilta’ ta’ għarqubhom, maqgħudin ma’ Marija, huma jisħqu ras is-serpent infernali, u jġibu rebħa għal Ġesu’ Kristu.

1.2.2.3.2 L-Appostli tal-aħħar żminijiet (Para. 55-59)

Dawk li jkunu laqgħu lil Marija bħala Ommhom, jitgħallmu li hi t-triq l-aktar żgura, ħafifa, dritta u perfetta li twassal għand Ġesu’ Kristu, u b’din il-konvinzzjoni huma jagħtu lilhom infushom b’ruħhom u ġisimhom lilha, biex b’hekk u bl-istess mod ikunu ta’ Ġesu’ Kristu. — San Alwiġi Maria De Montford

OLRosary_wp55. Fl-aħħarnett, Alla jixtieq li issa iktar minn qabel, Ommu l-Imqaddsa għandha tkun aktar magħrufa, u aktar maħbuba u mweġġħa bil-ħeġġa. Dan żgur li jiġri jekk l-ippredestinati jaddottaw bil-grazzja u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu l-prattika interjuri u perfetta tad-devozzjoni lejn Marija li jien se niddeskrivi f’dan il-ktieb. Huma jħarsu lejn din il-Kewkba tal-Baħar, jarawha hekk ċara daqs kemm tħallihom il-Fidi, u bid-dawl werrej tagħha huma jaslu fil-port imqaddes tal-mistrieħ etern minkejja t-tempesti u l-perikli tal-baħar. Huma jitgħallmu jagħrfu l-kobor ta’ din is-Sultana u jikkonsagraw ruħhom kollha għas-servizz tagħha bħas-sudditi u l-ilsiera tal-imħabba tagħha. Huma jduqu l-ħlewwa u t-tjubija tagħha ta’ omm, u jħobbuha ħafna bħal uliedha l-għeżież. Billi jagħrfu l-bżonn kbir tal-għajnuna tagħha, huma jduru lejha f’kull ħaġa, bħal avukata u medjatriċi għażiża ma’ Kristu, u mbagħad żgur li jaraw kemm hi kbira l-ħniena tagħha. Jitgħallmu li hi t-triq l-aktar żgura, ħafifa, dritta u perfetta li twassal għand Ġesu’ Kristu, u b’din il-konvinzzjoni huma jagħtu lilhom infushom b’ruħhom u ġisimhom lilha, biex b’hekk u bl-istess mod ikunu ta’ Ġesu’ Kristu.

56. Iżda x’sinjal ikollhom dawn il-qaddejja, l-ilsiera u l-ulied ta’ Marija? Ikunu nar jaqbad, ministri tal-Mulej, li jixgħelu n-nar tal-imħabba t’Alla fid-dinja. Ikunu qishom vleġeġ qawwija fl-id setgħana tal-Madonna biex jindfu l-għedewwa tagħha.

Ikunu ulied ta’ Levi, imsoffijin tajjeb bin-nar ta’ tribulazzjonijiet kbar u maqgħudin intimitament mAlla. Ikollhom id-deheb tal-imħabba f’qalbhom, l-inċens tat-talb f’moħħhom, u l-mirra tal-mortifikazzjoni f’ġisimhom. Għall-fqar u l-umli huma jkunu l-fwieħa ta’ Ġesu’ Kristu, filwaqt li għas-setgħana, għas-sinjuri u għas-suppervi huma jkunu l-intiena tal-mewt.

57. Huma jkunu bħal sħab tar-ragħad, u bħal sħab jiġri mas-sema mċaqlaq ma’ kull nifs tal-Ispirtu s-Santu. Maħlulin minn kull ħaġa tad-dinja filwaqt li l-ebda ħaġa tad-dinja ma togħġobhom, u ma jagħtu kas ta’ xejn tad-dinja, huma jxerrdu bħax-xita l-Kelma t’Alla u tal-Ħajja ta’ dejjem. Huma jikkumbattu d-dnub, jilmentaw mid-dinja u s-sajjetti tagħhom jolqtu x-xitan u l-ħbieb tiegħu. Bix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma ta’ Alla, huma jinfdu fil-fond, lil dawk kollha li għalihom kienu mibgħutin f’isem Alla u l-ferita tkun jew għall-ħajja nkella għall-mewt.

58. Huma jkunu l-veri Appostli f’dak l-aħħar żmien li lilhom Alla tal-Virtujiet jagħti l-kelma u s-setgħa biex jagħmlu l-mirakli li jisirqu lill-għedewwa tagħhom bil-glorja. Billi ma jkollhom l-ebda xewqa għad-deheb u l-fidda, huma jorqdu f’nofs il-qassisin u l-ekklesjastiċi (S 67, 14). Madankollu huma jkollhom ġwienaħ bħal tal-ħamiem imberflin bil-fidda, biex jistgħu jtiru kull fejn l-Ispirtu s-Santu jsejħilhom imqanqlin mill-intensita’ safja biex ikabbru l-glorja t’Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Fil-postijiet fejn jippridkaw, huma ma jħallux warajhom ħlief id-deheb tal-karita’ li hi l-milja tal-Liġi.

59. Fl-aħħarnett aħna nafu li jkunu veri appostli ta’ Kristu. Jimxu fuq l-eżempju tiegħu ta’ faqar, umilta’, karita’ u l-istmerrija tad-dinja, huma jgħallmu t-triq id-dejqa ta’ Alla bil-verita’ skont il-Vanġelu Mqaddes, u mhux skont il-massimi tad-dinja. Huma ma jagħtu kas tal-ebda bniedem u ma jarawx l-uċuħ tal-persuni, u ma jaħfruhiex u ma jibżgħu minn ebda bniedem, qawwi kemm hu qawwi. Fuq fommhom ikollhom ix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma t’Alla. Fuq spallejhom huma jġorru l-istandard imċappas bid-demm tas-Salib, li huma jżommu b’idhom il-leminija waqt li fix-xellugija jżommu l-kuruna tar-Rużarju. L-ismijiet qaddisa ta’ Ġesu’ u Marija jkunu minquxa f’qalbhom, il-modestja u l-mortifikazzjoni ta’ Kristu fl-imġiba tagħhom kollha.

Hekk mela jkunu n-nies kbar li għad jiġu. Imma l-Madonna tkun magħhom bi kmand t’Alla biex tifrex is-Saltna tiegħu fuq il-ħżiena, l-idolatri u l-Mawmettani. Meta jkun dan u kif sejjer jitwettaq? Alla biss jaf. Sadattant is-sehem tagħna hu li nixtiequ fis-skiet nitolbu, nitniegħdu u nistennew. (S 39,1).