Uffiċċju 4.5 Kompjeta – Il-Ħamis

Dokument PDF: Uffiċċju 4.5 Kompjeta – Il-Ħamis
Dokument WORD: Uffiċċju 4.5 Kompjeta – Il-Ħamis

IT-TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM
IL-ĦAMIS

V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

Fi żmien ir-Randan ma tingħadx l-Hallelujah.
Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-
ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skont il-formoli użati fil-
Quddiesa.

ATT PENITENZJALI
l.. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:
Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,
u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna
bil-ħsieb, bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:
u waqt li jħabbtu fuq sidirhom, jgħidu:
ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.
Imbagħad ikomplu:
Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,
lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,
u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R/. Ammen.

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:
V. Ħenn għalina, Mulej
R. Għax dnibna kontra tiegħek.
V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:
Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.
R. Kristu ħniena.
Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

INNU

Wara dan il-jum li tajtna,
nitolbuk, Ħallieq ta’ kollox,
biex fit-tjieba kbira tiegħek
tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

Fik u bik jistrieħu qlubna,
jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,
sabiex għada minn filgħodu
jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

Bierek jiemna b’saħħa tajba,
ġid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,
u bid-dija tiegħek dawwal
dlam il-lejl li riesaq fuqna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

Jew, skond ir-rubriki fil-Propju taż-Żmien:

Kristu, dija u jum imsebbaħ,
bik tal-lejl titkeċċa d-dalma,
int tassew tad-dawl id-dija,
int xandar tad-dawl għall-hienja.

Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,
f’dan il-lejl li ġej ħarisna;
ikun fik il-mistrieħ tagħna,
tina ftit sigħat ta’ heda.

Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,
qalbna tibqa’ tishar miegħek;
midd, Mulej, il-leminija
bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.

Ejja, Salvatur setgħani,
qatta x-xbiek tal-għadu tagħna,
wennes lill-qaddejja tiegħek,
li biex fdejthom xerridt demmek.

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,
Sultan twajjeb, jintradd lilek,
lill-Missier u lill-Ispirtu
Difensuf u Faraġ tagħna. Ammen.

Fi żmien il-Għid:

O Ġesu, Feddej tad-dinja,
inti l-Verb tal-Missier Alla,
dawl minn dawl li dejjem tishar
fuq il-ħbieb fidili tiegħek:

Int li bik issawru l-ħlejjaq,
u li tagħżel żmien minn ieħor,
lejl ta’ serħ u sliem agħtina,
wara jum tħabrik u ħidma.

Int li qridt tad-dlam is-saltna,
għinna nirbħu l-għadu tagħna;
qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,
la tinsiex li b’demmek fdejtna.

F’dan iż-żmien qasir li għandna
liebsa t-toqol ta’ ġisimna,
tħalli qatt lil ruħna tongħos
waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek
fuq il-mewt, Ġesu’ setgħani;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieh jintraddlek issa u dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Barra Ż.GĦ: Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.
Ż.GĦ: Ant: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Salm 15
Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

Alla qajjem lil Ġesu billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2, 24)

Ħarisni, o Alla, *
għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi; *
m’għandix ġid ieħor ħliefek.”
It-twajbin huma l-kbar f’din l-art; *
fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.
Il-hemm tagħhom ikattru *
dawk li jaħtru allat oħra.
Ma nsawwabx bħalhom id-demm b’sagrifiċċju, *
anqas isimhom ma nsemmi b’xofftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *
inti żżomm f’idejk xortija.
Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *
messni sehem tassew għal qalbi.
Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.

Glorja.

Barra Ż.GĦ: Ant: Fil-kwiet immur nistrieħ.
Ż.GĦ: Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

LEZZJONI QASIRA (1 Tess 5: 23)

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesu’ Kristu.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:
Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. * Hallelujah, hallelujah. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.GĦ. hallelujah).

KANTIKU EVANĠELIKU (Lq. 2 :29-32)

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Iżrael

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *
imur fis-sliem, skond kelmtek;
għaliex għajnejja raw *
is-salvazzjoni tiegħek,
li int ħejjejt *
għall-popli kollha:
dawl biex idawwal il-ġnus, *
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

Glorja.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u nistrieħu fis-sliem. (Ż.GĦ. hallelujah).

Talba
Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bil-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna.
R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:
Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.
R. Ammen.

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int bieb illi jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija!
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu l-maħtur,
li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek
fis-siegħa li lqajt it-tislima
li tak Gabrijel, u bqajt xebba,
kif qabel, hekk wara t-tnissil.
Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

Is-sliem, o Sultana
tas-sema, Sidt l-anġli;
int l-għerq u l-bieb safi
mnejn ġie dawl id-dinja.
O Verżni glorjuża,
ta’ ġmiel u sbuħija,
is-sliem għalik! Itlob
lil Kristu għalina.

jew

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;
ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.
Lilek ingħajtu,
għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.
Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu
f’dan il-wied tad-dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,
dawwar lejna
dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;
u wrina, wara dan it-turufnament,
lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.
O ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

jew

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta’ Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
O Verżni glorjuża u mbierka.

Jew, fi żmien il-Għid:

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,
għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,
qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah:
itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.