8.2.1 Permezz ta’ Marija (Para. 258-259)

Dawk li huma mmexxijin mill-Ispirtu ta’ Marija, huma l-ulied ta’ Marija u għalhekk ulied Alla, kif ġa wrejna. U fost dawk li jgħidu li jqimu lil Marija, dawk biss huma l-qaddejja veri u fidili tagħha, li huma mmexxijin mill-Ispirtu tagħha. — San Alwiġi Maria De Montford

Our Lady of the Eucharist258. Għandna nagħmlu l-għemejjel tagħna permezz ta’ Marija jiġifieri għandna nobdu lill-Verġni Mqaddsa f’kollox, u nkunu f’kollox immexxijin mill-ispirtu, li hu l-Ispirtu Qaddis t’Alla. U dawk li huma mmexxijin mill-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla.” (Rum 8,14). Dawk li huma mmexxijin mill-Ispirtu ta’ Marija, huma l-ulied ta’ Marija u għalhekk ulied Alla, kif ġa wrejna. U fost dawk li jgħidu li jqimu lil Marija, dawk biss huma l-qaddejja veri u fidili tagħha, li huma mmexxijin mill-Ispirtu tagħha.

Jiena għidt li l-Ispirtu ta’ Marija, hu l-Ispirtu t’Alla, għaliex Marija qatt ma kienet immexxija mill-ispirtu tagħha, imma dejjem mill-Ispirtu t’Alla, li ppossedieha hekk intimament, li sar l-ispirtu tagħha stess. Għalhekk igħidu li Sant’Ambroġ qal: “Ħalli l-Ispirtu ta’ Marija jkun f’kull bniedem, biex ikun jista’ jfaħħar lill-Mulej, ħalli l-ispirtu ta’ Marija jkun f’kull bniedem biex ikun jista’ jifraħ f’Alla.” Imbierka tassew dik ir-ruħ, li fuq l-eżempju tat-twajjeb patri Ġiżwita, Rodriguez, tkun kollha ppussessata u mmexxija mill-Ispirtu ta’ Marija, li hu spirtu ħelu u qawwi, żelanti u prudenti, umli u kuraġġuż, safi u profond!

259. Jekk wieħed irid ikun immexxi mill-Ispirtu ta’ Marija hu għandu:

(1) Jiċħad l-ispirtu tiegħu, il-pariri u x-xewqat tiegħu, qabel ma jagħmel xi ħaġa – per eżempju, qabel ma jitlob, qabel ma jiċċelebra jew jisma’ l-quddiesa, qabel jitqarben – għaliex li kieku kellna nisimgħu mill-pariri mudlama tal-ispirtu tagħna u mid-dlam tar-rieda tagħna, u l-mod kif naġixxu, tajbin kemm jidhrilna tajbin, aħna nkunu nfixklu l-ispirtu ta’ Marija.

(2) Hu għandu jintelaq fl-ispirtu ta’ Marija biex ikun jista’ jiġi mmexxi u ggwidat fejn jogħġob lilha.

Hu għandu jpoġġi lilu nnifsu fl-idejn verġinali tagħha, bħala strument f’idejn wieħed tas-sengħa u bħall-kitarra f’idejn il-mużiċista. Hu għandu jintelaq f’Marija, bħal ġebla li tintefa’ ġol-baħar – li hu jista’ jagħmel f’sekonda u b’sempliċita’ b’ħarsa tal-moħħ, ċaqlieqa żgħira tar-rieda jew bi ftit kliem bħal dawn: Jien niċħad lili nnifsi, u nagħti lili nnifsi lilek għażiża Ommi. U għalkemm il-persuna ma tħoss l-ebda fervur tal-emozzjoni f’dan l-att ta’ unjoni spiritwali, b’dan kollu hu tassew veru daqs kemm kien veru (Alla ħares qatt) li kieku kellna nagħtu lilna nfusna lil Satana, u bla ebda sinjali ta’ emozzjoni waqt li nagħmlu dan.

(3) Minn żmien għal żmien, hu għandu jġedded l-att tal-offerta u ta’ għaqda, qabel u wara li titwettaq l-azzjoni. Iktar ma jagħmel dan ta’ spiss, iktar jitqaddes u iktar jasal malajr għall-għaqda ma’ Ġesu’ Kristu – għaqda li bla dubju u bil-fors tiġi wara l-unjoni ma’ Marija, ladarba l-Ispirtu ta’ Marija hu l-Ispirtu ta’ Ġesu’.