Uffiċċju 3.1 Salmodija Komplementari

Dokument PDF: Uffiċċju 3.1 Salmodija Komplementari
Dokument WORD: Uffiċċju 3.1 Salmodija Komplementari

SALMODIJA KOMPLEMENTARI
GĦAD-DISGĦA, NOFS IN-NHAR U T-TLIETA

Wara l-V. O Alla, ejja eħlisni u l-innu, jingħadu s-salmi gradwali li ġejjin, bl-antifoni tagħhom, jew oħrajn propji jekk ikun hemm.

 

I

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

Ant. 1 Lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni.

Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi

Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni.
Ant. 2 Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek.

Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek.
Ant. 3 Fraħt b’dak li qaluli.

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Fraħt b’dak li qaluli.

 

II

F’Nofs in-nhar

Ant. 1 Int li tgħammar fis-smewwiet, ħenn għalina.

Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu

Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).

Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Int li tgħammar fis-smewwiet, ħenn għalina.
Ant. 2 L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.

Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).

Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.
Ant. 3 Il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.

Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu

ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.

 

III

Fit-Tlieta ta’ wara nofs in-nhar

Ant. 1 Kbir f’għemilu l-Mulej magħna: u aħna bil-ferħ imtlejna.

Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej

Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Kbir f’għemilu l-Mulej magħna: u aħna bil-ferħ imtlejna.
Ant. 2 Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej

Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.
Ant. 3 Kbir il-hena ta’ dawk li jibżgħu minnek, Mulej.

Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej

“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Kbir il-hena ta’ dawk li jibżgħu minnek, Mulej.