Uffiċċju 1.6 Is-Sibt

Dokument PDF: Uffiċċju 1.6 Is-Sibt
Dokument WORD: Uffiċċju 1.6 Is-Sibt

IS-SIBT
It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu:
kif kien mill-bidu, issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen. Hallelujah.

INNU

Sliem għalik, o qaddisa Reġina tas-Smewwiet.
Sliem għalik o qaddisa Reġina tal-Anġli.
Sliem għalik, Għerq ta’ Ġesse.
Sliem għalik, Bieb tas-Sema.
Permezz tiegħek id-Dawl daħal fid-dinja.
Ifraħ, Verġni glorjuża!

Sabiħa fost in-nisa kollha.
Sliem għalik, Splendur radjanti,
interċedi ma’ Kristu għalina.

Jew:

Qaddisa Marija,
Reġina u Sultana tiegħi,
jiena nagħtik lili nnifsi,
nafda fil-fedelta u l-protezzjoni tiegħek.

Nintelaq kompletament
fl-imħabba materna tiegħek,
ġismi, ruħi,
dak kollu li jien, u kull ma nippossedi,
matul dan il-jum,
waqt kull mument tal-ħajja tiegħi,
u speċjalment fis-siegħa tal-mewt tiegħi.

Għal darba oħra nafda f’idejk
it-tamiet u l-konsolazzjoniet kollha tiegħi,
l-anzjetajiet u l-inkwiet kollu tiegħi,
ħajti u l-aħħar nifs tiegħi,
ħalli bit-talb u l-merti tiegħek,
f’dak kollu li nagħmel ikolli biss għan wieħed,
l-unur tiegħek u r-rieda qaddisa ta’ Ibnek.

SALMODIJA

Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.
Jew: Qum, Verġni Sultana! Int jistħoqqlok ġieh bla tmiem: itla’ fil-palazz glorjuż tas-Sultan ta’ dejjem.

Salm 91
Tifħir lill-Awtur u s-Sid tal-ħolqien

Tifħir lill-Iben il-waħdieni ta’ Alla għal kull ma għamel. (San Atanasju)

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.
Inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek, *
u billejl il-fedeltà tiegħek,
fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *
u bid-daqq taċ-ċetra.
Għax inti, Mulej, ferraħtni b’għemilek; *
għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *
kemm huma għolja ħsibijietek!
Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *
u l-iblah ma jifhimhomx.
Imqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *
u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,
ilkoll għad jinqerdu għal dejjem; *
imma inti, Mulej, għal dejjem filgħoli.

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †
l-għedewwa tiegħek jintilfu; *
jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.
Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *
żejt ifuħ sawwabtli fuqi.
Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *
widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

Il-bniedem ġust bħal palma jħaddar, *
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej *
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, il-blata tiegħi, *
u ebda qerq ma jinsab fih.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.
Jew: Qum, Verġni Sultana! Int jistħoqqlok ġieh bla tmiem: itla’ fil-palazz glorjuż tas-Sultan ta’ dejjem.

Ant. 2 Il-Mulej għolla lil Marija Verġni fuq il-qtajja’ tal-anġli; jifirħu l-fidili kollha, u jbierku lil Alla.
Jew: Għażilha l-Mulej, u ħatarha fost kulħadd; daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu.

Kantiku (Eżekjel 36: 24-28)
Il-Mulej iġedded il-poplu tiegħu

Huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. (Apokalissi 21:3)

Jien neħodkom minn fost il-ġnus, †
u niġmagħkom mill-artijiet kollha, *
u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom.
U nroxx fuqkom ilma safi, †
u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom, *
mill-idoli kollha tagħkom insaffikom.

U nagħtikom qalb ġdida, *
u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.
U nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel *
u nagħtikom qalb tal-laħam.
U nqiegħed ruħi ġo fikom, †
u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi *
u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

U tgħammru fl-art li tajt lil missirijietkom, †
u intom tkunu l-poplu tiegħi, *
u jiena nkun Alla tagħkom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Il-Mulej għolla lil Marija Verġni fuq il-qtajja’ tal-anġli; jifirħu l-fidili kollha, u jbierku lil Alla.
Jew: Għażilha l-Mulej, u ħatarha fost kulħadd; daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu.

Ant. 3 Il-Mulej kabbarlek ismek, hekk li l-bnedmin qatt ma jieqfu jfaħħruk.
Jew: Ħwejjeġ sbieħ igħid Alla fuqek, Verġni Marija.

Salm 8
Il-kobor ta’ Alla u d-dinjita’ tal-bniedem

Hu kollox qiegħed taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-knisja kollha (Efesin 1:22)

Mulej, Sid tagħna, *
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *
‘il fuq mis-smewwiet.
Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *
fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;
Int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *
biex iġġib fix-xejn l-għadu u ‘l min iqum kontrik.

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem, biex tiftakar fih, *
bin il-bniedem, biex taħseb fih?

Ftit inqas mill-allat għamiltu, †
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk!

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu: *
in-ngħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar, *
dak kollu li jterraq fil-baħar.

Mulej, Sid tagħna, *
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Mulej kabbarlek ismek, hekk li l-bnedmin qatt ma jieqfu jfaħħruk.
Jew: Ħwejjeġ sbieħ igħid Alla fuqek, Verġni Marija.

L-EWWEL QARI (Iżaija 61: 10)

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

Jew: (Apokalissi 12: 1)
U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.

Jew: (Ġuditta 13: 17-20)
Il-poplu kollu għal dan il-kliem baqa’ miblugħ, u baxxew rashom u bdew jaduraw lil Alla, u għollew leħinhom għalenija u qalu: “Mbierek int, o Alla tagħna, li llum ġibt fix-xejn l-għedewwa tal-poplu tiegħek.”

U Għużżija qalilha: “Mbierka int, binti, minn Alla l-Għoli, imbierka fost in-nisa kollha tad-dinja; u mbierek il-Mulej Alla, li għamel is-smewwiet u l-art, li wasslek biex qtajt ras il-kap tal-għedewwa tagħna. It-tama li kellek ma tgħib qatt minn qalb il-bnedmin, huma u jiftakru fil-qawwa ta’ Alla.

Jalla l-Mulej jagħmel li dan ikun ta’ tifħir għalik għal dejjem u jżurek b’kull ġid, għax int ma bżajtx għal ħajtek meta rajt lil pajjiżna batut, imma ħriġt tilqa’ kontra r-rovina li kienet theddidna, u bqajt miexja dritta fit-triq ta’ Alla tagħna.” U l-poplu kollu wiegeb: “Ammen! Ammen!”

IT-TIENI QARI

Qari ittra ta’ Paschasius Radbert, abbati

Marija mtella s-Sema

Illum il-ġlorjuża u dejjem verġni Marija titla’ fis-sema. Inħeġġkhom biex tifirħu, għaliex jekk nista’ ngħid hekk, hija ġiet mgħollija b’mod l-iktar għoli biex tkun ma’ Kristu li qiegħed isaltan għal dejjem. Ir-Reġina tad-dinja llum kienet meħuda minn din l-art u minn dan iż-żmien ta’ ħażen. Nerġa’ ntenni, ifirħu, għaliex dik li hija ċerta mill-glorja bla tmiem tagħha daħlet fil-palazz tas-smewwiet.

Aqbez bil-ferħ, ngħidlek, u ħalli d-dinja kollha tifraħ għaliex illum is-Salvazzjoni tqarbet għalina ilkoll….

“Sliema għalik Marija mimlija bil-grazzja; Il-Mulej miegħek; imbierka inti fost in-nisa.” Jixraq li l-Verġni tiġi mogħtija dawn id-doni u tkun mimlija bil-grazzji, għaliex hija ġabet il-glorja fis-Sema u ġabet fid-dinja lil Alla u paċi fl-art, il-fidi lill-pagani, it-tmiem tad-dnub, ordni ġdid għall-ħajja u d-dixxiplina tal-morali.

Kien jixraq ukoll li anġlu jkun mibgħut lill-Verġni, għaliex il-verġinita’ dejjem tfisser għaqda ma’ l-anġli….

“Ifraħ” qal l-anġlu, “għaliex inti mimlija bil-grazzja” Iva mimlija! għaliex fil-waqt li oħrajn jaqsmu fil-grazzja, fuq Marija ġiet inferra il-milja bla nuqqas tal-grazzja.

RESPONSORJU

Ilum il-Verġni Marija ġiet imtellgħa fis-sema. * Ilum il-Verġni Marija ġiet imtellgħa fis-sema.
Rebbieħa ma’ Kristu għal dejjem. * Ilum il-Verġni Marija ġiet imtellgħa fis-sema.
Glorja lill-Missier… * Ilum il-Verġni Marija…

Jew:

Wara t-twelid, o Marija, bqajt Verġni bla mittiefsa. * Wara t-twelid, o Marija, bqajt Verġni bla mittiefsa.
Omm Alla, idħol għalina. * Bqajt Verġni bla mittiefsa.
Glorja lill-Missier… * Wara t-twelid…

Kantiku ta’ Zakkarija Kollha ġmiel u sbuħija l-Verġni bint Ġerusalem, tielgħa glorjuża qisha x-xemx fiż-żerniq.

Il-Messija u l-Prekursur tiegħu

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Kantiku ta’ Zakkarija Kollha ġmiel u sbuħija l-Verġni bint Ġerusalem, tielgħa glorjuża qisha x-xemx fiż-żerniq.

PREĊI

Nagħtu glorja lis-Salvatur tagħna, li għażel lill-Verġni Marija bħala ommu. Nitolbuh:
Tidħol għalina quddiemek, Ommok Mulej.
Verb etern, int għażilt lil Marija biex tgħammar fiha bħal f’arka li ma titħassarx,
– eħlisna mit-taħsir tad-dnub.
Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed
qaddisa u santwarju tal-Ispirtu s-Santu,
– agħmilna tempju li fih igħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.
Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-
ġisem,
– agħtina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.
Sid is-sema u l-art, int qegħidt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek,
– agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

 

Il-Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu:
kif kien mill-bidu, issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen. Hallelujah.

INNU

Tifħir lil Marija, Bieb tas-Sema,
il-Kewba Gwida tan-Nisrani fi triqtu,
Omm tal-Mulej u r-Re tagħna,
dawl u tama tal-erwieħ mitlufa.

Meta smajt is-sejħa t’Alla
għażilt li twettaq il-pjan tiegħu,
bl-att perfett tal-imħabba tiegħek
it-tama feġġet għall-bnedmin fil-waqgħa.

Għinna biex nibdlu l-għemil tagħna,
żomm l-attakk qawwi tax-xitan,
imxi magħna t-triq id-dejqa,
aqlalna’ l-grazzji li jonqosna.

Marija, uri l-materinta’ tiegħek,
wassal it-talb ta’ wliedek għand Kristu,
Kristu, ibnek, li fdiena,
li, għalina, kien sagrifikat.

Verġni magħżula u waħdek imbierka,
dejjem fidila lejn is-sejħa t’Alla,
mexxina fil-ħajja fuq din l-art,
igwidana int, biex imqarqa ma naqgħux.

Marija għinna ngħixu l-fidi tagħna,
biex naslu naraw lil Ibnek;
għaqqad it-talb tagħna ma tiegħek,
sakemm nirbħu l-battalja ta’ din il-ħajja.

Tifħir lill-Missier, tifħir lill-Iben,
tifħir lill-Ispirtu Paraklitu;
noffru kollox minn idejn Marija,
biex tagħmel komplet it-talb tagħna.

Jew:

Sinjura tiegħi,
refuġju, ħajja u għajnuna tiegħi,
l-armatura u l-unur tiegħi,
it-tama u l-qawwa tiegħi,
agħmel li jiena ngawdi
id-doni kotrana u tal-għaġeb ta’ Ibnek,
Alla tiegħek u Alla tagħna,
fis-saltna tas-smewwiet.

Jiena nemmen bis-sħiħ
li inti għandek il-qawwa li tagħmel dak li trid,
għaliex inti l-Omm tal-Aktar Għoli.
Għalhekk, Sinjura l-Aktar Safja,
jiena nitolbok
li ma nkunx iddiżappuntat fl-istennijiet tiegħi
iżda naqlgħhom, O għarusa ta’ Alla,
li ġibt fid-dinja lilu li hu l-istennija ta’ kulħadd:
Il-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu,
Alla veru u Sid ta’ kollox,
ta’ dan li jidher u ta’ dak li ma jidhirx,
tiegħu kull glorja, unur u rispett
issa u għal dejjem u għaż-żmien ta’ bla tmiem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Marija ġiet imtellgħa fis-sema: jifirħu l-anġli, ifaħħru u jbierku lill-Mulej.
Jew: Kristu tela’ fl-ogħla smewwiet, u hejja għall-Omm safja tiegħu post fil-ħajja ta’ dejjem.

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Marija ġiet imtellgħa fis-sema: jifirħu l-anġli, ifaħħru u jbierku lill-Mulej.
Jew: Kristu tela’ fl-ogħla smewwiet, u hejja għall-Omm safja tiegħu post fil-ħajja ta’ dejjem.

Ant. 2 Marija Verġni giet imtellgħa fil-għoli tas-smewwiet, fejn is-Sultan tas-slaten qiegħed fuq it-tron tiegħu, imdawwar bil-kwiekeb.
Jew: Eva għalqet bieb is-sema għal kulħadd; Marija Verġni fetħitu mill-ġdid għalina.

Salm 129
Minn qiegħ l-art insejjaħ

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom (Mattew 1:21)

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: *
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa, *
jiena u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra, *
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.

Jien lill-Mulej nistenna, *
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi, *
aktar milli l-għassiesa s-sebħ.
Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *
jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu jifdi lil Iżrael *
minn ħtijietu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Marija Verġni giet imtellgħa fil-għoli tas-smewwiet, fejn is-Sultan tas-slaten qiegħed fuq it-tron tiegħu, imdawwar bil-kwiekeb.
Jew: Eva għalqet bieb is-sema għal kulħadd; Marija Verġni fetħitu mill-ġdid għalina.

Ant. 3 Imbierka int mill-Mulej, o Verġni, għax bis-saħħa tiegħek ħadna sehem mill-frott tal-ħajja.
Jew: Il-Mulej refa’ lil Marija Verġni fil-għoli tas-smewwiet kollha; ngħollu bit-tifħir lil Kristu s-Sultan, li s-saltna tiegħu għal dejjem.

Kantiku (Filippin 2: 6-11)
Kristu, il-Qaddej ta’ Alla

Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, *
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
imma tneżża’ minn kollox, *
billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bniedem *
u deher minn barra bħal bniedem:
ċekken lilu nnifsu, †
billi obda sal-mewt, *
anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *
u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,
biex fl-Isem ta’ Ġesu’ †
fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkobbtejhom,
u kull ilsien jistqarr: †
“Ġesu’ Kristu hu l-Mulej *
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Imbierka int mill-Mulej, o Verġni, għax bis-saħħa tiegħek ħadna sehem mill-frott tal-ħajja.
Jew: Il-Mulej refa’ lil Marija Verġni fil-għoli tas-smewwiet kollha; ngħollu bit-tifħir lil Kristu s-Sultan, li s-saltna tiegħu għal dejjem.

L-EWWEL QARI (1 Korintin 15: 22-23)

Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu.

Jew: (Ġuditta 13: 17b, 18a)
Imbierek int, O Alla tagħna, li llum ġibt fix-xejn l-għedewwa tal-poplu tiegħek. Imbierka int, binti, minn Alla l-Għoli, imbiereka fost in-nisa kollha tad-dinja

Jew: (Apokalissi 12:1)
U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.

Jew: (Rumani 5: 12-21)
Għalhekk, bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu… Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, mqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

Imma d-don m’huwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra. U d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb; għax tassew, il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed wassal sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal għall-ġustifikazzjoni. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu. Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti. Il-Liġi daħlet, biex kotru d-dnubiet; fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. B’hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt, hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta’ dejjem bis-saħħa ta’ Ġesù Kristu Sidna.

IT-TIENI QARI

Qari mill-omelija fuq ir-raqda ta’ l-Imbierka Verġni Marija mill-isqof San Ġermanu ta’ Kostantinopli.

L-Assunzjoni ta’ Marija

Veru, iva veru, għal darba oħra nerġa’ ntenni b’ringrazzjament: anke jekk inti tlaqt minn din l-art pero ma abbandunajtx lill-insara. Int li tixbah il-ħajja li ma tintemmx, ma abbandunajtx id-dinja li tintemm, għall-kuntrarju inti tersaq lejn dawk li jsejħu lil ismek. Isibuk dawk li jfittxuk b’fedelta’. U dawn id-derhiet juru spirtu ħaj u attiv u ġisem li ma jintemmx. Kif seta’ jerġa’ jsir trab dak il-ġisem li wassal is-salvazzjoni lill-umanita’ kollha bl-inkarnazzjoni ta’ Ibnek?

Iva tlaqt din l-art biex turi li l-misteru tal-inkarnazjoni kien sar tassew. Il-fatt li inti stennejt it-tmiem naturali tal-ħajja umana jikonvinċi lid-dinja li Alla li twieled minnek ġie bħala veru bniedem, l-Iben ta’ vera Omm, li kienet soġġeta għal-ligi u għal-limitazzjonijiet tan-natura, b’ordni divin u b’ħajja fuq din l-art li tintemm. Bħala waħda li kellek ġisem uman, inti ma stajtx taħrab il-mewt, id-destin komuni tal-umanita’.

Hekk ukoll Ibnek, għalkemm Alla fuq kollox, anke hu, kellu sehem, biex ngħidu hekk, fl-mortalita’ tagħna, u daq il-mewt tal-ġisem f’din l-art. Huwa ċar li bl-istess mod kif għamel li l-qabar tiegħu jagħti l-ħajja hekk ukoll huwa sebbaħ is-sepulkru tiegħek, il-qabar fejn inti dħalt fir-raqda, qabar li rċieva l-ħajja; u għalhekk li iż-żewg oqbra irċevew il-ġisem tagħkom iżda ma rawx taħsir. Għaliex ma setax ikun li l-arka li kellha fiha lil Alla, tispiċċa fit-trab bil-qerda tal-mewt.

Hekk kif hu li umilja lilu nnifsu fik kien Alla sa mill-bidu u l-eternita’, hekk ukoll l-Omm il-Ħajja kellha taqsam fil-milja tal-Ħajja, biex tilqa’ l-mewt tagħha bħala raqda u taċċetta t-traslazzjoni għall-qawmien tagħha bħala Omm il-Ħajja. Hekk kif tarbija tfittex u tixxennaq għal ommha u l-omm tħobb tqatta’ ħin mat-tarbija tagħha, kien jixraq ukoll, li bl-imħabba materna’ tiegħek għal Ibnek u Alla tiegħek, terġa’ tmur għandu. Kien sew ukoll li Alla, li ħares l-imħabba ta’ Ibnu għalik, ra wkoll li jżomm din l-għaqda tiegħu miegħek għal dejjem.

B’dan il-mod, inti sofrejt il-mewt tal-bnedmin mortali u għaddejt għall-ħajja eterna fejn Alla jgħammar; u għaliex inti ħaġa waħda miegħu, bħal Omm Alla, inti ma tabbandunax il-ħajja minn miegħu.

Jew:

Qari mill-Kostituzzjoni Appotolika Alla, li jqassam id-doni b’idejh miftuħa, (Munificentissimus) tal-Papa Piju Tnax

Ġismek qaddis u wisq glorjuż

Għalhekk il-kbira Omm Alla Marija, sa minn dejjem ta’ dejjem kienet marbuta b’mod tassew tal-għaġeb ma’ Binha Ġesu’ b’digriet wieħed tal-providenza t’Alla; bla tebgħa fit-tnissil tagħha, xebba bla mittiefsa u Omm Alla fl-istess waqt, sieħba minn qalbha tal-Feddej fir-rebħa sħiħa tiegħu fuq id-dnub u fuq dak kollu li d-dnub iġib miegħu, hi kisbet ġieh liema bħalu, ġieh li qisu jgħaqqad fih u jinseġ flimkien b’mod tal-għaġeb il-privileġġi kollha tagħha; kisbet il-ġieh li ġisimha ma jarax it-taħsir tal-qabar, għaliex kif Binha ħareġ rebbieħ fuq il-mewt, hekk hi wkoll kellha toħroġ rebbieħa fuq il-mewt u tiġi mtellgħa fil-glorja tas-smewwiet bir-ruħ u l-ġisem biex toqgħod bħala Sultana fuq il-lemin ta’ Binha, is-Sultan taż-żminijiet kollha, is-Sultan ta’ dejjem.

RESPONSORJU

Marija Verġni mtellgħa fil-għoli, fuq il-qtajja’ tal-anġli. * Marija Verġni mtellgħa fil-għoli, fuq il-qtajja’ tal-anġli.
Imbierek il-Mulej, li għollieha. * Fuq il-qtajja’ tal-anġli. Glorja lill-Missier…
Marija Verġni mtellgħa fil-għoli, fuq il-qtajja’ tal-anġli.

Jew:

Marija ġiet imtellgħa fis-sema, jifirħu l-anġli. * Marija ġiet imtellgħa fis-sema, jifirħu l-anġli.
Ifaħħru u jbierku lill-Mulej. * Jifirħu l-anġli. Glorja lill-Missier… Marija ġiet…

Kantiku ta’ Marija Illum Marija Verġni telgħet fis-sema; ifirħu, għax qiegħda ssaltan ma’ Kristu għal dejjem.
Jew: Kull nisel isejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar.

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Kantiku ta’ Marija Illum Marija Verġni telgħet fis-sema; ifirħu, għax qiegħda ssaltan ma’ Kristu għal dejjem.
Jew: Kull nisel isejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar.

PREĊI

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni
bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:
– ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.
Int, li tajtna lil Marija bħala Ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-
imnikktin, aħfer lill-midinbin:
– agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.
Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja,
– ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.
Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda fl-imħabba:
– agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija Omm Ġesu’.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.