5.2 Din id-Devozzjoni ġġegħilna nimitaw l-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu u ta’ Alla stess u nipprattikaw l-umilta’ (Para. 139-143)

Ġesu’ Kristu, l-Imgħallem twajjeb tagħna ma stmerrx li jingħalaq bħala priġunier u lsir ta’ mħabba, fil-ġuf tal-Verġni Mbierka u li kien suġġett u ubbidjenti lejha għal tletin sena. B’eżempju hekk ċar, u magħruf mad-dinja kollha quddiem għajnejna aħna ħa nżommu xi tama fiergħa, li se nsibu xi mezz aktar perfett u dirett li nigglorifikaw ‘l Alla, minn dak tas-sottomissjoni lejn Marija – l-istess mezz magħżul minn Kristu stess? — San Alwiġi Maria De Montford

27994514_856930584493865_1941327754_n139. It-tieni mottiv, li jurina kemm hija ħaġa ġusta u ta’ vantaġġ għall-Insara, li aħna nikkonsagraw lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Verġni Mqaddsa biex inkunu b’mod perfett ta’ Ġesu’ Kristu. Dan l-Imgħallem twajjeb ma stmerrx li jingħalaq bħala priġunier u lsir ta’ mħabba, fil-ġuf tal-Verġni Mbierka u li kien suġġett u ubbidjenti lejha għal tletin sena. Ħalluni nirrepeti, li hawnhekk il-moħħ tal-bniedem jintilef fl-iskantament tiegħu, meta jikkontempla bis-serjeta’ din l-imġiba tal-Verb Inkarnat: li ma riedx – għalkemm seta’ jagħmel dan – li jagħti lilu nnifsu direttament lill-bnedmin, imma ried li dan ir-Rigal hekk kbir, jiġi mogħti lilna permezz tal-Verġni Mbierka. Lanqas ma ried li jiġi fid-dinja bħala raġel magħmul, magħżul mill-oħrajn; imma Hu ried li jiġi bħala tarbija fqira u ċkejkna, li tiddependi fuq l-għajnuna u l-kura tal-Omm Qaddisa Tiegħu. Dan l-Għerf Infinit, mimli bix-xewqa li jigglorifika ‘l Alla, Missieru, u biex isalva l-umanita’, ma sabx mezz ieħor perfett, jew dirett li jagħmel dan, milli jissottometti ruħu f’kollox għall-Verġni Mbierka – mhux biss, bħal tfal oħra, sal-ewwel tmienja, għaxra jew ħmistax-il sena ta’ ħajtu, imma għal tletin sena. Matul dawk is-snin twal, Ġesu’ ta’ aktar glorja lil Alla l-Missier bis-sottomissjoni u d-dipendenza tiegħu għall-Verġni Mbierka, milli kien jagħtih kieku għadda dawk is-snin jagħmel il-mirakli jew jippriedka mad-dinja kollha u jikkonverti ‘l kulħadd. Kemm immela aħna nigglorifikaw ‘l Alla meta fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ aħna nissottomettu ruħna lejn Marija!

B’eżempju hekk ċar, u magħruf mad-dinja kollha quddiem għajnejna aħna ħa nżommu xi tama fiergħa, li se nsibu xi mezz aktar perfett u dirett li nigglorifikaw ‘l Alla, minn dak tas-sottomissjoni lejn Marija – l-istess mezz magħżul minn Kristu stess?

140. Bi prova tad-dipendenza li jkollna minn Marija, ħalli nfakkru hawnhekk, dak li għedna qabel dwar l-eżempju ta’ din id-dipendenza li tana l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier, ma tax, u ma jagħtix lil Ibnu ħlief permezz tagħha, u permezz tagħha biss jikkomunika l-grazzji tiegħu. Alla l-Iben sar Bniedem għall-bnedmin kollha, imma biss permezz tagħha Hu jitnissel u jitwieled biss permezz tagħha, bl-għaqda mal-Ispirtu s-Santu. U jikkomunika l-merti u l-virtujiet tiegħu biss permezz tagħha. Hu biss permezz tagħha li l-Ispirtu s-Santu ħadem biex jitnissel Ġesu’ Kristu; Hu biss permezz tagħha li hu jifforma l-Membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u mhux barra minnha li Hu jqassam id-doni u l-favuri tiegħu. Wara dawn l-eżempji kbar tal-imġiba tat-Trinita’ Mqaddsa nistgħu aħna mingħajr ma nkunu għomja għal kollox inħallu ‘l Marija barra minn ħajjitna, nirrifjutaw li nikkonsagraw ruħna lilha u li niddependu minnha bħala triq li twassalna għand Alla, u li nissagrifikaw ruħna għall-ġieh u l-glorja t’Alla?

bc76ca75f070012e9a147b96395cd96e141. Hawn xi passaġġi li jien għażilt biex nikkonferma dak li għadni kif għidt:

“Marija għandha żewġ ulied, il-bniedem Alla u l-bniedem: F’tal-ewwel hija Omm Korporali, fit-tieni hija Omm Spiritwali.

Din hi rieda ta’ Alla, li jrid li jkollna kollox permezz ta’ Marija. Mela, jekk għandna xi tama, xi grazzja jew xi don ta’ fedja, jeħtieġ li nkunu nafu li dan kollu ġej permezz tagħha. Id-doni kollha, il-virtujiet u l-grazzji tal-Ispirtu s-Santu huma mqassma minn idejn Marija, lil min trid, kif trid u kemm trid. Għax ma kienx jistħoqqilkom li tirċievu l-grazzja; għalhekk ġew mogħtija lil Marija biex tkunu tistgħu tirċevuhom permezz tagħha.”

142. Billi ra li aħna m’aħniex denji li nirċievu l-grazzji direttament minn Idejh, jikteb San Bernard, Alla jagħtihom li Marija, biex permezz tagħha aħna nirċievu dak kollu li jrid jagħtina; filwaqt li Hu jsib il-glorja tiegħu meta jirċievi minn idejn Marija l-gratitudni, l-adorazzjoni u l-imħabba tagħna li jistħoqqulu għall-grazzji tiegħu. Għalhekk jixraq ħafna, jgħid l-istess San Bernard, li aħna nimitaw din l-imġieba t’Alla biex hekk il-grazzja terġa’ tmur għand l-Awtur tagħha permezz tal-istess kanal immakulat, li ġiebha lilna: Ut eodem alveo ad largitorem gratia redeat quo fluxit.

Dan preċiżament dak li nagħmlu, b’din id-devozzjoni; aħna noffru li nikkonsagraw dak kollu li aħna u li għandna lill-Verġni Mbierka, biex hekk permezz tal-medjazzjoni tagħha, is-Sinjur Tagħna jkun jista’ jirċievi l-glorja u l-gratitudni li għandna nagħtuh. Aħna nistqarru li aħna denji u m’aħniex kapaċi nersqu waħidna lejn il-Majesta’ Infinita; u għalhekk aħna nfittxu l-interċessjoni t’Ommu l-Imqaddsa.

143. Aktar, din id-devozzjoni tinħtieġ l-eżerċizzju ta’ umilta’ kbira – dik il-virtu’ li Alla jħobb fuq il-virtujiet l-oħra kollha. Meta ruħ titkabbar tagħmel diżunur ‘l Alla. Meta ruħ tumilja ruħha, tgħolli ‘l Alla. Alla jirreżisti lis-suppervja u jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Jekk tumilja ruħek sinċerament, konvint li int indenn li tidher quddiemu u tersaq Lejh, Hu stess jitbaxxa biex jiġi għandek ħalli jieħu gost bik, u jgħollik, minkejja li inti tħoss li ma jistħoqqlokx. Bil-maqlub, meta inti tersaq lejn Alla bla ħsieb, mingħajr medjatur, Alla jaħbi lilu nnifsu minnek u ma jinstab imkien. Kemm iħobbha Alla l-umilta’ tal-qalb! Il-prattika tad-devozzjoni li qed nirrikmandaw twassal għal din l-umilta’. Tgħallimna biex qatt ma nersqu lejn is-Sinjur Tagħna waħedna, kien kemm kien ħelu u ħanin, imma dejjem infittxu l-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, meta nixtiequ nidhru quddiemu, biex inkellmuh jew nersqu lejh, biex noffrulu r-rigal tagħna jew biex ningħaqdu u nikkonsagraw ruħna lilu.