22. Fis-Salib il-fidwa tiegħi

sorrowO Marija, int ħassejt qalbek tinqasam meta mxejt ma’ ibnek Ġesù tul it-triq tal-Kalvarju, u batejt int ukoll għax rajtu jbati bla ħtija.

Taħt is-salib, inti wrejt ruħek bħala mara ta’ fidi u dixxiplu ta’ Ġesù, li fetħilna t-triq għas-sema bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu; fuq is-salib feda n-nuqqasijiet tagħna lkoll u wriena kif inġorru s-salib tagħna.

Inti kont taf li fis-salib hemm il-glorja, fit-tbatija hemm ir-rebħ u fil-mewt hemm il-ħajja.

Nitolbok, o Marija Addolorata, itlob għalija biex jien ukoll nagħraf li permezz tat-tbatija nista’ nissaffa minn dnubieti, li permezz tas-salib jien ġejt salvat, għaliex fis-salib hemm il-fidwa.

Għalhekk, itlob għalija, biex meta s-salib jagħfas fuqi u x-xitan jipprova jikkonvinċini li Alla nsieni, jiena nifhem li dak is-salib qed jippermettih Alla f’ħajti biex jiena nkun nista’ ningħaqad aktar ma’ ibnek Ġesù mislub.

Dan nitolbok, o Marija Addolorata, f’isem ibnek u ħuna Ġesù Kristu. Ammen.