Uffiċċju 7.1 It-2 ta’ Frar – Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesu’

Dokument PDF: Uffiċċju 7.1 It-2 ta’ Frar – Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesu’
Dokument WORD: Uffiċċju 7.1 It-2 ta’ Frar – Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesu’

christ-is-presented-at-the-temple-medium

2 TA’ FRAR
Festa ta’

IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

L-I Għasar

Jekk din il-festa taħbat il-Ħadd ikollha l-I Għasar …

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Fl-imgħoddi l-ġemgħa mqaddsa tal-profeti
ħabbritu, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu;
u dak li ħabbru seħħ tassew, kif twiegħed,
f’Marija, Omm Alla.

Verġni x’ħin nisslet, verġni meta wildet
lil Alla tas-smewwiet u Sid il-ħlejjaq,
u baqgħet dejjem verġni bla mittiefsa
wara twelidu.

Ix-xwejjaħ Xmun il-ġust fit-tempju t’Alla
ħadu f’dirgħajh, u b’ferħ qaddis imtela,
għax ra b’għajnejh lil Kristu, id-dawl tal-popli
u s-sebħ ta’ ġensu.

Omm is-Sultan ta’ dejjem, Verġni mbierka,
agħti, Marija, widen għat-talb tagħna:
lejk nersqu biex issawwab fuqna d-doni
tad-dawl ta’ Ibnek.

Int, Kristu, dawl ħanin tal-Missier għoli,
li ġejt tgħarrafna bil-misteri tiegħu,
wassalna ħdejk, biex it-tifħir ngħannulek
fid-dawl ta’ dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Il-ġenituri ta’ Ġesu’ ħadu ‘l binhom Ġeresalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.

Salm 112

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħal Mulej, Alla tagħna, †
li qiegħed fil-għoli? *
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet
u lejn l-art.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu, *
mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *
jagħmilha omm ferħana b’uliedha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Il-ġenituri ta’ Ġesu’ ħadu ‘l binhom Ġeresalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.

Ant. 2 Żejjen għamartek, Sijon, u ilqa’ lil Kristu s-Sultan.

Salm 147

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *
faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *
u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *
ixerred bħar-rmied il-ġlata,
Jitfa’ s-silġ bħall-frak tal-ħobż; *
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
Isemma’ kelmtu, u jinħall is-silġ, *
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Żejjen għamartek, Sijon, u ilqa’ lil Kristu s-Sultan.

Ant. 3 Hieni int, Xmun il-ġust, għax inti lqajt lil Kristu l-Mulej, li ħeles il-poplu tiegħu.

Kantiku (Fil 2: 6-11)

Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, *
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
imma tneżża’ minn kollox, *
billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bniedem *
u deher minn barra bħal bniedem:
ċekken lilu nnifsu, †
billi obda sal-mewt, *
anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *
u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,
biex fl-Isem ta’ Ġesu’ †
fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkobbtejhom,
u kull ilsien jistqarr: †
“Ġesu’ Kristu hu l-Mulej *
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Hieni int, Xmun il-ġust, għax inti lqajt lil Kristu l-Mulej, li ħeles il-poplu tiegħu.

LEZZJONI QASIRA (Lhud 10: 5-7)

Kristu, meta daħal fid-dinja, qal: Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx. Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla, kif hemm miktub fuqi.

RESPONSORJU QASIR

R. Il-Mulej għarraf * Is-salvazzjoni tiegħu. Il-Mulej.
V. Li hu ħejja għall-popli kollha, * Is-salvazzjoni tiegħu. Glorja. Il-Mulej.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Ix-xwejjaħ ħa t-tifel fuq dirgħajh, iżda dan kien imexxi lix-xwejjaħ, it-tifel li twieled minn xebba li baqgħet verġni wara twelidu, ġibitu fid-dinja u aduratu.

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Ix-xwejjaħ ħa t-tifel fuq dirgħajh, iżda dan kien imexxi lix-xwejjaħ, it-tifel li twieled minn xebba li baqgħet verġni wara twelidu, ġibitu fid-dinja u aduratu.

PREĊI

Naduraw is-Salvatur tagħna ippreżentat fit-tempju, u b’ħerqa kbira nitolbuh u
nghidulu:
Ħa jaraw għajnejja s-salvazzjoni tiegħek.
Kristu, Salvatur tagħna, inti d-dawl li ddawwal il-ġnus:
– dawwal lil dawk li għadhom ma għarfukx, biex huma wkoll jemmnu li inti d-dawl li ddawwal il-ġnus.
Feddej tagħna, inti l-glorja tal-poplu tiegħek Israel:
– igglorifika l-Knisja tiegħek fost il-ġnus.
Ġesu’, xewqa tal-ġnus kollha, Xmun il-ġust ra b’għajnejh is-salvazzjoni tiegħek:
– agħmel li l-bnedmin kollha jsalvaw bik.
Mulej, fil-preżentazzjoni tiegħek Xmun ħabbar sejf it-tbatija lil ommok:
– qawwi lil dawk li jsofru t-taħbit fis-servizz tiegħek.
Kristu, hena tal-qaddisin, int temmejt ix-xewqa mħeġġa ta’ Xmun għax ħallejtu
jarak qabel ma miet:
– uri lilek innifsek għal dejjem lil dawk li wara mewthom jixxennqu d-dehra tiegħek.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

 

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94

Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Il-Mulej Sidna ġej fit-tempju mqaddes tiegħu: ejjew nadurawh.

Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.

 

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

Il-Verb, li f’dar Missieru jmexxi l-anġli,
li b’għerfu s-sema u l-art u l-ibħra ssawru,
għoġbu jiċċekken, jinżel fostna u joqgħod
għal-liġi mqaddsa minn Mose’ mogħtija.

Marija, l-Omm bla tebgħa, ħaddnet magħha,
lill-bniedem-Alla mwieled binha veru,
u bih f’dirgħajha ħaffet lejn it-tempju
biex hemm tippreżentah quddiem Missieru.

Hu d-dawl tal-ġnus, is-sebħ tal-poplu t’Alla;
iġib il-waqgħa w il-qawmien ta’ ħafna;
huwa sinjal li n-nies tmerih jew tilqgħu,
sa ma jinkixfu l-ħsibijiet moħbija.

B’għanjiet ta’ glorja lill-Missier infaħħru,
kull ġieh u setgħa lill-Waħdieni tiegħu,
il-ħajr u l-qawwa lill-Ispirtu s-Santu,
it-Trinta’ ta’ dejjem, Alla wieħed. Ammen.

Jew Fl-imgħoddi, mit-I Għasar

SALMODIJA

Ant. 1 Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael.

Salm 2

Għaliex jixxewxu l-ġnus, *
u l-popli jreddnu għal xejn?
Is-slaten ta’ l-art iqumu, †
u l-kbarat jiftiehmu bejniethom *
kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
“Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, *
u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom!”

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, *
il-Mulej biċ-ċajt joħodhom.
Imbagħad ikellimhom bil-herra, *
bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
“Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, *
fuq Sijon, il-għolja mqaddsa tiegħi!”

Irrid inxandar id-digrieti tal-Mulej; *
Hu qalli: ‘Ibni int, jien illum nissiltek.
Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek, *
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virga tal-ħadid int tkissirhom, *
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.”

U issa, slaten, ifhmu sewwa; *
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
Aqdu lil-Mulej bil-biża’, *
u bir-rogħda riġlejh busu,
li ma jagħdabx u intom tinqerdu, *
għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.
Hienja dawk kollha *
li jistkennu fih!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael.

Ant. 2 Qum! Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalem! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

Salm 18A

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla, *
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar, *
lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħinhom, *
mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †
u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *
ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,
minn tarf is-smewwiet hi toħroġ, †
sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *
xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Qum! Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalem! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

Ant. 3 Ifraħ u ithenna, Sijon il-ġdida: ara, ġej is-Sultan tiegħek ta’ qalb ħelwa biex isalva l-poplu tiegħu.

Salm 44

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †
ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *
ilsieni pinna ta’ kittieb ħafif.

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †
imsawba l-ħlewwa fuq xofftejk; *
għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; *
ilbes il-ġieh u l-ġmiel tiegħek!
Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *
turik lemintek ħwejjeġ tal-għaġeb!
Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †
taħtek jaqgħu l-popli; *
jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.
It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem, *
xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!
Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen: *
għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,
b’żejt il-hena aktar minn sħabek.

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,
kollha fwieħa lbiesek. *
Mill-palazzi tal-avorju jferrħek id-daqq tal-kordi.
Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk; *
f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Isma’, binti, ħares u agħti widen, *
insa ’l ġensek u ’l dar missierek.
Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *
u int, għax hu sidek, agħtih qima.
In-nies ta’ Tir bir-rigali jiġu, *
il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *
minsuġ bid-deheb ilbiesha.
Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *
it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.
Jittieħdu b’għajjat ta’ ferħ u hena; *
jidħlu fil-palazz tas-sultan.

Flok missierijietek jilħqu wliedek; *
inti tqegħidhom kapijiet fuq l-art kollha.
Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *
Ifaħħruk il-popli għal dejjem ta’ dejjem!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Ifraħ u ithenna, Sijon il-ġdida: ara, ġej is-Sultan tiegħek ta’ qalb ħelwa biex isalva l-poplu tiegħu.

V. Naħsbu, o Alla, fuq it-tjieba tiegħek.
R. F’nofs it-tempju tiegħek.

LEZZJONI (1 Es 13: 1-3a, 11-16)

Qari mil-Ktieb tal-Esodu.

Il-Konsagrazzjoni tal-kbir fost l-ulied

F’dawk il-jiem: il-Mulej qal lil Mose’: ‘’Qaddisli kull ma jitwieled l-ewwel fost ulied Iżrael, sew tal-bnedmin u sew tal-bhejjem: għax kollox hu tiegħi.‘’

U Mose’ qal lill-poplu: ‘’Il-Mulej iġibek fl-art tal-Kangħanin kif ħalef lilek u lil missierijietek, u jagħtihilek, u int twarrab għall-Mulej kull ma jitwieled l-ewwel. Il-frieħ ta’ kull ħmar tifdih b’ħaruf, u jekk ma tifdihx, tiksirlu għonqu. Inti tifdi kull l-ewwel iben.

U jekk ‘il quddiem ibnek għad jistaqsik: ‘X’ifisser dan ?’ int tgħidlu : ‘Il-Mulej ħariġna mill-Eġittu, mill-art tal-jasar, bil-qawwa ta’ dirgħajh. U meta l-Fargħun b’xejn ma ried jitlaqna, il-Mulej qatel kull imwieled l-ewwel fl-art tal-Eġittu, l-imwieled l-ewwel sew tal-bnedmin, sew tal-bhejjem. Għalhekk jien noffri b’sagrifiċċju lill-Mulej kull raġel li jitwieled l-ewwel, u kull l-ewwel wild ta’ wliedi nifdih!’ U dak ikun b’sinjal fuq idek u mdendel bejn għajnejk ; għaliex il-Mulej bil-qawwa ta’ driegħu ħarġek mill-art ta’ l-Eġittu.’

RESPONSORJU

R. Żejjen għamartek, Sijon, u ilqa’ lil Kristu s-sultan, * It-tifel li tnissel fi ħdan xebba, twieled minnha, u hi aduratu wara li ġibitu fid-dinja.
V. Ix-xwejjaħ ħa t-tifel fuq dirgħajh, radd il-ħajr u bierek il-Mulej. * It-tifel li tnissel fi ħdan xebba.

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Sofronju.

Nilqgħu d-dawl dejjem jiddi

Noħorġu lkoll biex nilqgħu lill-Iben t’Alla, aħna li b’tjieba kbira nagħtu qima u ġieh lill-misteru tiegħu. Immorru bil-qalb kollha lkoll kemm aħna. Ma għandu jkun hemm ħadd li ma jieħux sehem magħna f’din il-laqgħa, ħadd li ma jġibx miegħu d-dawl mixgħul f’idejh.

Nieħdu magħna x-xemgħat jiddu, biex nuru d-dija divina ta’ Dak li riesaq lejna, Dak li bih jiddawwal kollox, li jkeċċi l-kruha tad-dlamijiet u jimla kollox bid-dawl tiegħu ta’ dejjem; nieħdu magħna x-xemgħat, l-iżjed biex nuru d-dija spiritwali li jinħtieġilna biex immorru nilqgħu lil Kristu.

Omm Alla , il-Verġni bla mittiefsa, refgħet fuq dirgħajha lil Dak li hu d-dawl tassew u marret bih għand dawk li kienu jinsabu fid-dlamijiet; hekk aħna, imdawlin bid-dija tiegħu, nieħdu f’idejna d-dawl li jista’ jarah kulħadd, u mmorru bil-għaġla biex nilqgħu lil Dak li hu d-dawl tassew.

Għax tassew, id-dawl ġie fid-dinja, li kienet kollha kemm hi fid-dlam, u hu dawwalha; hu ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tiegħla, u idda lil dawk li kienu fid-dlamijiet. Dan hu l-misteru li qegħdin niċċelebraw illum. Aħna għalhekk immorru bix-xemgħat f’idejna, għalhekk nieħdu magħna d-dawl u nħaffu, u kemm biex nuru li diġa’ rċevejna d-dawl, kif ukoll biex infissru dik id-dija li għad tiddi fuqna. Mela noħorġu flimkien, immorru lkoll nilqgħu lil Alla.

Ġie Dak li hu d-Dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja. Mela niddawlu lkoll, ħuti; ħa niddu lkoll.

Ħadd minna ma għandu jibqa’ mingħajr din id-dija, ħadd ma għandu joqgħod mistur fid-dalma tal-lejl; imma noħorġu kollna niddu, immorru mdawla lkoll flimkien, u flimkien max-xwejjaħ Xmun nilqgħu dak id-dawl dejjem jiddi; u b’ruħna ferħana nkantaw innijiet ta’ radd il-ħajr lill-Missier id-dawl, li bagħtilna d-dawl veru biex ikeċċi d-dlam minna u jdawwalna lkoll.

Permezz tiegħu, aħna wkoll rajna s-salvazzjoni t’Alla, li l-Missier ħejja għall-popli kollha u wrihielna għall-glorja tagħna, Iżrael il-ġdid; għax kif Kristu wera ruħu lil Xmun, minnufih ħallna mill-irbit ta’ din il-ħajja, jiġifieri minn dik il-ħtija qadima li kienet ilha żżommna fid-dlam.

Aħna wkoll, bil-fidi tagħna, ħaddanna lil Kristu li ġie għandna minn Betlehem. Hu, is-Salvatur mibgħut lilna minn Alla l-Missier, sejħilna minn fost il-ġnus u għamilna l-poplu t’Alla; u aħna rajna b’għajnejna lil Alla magħmul bniedem, rajna lil Alla magħna u lqajnieh fid-dirgħajn ta’ ruħna. U għalhekk aħna, li nissejħu Iżrael il-ġdid, ta’ kull sena nagħmlu festa biex niċċelebraw din il-preżenza t’Alla fostna u ma ninsewha qatt.

RESPONSORJU

R. Is-sebħ tal-Mulej daħal fit-tempju mill-bieb li jagħti għan-naħa tal-lvant, * U t-tempju mtela bis-sebħ tal-Mulej.
V. Il-ġenituri ġiebu lit-tfajjel Ġesu’ fit-tempju. * U t-tempju.

Lilek, O Alla, infaħħru

Lilek, o Alla, infaħħru; * lilek b’Mulej nistqarru.
Lilek, Missier ta’ dejjem * id-dinja kollha tqimek.
Lilek, l-anġli kollha, *
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom.
Lilek il-kerubini u s-serafini *
ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija *
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Lilek tfaħħar *
il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
Lilek ifaħħar *
il-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru *
il-qtajja tal-Martri rebbieħa kollhom bjuda.
Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistarr fik:
il-Missier * ta’ kobor bla qjies;
l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni;
u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur.

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem * Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem, *
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.
Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.

Ahna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li inti fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

(+) Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *
bierek lill-wirt tiegħek.
Kun ir-ragħaj tagħhom, *
erfagħhom għal dejjem.
Min jum għall-iehor * aħna nberkuk:
u nfaħħru ismek għal dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem.
Agħmel, Mulej, li llum *
inħarsu ruħna minn kull dnub.
Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.
Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
kif fik hi t-tama tagħna.
Fik, Mulej, jien nistkenn: *
ma jkolli qatt għax ninfixel.

(+) Din l-aħħar taqsima tal-innu tista’ titħalla barra.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Żejjen darek, Sijon, ifraħ
bil-Mulej li kont tistenna;
bil-musbieħ mixgħul mur ilqa’
lill-Għarus u l-Verġni Ommu.

Ħaffef, xwejjaħ ġust, biex terfa’
fuq dirgħajk il-wegħda hienja;
uri d-Dawl li ġie fid-dinja
biex idawwal il-ġnus kollha.

Ġewwa t-tempju l-ġenituri
joffru ‘l Kristu, it-tempju t’Alla;
hu ma kienx marbut bil-liġi,
iżda qagħad għaliha f’kollox.

Omm qaddisa, offri t-tfajjel,
l-Iben tal-Missier u tiegħek:
huwa l-prezz tal-fidwa tagħna,
li bih noffru lilna nfusna.

Ejja, Verġni, bint is-slaten,
ressaq ‘l Ibnek bħala vittma
fuq l-altar tas-sagrifiċċju,
salvazzjoni u ferħ tad-dinja.

Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u mal-Ispirtu
ġieh jintraddlek, issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Xmun, raġel ġust u tajjeb li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu, kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael.

Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej

Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Xmun, raġel ġust u tajjeb li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu, kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael.

Ant. 2 Xmun laqa’ t-tifel fuq dirgħajh, radd ħajr u bierek lil Alla.

Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2 Xmun laqa’ t-tifel fuq dirgħajh, radd ħajr u bierek lil Alla.

Ant. 3 Dawl biex iddawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

Salm 149
Il-hena tal-qaddisin

Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Dawl biex iddawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

LEZZJONI QASIRA (Mal 3: 1)

Se nibgħat il-messaġġier tiegħi jwitti t-triq quddiemi. U jasal minnufih fit-tempju tiegħu s-Sid mistenni minnkom. U dan l-Anġlu tal-patt, li intom imxennqa għalih, dalwaqt ġej.

RESPONSORJU QASIR

R. Qimu lill-Mulej * Fit-tempju mqaddes tiegħu. Qimu.
V. Agħtu lill-Mulej is-sebħ u l-ġieh. * Fit-tempju mqaddes tiegħu. Glorja. Qimu.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija X’ħin il-ġenituri daħlu fit-tempju bit-tfajjel Ġesu’, Xmun laqgħu fuq dirgħajh u bierek lil Alla.

Il-Messija u l-Prekursur tiegħu

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija X’ħin il-ġenituri daħlu fit-tempju bit-tfajjel Ġesu’, Xmun laqgħu fuq dirgħajh u bierek lil Alla.

PREĊI

Naduraw is-Salvatur tagħna ippreżentat fit-tempju u b’ħerqa kbira nitolbuh u ngħidulu:
Ħa jaraw għajnejna s-salvazzjoni tiegħek.
Kristu Ġesu’, int ridt tkun ippreżentat fit-tempju lill-Missier, skond il-liġi:
– għallimna noffru lilna nfusna flimkien miegħek fis-sagrifiċċju tal-Knisja tiegħek.
Inti l-faraġ ta’ Israel, li Xmun il-ġust ġie jilqgħek fit-tempju.
– agħtina li nagħrfu nilqgħu lilek f’ħutna.
Feddej mistenni mill-ġnus, fuqek bdiet titkellem Anna l-profetessa ma’ dawk
kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Israel:
– agħtina d-dawl biex nitgħallmu nitkellmu fuqek kif jixraq ma’ kulħadd.
Inti l-ġebla tax-xewka tas-saltna ta’ Alla, li ġejt imqiegħed bħala sinjal li jmeruh:
– agħmel li l-bnedmin, bis-saħħa tal-fidi u l-imħabba, iżommu miegħek sal-qawmien mill-imwiet.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.

 

It-Talb ta’ nofs il-jum

SALMODIJA KUMPLEMENTARI

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

F’din is-siegħa, nofs il-għodwa,
nerfgħu qlubna ’l fuq lejn Alla,
u bil-qima nagħtuh glorja,
għax hu ħelu t-tifħir tiegħu.

Nitolbuh biex jibagħtilna
lill-Ispirtu jgħammar fina,
kif, bħal issa, darba niżel
f’nar ta’ mħabba fuq l-appostli.

Hekk ried jagħlaq b’dan il-għaġeb
l-għemil sħiħ tal-fidwa tagħna,
ħa jmexxina ħfief għall-premju
li ħejjielna sa minn dejjem.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni.

Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi

Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni.

Ant. 2 Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek.

Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek.

Ant. 3 Fraħt b’dak li qaluli.

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Fraħt b’dak li qaluli.

LEZZJONI QASIRA (Iż 8: 14)

Il-Mulej ta’ l-eżerċti jkun tiġrif, ġebla li tfixkel, blata li ġġarraf iż-żewġt idjar ta’ Iżrael, xbiek u nassa għal min joqgħod f’Ġerusalemm.

V. Il-Mulej ftakar fit-tjieba tiegħu.
R. U fil-fedelta’ tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

F’Nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

F’dan il-ħin li jistedinna
biex nistrieħu ftit mill-ħidma
b’qalbna mħeġġa nfaħħru ’l Sidna
li ma stmerrx imut għalina.

Hu l-Ħaruf li offra ruħu
lil Missieru bħala vittma,
biex jifdna u jerġa’ jtina
bis-salib il-ġieh li tlifna.

Inroddulu ħajr għall-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet ix-xemx fuq il-Kalvarju,
iżda mliet bid-dawl lil ruħna.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Int li tgħammar fis-smewwiet, ħenn għalina.

Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu

Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).

Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Int li tgħammar fis-smewwiet, ħenn għalina.

Ant. 2 Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.

Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).

Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.

Ant. 3 Il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.

Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu

ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.

LEZZJONI QASIRA (Iż 42: 13)

Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi, u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu; igħajjat agħjat b’leħen għoli, ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu.

V. L-art kollha rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
R. Għajtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha tal-art.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Nilqgħu l-grazzja u nħeġġu qalbna
b’dak in-nar li tkebbes f’Pietru
xħin kien tielgħa lejn it-tempju
tal-Mulej, għat-talb tat-tlieta.

U noqogħdu, b’tama kbira
bħall-magħtub, fil-bieb tal-ħniena,
biex nittallbu minn għand Alla
kull għajnuna li naħtieġu.

Aħna wkoll, bil-fidi fl-isem
ta’ Ġesu’, naqilgħu s-saħħa,
hekk li l-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew fit-triq tas-sema.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa u dejjem. Ammen.

Ant. 1 Kbir f’għemilu l-Mulej magħna: u aħna bil-ferħ imtlejna.

Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej

Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Kbir f’għemilu l-Mulej magħna: u aħna bil-ferħ imtlejna.

Ant. 2 Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

Salm 126
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej

Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

Ant. 3 Kbir il-hena ta’ dawk li jibżgħu minnek, Mulej.

Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej

“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Kbir il-hena ta’ dawk li jibżgħu minnek, Mulej.

LEZZJONI QASIRA (Iż 12: 5-6)

Għannu lill-Mulej, għax għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf min-nies kollha tal-art. Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael!

V. It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu.
R. Il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Fl-imgħoddi l-ġemgħa mqaddsa tal-profeti
ħabbritu, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu;
u dak li ħabbru seħħ tassew, kif twiegħed,
f’Marija, Omm Alla.

Verġni x’ħin nisslet, verġni meta wildet
lil Alla tas-smewwiet u Sid il-ħlejjaq,
u baqgħet dejjem verġni bla mittiefsa
wara twelidu.

Ix-xwejjaħ Xmun il-ġust fit-tempju t’Alla
ħadu f’dirgħajh, u b’ferħ qaddis imtela,
għax ra b’għajnejh lil Kristu, id-dawl tal-popli
u s-sebħ ta’ ġensu.

Omm is-Sultan ta’ dejjem, Verġni mbierka,
agħti, Marija, widen għat-talb tagħna:
lejk nersqu biex issawwab fuqna d-doni
tad-dawl ta’ Ibnek.

Int, Kristu, dawl ħanin tal-Missier għoli,
li ġejt tgħarrafna bil-misteri tiegħu,
wassalna ħdejk, biex it-tifħir ngħannulek
fid-dawl ta’ dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 L-Ispirtu s-Santu nebbaħ lil Xmun li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara lill-Mulej.

Salm 109: 1-5. 7

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *
“Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *
mirfes taħt riġlejk.”

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon: *
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek.
Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa, *
sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *
“Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!”

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *
jidrob is-slaten f’jum il-qilla tiegħu.
Mill-wied jixrob fi triqtu, *
għalhekk jerfa’ ‘l fuq rasu.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 L-Ispirtu s-Santu nebbaħ lil Xmun li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara lill-Mulej.

Ant. 2 Offrew par gamiem jew żewġ bċieċen b’sagrifiċċju għalih lill-Mulej.

Salm 129

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: *
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,*
jiena u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti każ, Mulej, *
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra, *
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.

Jien lill-Mulej nistenna, *
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi, *
aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

Aktar mill-għassiesa s-sebħ, *
jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *
u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *
minn ħtijietu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Offrew par gamiem jew żewġ bċieċen b’sagrifiċċju għalih lill-Mulej.

Ant. 3 Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.

Kantiku (Kol 1: 12-20)

Roddu ħajr lill-Missier, †
li għamilkom denji *
li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *
u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,
li bih għandna l-fidwa, *
il-maħfra tad-dnubiet.

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax bih kien maħluq kollox, *
fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher †
u dak kollu li ma jidhirx, *
troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq, †
hu qabel kollox, *
u kollox bih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †
hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *
fih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu,
u bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, *
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.

LEZZJONI QASIRA (Lhud 4: 15-16)

Aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder in-nuqqas ta’ ħila tagħna, imma għandna wieħed li ġie mġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu grazzja għal għajnuna meħtieġa f’waqtha.

RESPONSORJU QASIR

R. Il-Mulej għarraf * Is-salvazzjoni tiegħu. Il-Mulej.
V. Li hu hejja għall-popli kollha. * Is-salvazzjoni tiegħu. Glorja. Il-Mulej.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Illum il-Verġni mqaddsa Marija ippreżentat lit-tfajjel Ġesu’ fit-tempju; u Xmun, mimli bl-Ispirtu s-Santu, laqgħu fuq dirgħajh u bierek lil Alla.

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Illum il-Verġni mqaddsa Marija ippreżentat lit-tfajjel Ġesu’ fit-tempju; u Xmun, mimli bl-Ispirtu s-Santu, laqgħu fuq dirgħajh u bierek lil Alla.

PREĊI

Naduraw is-Salvatur tagħna ippreżentat fit-tempju, u b’ħerqa kbira nitolbuh u nghidulu:
Ħa jaraw għajnejja s-salvazzjoni tiegħek.
Kristu, Salvatur tagħna, inti d-dawl li ddawwal il-ġnus:
– dawwal lil dawk li għadhom ma għarfukx, biex huma wkoll jemmnu li inti d-dawl li ddawwal il-ġnus.
Feddej tagħna, inti l-glorja tal-poplu tiegħek Iżrael:
– igglorifika l-Knisja tiegħek fost il-ġnus.
Ġesu’, xewqa tal-ġnus kollha, Xmun il-ġust ra b’għajnejh is-salvazzjoni tiegħek:
– agħmel li l-bnedmin kollha jsalvaw bik.
Mulej, fil-preżentazzjoni tiegħek Xmun ħabbar sejf it-tbatija lil ommok:
– qawwi lil dawk li jsofru t-taħbit fis-servizz tiegħek.
Kristu, hena tal-qaddisin, int temmejt ix-xewqa mħeġġa ta’ Xmun għax ħallejtu
jarak qabel ma miet:
– uri lilek innifsek għal dejjem lil dawk li wara mewthom jixxennqu d-dehra tiegħek.

Missierna, eċċ.

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ippreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek.

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.