2.2 Aħna ta’ Ġesu’ u ta’ Marija bħala lsiera (Para. 68-77)

Permezz tal-grazzja u b’manjiera subordinata u relattiva mal-Maesta’ Divina Tiegħu, Alla ta lill-Marija l-istess drittijiet u privileġġi li Hu nnifsu għandu min-natura. Dak kollu li jixraq lil Alla min-natura, jixraq lil Marija minħabba l-grazzja. Hekk jgħidu l-qaddisin filwaqt li jġibu r-raġuni li ladarba Ġesu’ u Marija huma maqgħudin fir-rieda u s-setgħa huma għandhom l-istess sudditi, qaddejja u ilsiera. — San Alwiġi Maria De Montford

68. It-Tieni Verita’ – Min dak li Ġesu’ hu għalina, aħna għandna nikkonkludu li aħna m’aħniex iżjed tagħna nnfusna, imma kollha kemm aħna ta’ Kristu, bħalma jgħid San Pawl: aħna l-membri u l-qaddejja tiegħu, li hu xtara bi prezz għoli – il-prezz infinit ta’ Demmu l-għażiż. Qabel il-magħmudija aħna konna tax-xitan bħala ilsiera tiegħu; permezz tal-magħmudija aħna sirna l-veri ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu li dmirhom hu li jgħixu, jaħdmu u jmutu bl-iskop ewlieni li jagħmlu l-frott għal dan il-Bniedem-Alla, li jigglorifikawh f’ġisimhom u jħalluh isaltan f’ruħhom, għaliex aħna ir-rebħa u l-wirt tiegħu u l-poplu tiegħu mixtri bi prezz għoli. Dan kien li ġiegħel lill-Ispirtu s-Santu jxebbaħna

(1) Ma’ siġar imħawla ħdejn l-ilma tal-grazzja, fl-għalqa tal-Knisja li għandhom jagħtu l-frott fl-istaġun tagħhom;

(2) Mal-friegħi tad-dielja, li z-zokk tagħha hu Ġesu’ Kristu, u li għadhom jagħtu għeneb tajjeb;

(3) Ma’ merħla, li r-Ragħaj tagħha hu Ġesu’ Kristu, u li trid tikber, titkattar u tagħti ħafna ħalib;

(4) Ma’ art għammiela li fiha l-Bidwi Divin jitfa’ ż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla biex tinbet, tikber u tagħti frott għal tletin, sittin u mitt darba. Ġesu’ Kristu seħet is-siġra tat-tin li ma tatx frott, u kkundanna lill-qaddej għażżien li ma għarafx juża bi qligħ it-talent tiegħu. Minn dan naraw li Ġesu’ Kristu jrid li jirċievi minn għandna l-frott tal-għemejjel tajba tagħna għax dawn l-għemejjel tajba huma biss tiegħu: “Maħluqin fi Kristu biex nagħmlu l-opri tajba.” (Efes 2,10). Dal-kliem juri li Ġesu’ Kristu hu l-prinċipju waħdieni u għandu jkun l-iskop waħdieni tal-opri tajba tagħna, u li aħna naqduh mhux biss bħala qaddejja mikrijin imma bħala qaddejja tal-imħabba tiegħu.

69. Hawn fl-art id-dependenza mill-awtorita’ ta’ ħaddieħor tista’ tkun ta’ żewġ xorta: qadi sempliċi u jasar – u skont għal-liema xorta tkun il-persuna taħt l-awtorita’ tissejjaħ qaddej jew ilsir. Fil-mod ordinarju tal-qadi qalb l-Insara, wieħed jindaħal biex jagħmel biċċa xogħol għall-ieħor, f’ċertu ħin u paga bħala ħlas ta’ dan. Iżda f’jasar, wieħed ikun totalment dipendenti fuq ieħor, għal ħajtu kollha; irid jaqdi lil sidu mingħajr ħsieb ta’ paga jew ħlas, għaliex dak is-sid għandu is-setgħa tal-ħajja u l-mewt fuqu, bħall-annimal tal-għalqa.

secret-demontfort70. Hemm tliet xorta ta’ jasar : il-jasar naturali; il-jasar ta’ bilfors u l-jasar volontarju. Il-ħlejjaq kollha huma l-ilsiera t’Alla skont l-ewwel wieħed. “Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha.” (S 24 (23), 1). Ix-xjaten u l-indannati huma lsiera bil-għażla u r-rieda tagħhom. Il-Glorja t’Alla, l-aħjar li tikber bil-jasar volontarju, għax Alla hu dak li jara l-qalb, u li għandu dritt għall-qalb u li jsejjaħ lilu nnifsu Alla tal-qlub u tar-rieda li tħobb. B’din il-kwalita’ ta’ jasar ir-ruħ tagħti ‘l Alla u s-servizz tiegħu fuq kull ħaġa, anke f’affarijiet li ma jidhrux fil-jasar naturali.

71. Hemm baħar ta’ differenza bejn qaddej u lsir:

(1) Qaddej ma jagħtix kull ma hu, kull ma għandu u kull ma jista’ jaqla’ minn għand ħaddieħor jew b’xogħol; filwaqt li l-ilsir jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu mingħajr riserva ta’ xejn dak kollu li għandu u dak li jista’ jakkwista.

(2) Il-Qaddej jitlob il-ħlas tax-xogħol li jagħmel lil sidu; filwaqt li l-ilsir ma jista’ jitlob xejn, jaħdem kemm jaħdem bis-serjeta’, bil-għaqal u bis-saħħa.

(3) Il-Qaddej jista’ jitlaq lill-imgħallem meta jixtieq, jew għall-inqas meta ż-żmien tax-xogħol jispiċċa. Imma l-ilsir qatt ma jista’ jħalli lil sidu.

(4) L-imgħallem tal-qaddej m’għandux dritt tal-ħajja u l-mewt fuqu, bir-riżultat li jekk joqtlu bħal ma joqtol xi bhima minn tiegħu, ikun ħati ta’ delitt; imma sid l-ilsir għandu dritt legali tal-ħajja u l-mewt fuqu, u għalhekk jista’ jbiegħu jew joqtlu kif jidhirlu, mingħajr ma jagħmel l-ebda għażla bejn l-ilsir u ż-żiemel tiegħu.

(5) Fl-aħħarnett il-qaddej ikun għal xi żmien fil-qadi ta’ sidu filwaqt li l-ilsir hu għal dejjem.

72. Fost il-bnedmin, il-jasar hu l-mod sħiħ li bih wieħed jista’ jkun ta’ ieħor, u fost l-Insara l-mod l-aktar assolut li wieħed jista’ jkun ta’ Ġesu’ Kristu u Marija, hu permezz tal-jasar volontarju skont l-eżempju ta’ Ġesu’ stess, li għalina u għas-salvazzjoni tagħna sar ilsir: “Ħa n-natura ta’ lsir.” (Fil 2,7). U anke fuq l-eżempju tal-Verġni Mqaddsa, li sejħet lilha nnfisha bħala l-qaddejja u l-ilsiera tal-Mulej. L-Appostlu San Pawl jigglorifika ruħu bit-titlu “Qaddej ta’ Kristu” (Gal 1,10). Ħafna drabi fl-Iskrittura it-titlu Qaddej ta’ Kristu jingħata lill-Insara. Kif jgħid wieħed għaref, din il-kelma għall-ewwel kienet tfisser biss ilsir ladarba ma kienx hemm sefturi jew qaddejja, kif nifhmu l-kelma llum, is-sidien kienu moqdija biss mill-ilsiera jew nies mifdija. Id-duttrina tal-Konċilju ta’ Trentu ma tħalli l-ebda dubju li aħna l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu għaliex billi ssejħilna ilsiera ta’ Kristu hi tuża kliem li ma jħalli l-ebda dell ta’ ambigwita’.

73. Għalhekk jien ngħid bla biża’, li aħna ta’ Ġesu’ Kristu u li għandna naqduh mhux biss bħala qaddejja mikrijin imma bħala lsiera bil-jasar tal-imħabba. Jien ngħid li l-kobor tal-imħabba mħeġġa tagħna għandha twassalna biex nagħtu lilna nfusna lilu u naċċettaw il-madmad tas-servizz tiegħu bħala ilsiera tiegħu u biss il-ġieh li aħna lkoll tiegħu. Qabel, il-Magħmudija konna ilsiera tax-xitan u bis-saħħa tal-Magħmudija sirna l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu. In-Nisrani għażla waħda għandu; jew ikun l-ilsir tax-xitan jew l-ilsir ta’ Ġesu’ Kristu.

74. Dak li ngħid b’mod assolut għal Ġesu’ Kristu, napplikah relattivament għall-Verġni Mqaddsa. Kristu għamel lil Marija bħala s-sieħba li ma tinfired qatt, ta’ ħajtu, ta’ mewtu, tal-glorja tiegħu u tas-setgħa tiegħu fis-sema u fl-art. Għalhekk permezz tal-grazzja u b’manjiera subordinata u relattiva mal-Maesta’ Divina Tiegħu, Huwa taha l-istess drittijiet u privileġġi li Hu nnifsu għandu min-natura. Dak kollu li jixraq lil Alla min-natura, jixraq lil Marija minħabba l-grazzja. Hekk jgħidu l-qaddisin filwaqt li jġibu r-raġuni li ladarba Ġesu’ u Marija huma maqgħudin fir-rieda u s-setgħa huma għandhom l-istess sudditi, qaddejja u ilsiera.

75. Megħjunin mill-opinjonijiet tal-Qaddisin u ta’ nies magħrufa, aħna nistgħu mela niddikjaraw ruħna u nsiru ilsiera ta’ Marija. Hekk insiru iktar perfettament l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu. Il-Verġni Mqaddsa hi l-mezz li Kristu uża biex jiġi għandna. Hi wkoll il-mezz li aħna għandna nużaw biex immorru għandu. Ir-rabta ma’ kreaturi oħra tista’ iktar tbegħedna minn Alla milli tgħinna biex nersqu lejh imma mhix hekk ir-rabta ma’ Marija. L-iskop ewlieni tagħha hu li tgħaqqadna ma’ Ġesu’ Kristu, l-Iben tagħha u hi l-aktar xewqa deċiża ta’ Ġesu’, li aħna niġu għandu permezz ta’ Ommu l-Imbierka. B’hekk inkunu qedgħin nagħtuh ġieh u nogħġbuh sewwa sew bħal meta sudditu jogħġob jonora lis-Sultan tiegħu meta jsir ilsir tas-Sultana ukoll. Għalhekk is-Santi Padri tal-Knisja u San Bonaventura wkoll jgħidu li l-Imqaddsa Verġni hija t-triq li minnha mmorru għand is-Sinjur Tagħna: “Via veniendi ad Christum est appropinquare ad illam.”

76. Iktar, ladarba kif ġa għidt, il-Madonna hi s-Sultana u l-aqwa Sinjura tas-sema u tal-art, m’għandiex hi daqstant sudditi u ilsiera daqs kemm hemm ħlejjaq? “Kollox hu sottomess għas-setgħa ta’ Alla, anke l-Verġni Mbierka; kollox hu sottomess għas-setgħa tal-Verġni Mbierka anke Alla”; jgħidu Sant’ Anselmu, San Bernard, San Bernardinu u San Bonaventura. Imma mhix ħaġa sewwa li tistenna li fost tant ilsiera furzati, ikun hemm x’uħud li jagħżlu minn jeddhom, li jkunu l-ilsiera ta’ Marija u li jipproklamaw ruħhom li huma hekk? X’inhu dak, li sewwa l-bnedmin kemm lix-xjaten ikollhom ilsiera voluntieri u Marija ma jkollha xejn! Is-Sultan jintefaħ, meta jaf lis-Sultana, martu, għandha l-ilsiera li fuqhom għandha d-dritt tal-ħajja u l-mewt, għaliex l-unur li jagħtuha u s-setgħa li turi, huma unur lilu u s-setgħa tiegħu; u tista’ qatt tobsor li l-Mulej Tagħna li hu l-aħjar fost l-ulied kollha u li qasam m’Ommu s-Setgħa tiegħu kollha – jieħu għalih jekk hi jkollha l-ilsiera? Hu Kristu għandu inqas rispett lejn Ommu milli kellu Assweru lejn Ester jew Salamun lejn Bethsabea? Min għandu l-kuraġġ jgħid le jew inkella jaħseb dan?

77. Imma fejn qed teħodni l-pinna? Għaliex qed naħli ż-żmien biex nipprova ħaġa li hi daqshekk ċara? Jekk xi wħud ma jridux jipproklamaw lilhom infushom bħala l-ilsiera ta’ Marija, x’jimporta? Ħalli kull min irid jiddikjara lilu nnifsu u jkun l-ilsir ta’ Ġesu’. Dan ikun l-ilsir tal-Imqaddsa Verġni, ladarba Ġesu’ hu l-frott u l-glorja ta’ Marija. Dan hu li jagħmel perfettament bid-devozzjoni li dalwaqt nitkellem fuqha.