6.2.5 Hija tinterċedi għalihom (Para. 211-212)

Marija tipproteġi u kontinwament tgħasses fuq il-qaddejja tagħha li ma jmorrux jitilfu l-grazzja t’Alla, u jaqgħu fin-nases tal-għedewwa tagħhom. — San Alwiġi Maria De Montford

santo6296big211. Fl-aħħarnett, il-ħames u l-ikbar benefiċċju li Marija tagħti lis-segwaċi fidili tagħha, hu li tidħol għalihom quddiem Binha u tikkalmah bit-talb tagħha. Tgħaqqadhom miegħu b’rabta l-aktar intima u tgħasses fuq din l-għaqda. Rebekka ġagħlet lil Ġakobb jersaq lejn is-sodda ta’ missieru. U r-raġel xwejjaħ messu, għannqu u anke biesu bil-ferħ, billi kien hekk sodisfatt u kuntent bil-platt imħawwar tajjeb li kien ġieblu Ġakobb. Wara li xamm, bi pjaċir kbir, ir-riħa fina tal-ilbiesi tiegħu Iżakk għajjat: “Ara riħet ibni, bir-riħa ta’ għalqa mbierka mill-Mulej!” (Ġen 27,27). Din l-għalqa mimlija, li r-riħa tagħha saħħret il-qalb tal-missier mhix ħaġ’oħra ħlief il-fwieħa u l-merti ta’ Marija, li hi l-għalqa għanja bil-grazzji, fejn Alla l-Missier żera’ lil Ibnu l-Waħdieni, bħaż-żerriegħa tal-qamħ tal-magħżulin. Kemm togħġob lil Ġesu’ Kristu, il-Missier tad-dinja, li għad trid tiġi, it-tarbija tfuħ bil-fwieħa ħelwa ta’ Marija! Kemm tingħaqad Miegħu malajr u perfettament! Aħna dan kollu diġa’ wrejnih fit-tul.

212. Aktar, meta l-Verġni Mbierka tkun qassmet il-favuri tagħha fuq uliedha u fuq il-qaddejja fidili tagħha, meta tkun ukoll qalgħetilhom il-barka tal-Missier tas-Sema u għaqqdithom ma’ Ġesu’ Kristu – hi tippreservahom f’Ġesu’ Kristu, u Ġesu’ Kristu fihom; Hi tipproteġihom u kontinwament tgħasses fuqhom li ma jmorrux jitilfu l-grazzja t’Alla, u jaqgħu fin-nases tal-għedewwa tagħhom: “Hi żżomm il-qaddisin fil-milja tagħhom” (San Bonaventura). Hi tgħinhom, bħalma diġa’ għidna, li jipperseveraw sal-aħħar. Hekk mela, hi t-tifsira ta’ din it-tixbiha kbira u antika, tal-predestinazzjoni u tal-ħżunija, li hi ftit wisq magħrufa, u hekk mimlija bil-misteru.