5.5 Din id-Devozzjoni tmexxina malajr għall-Għaqda m’Alla *** 5.5.1 Din id-Devozzjoni hija triq ħafifa (Para. 152-154)

Jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib. — San Alwiġi Maria De Montford

27750806_1971135603206187_1948910802928435686_n152. Il-ħames mottiv hu li din id-devozzjoni hija t-triq ħafifa, qasira, perfetta u żgura li twassal għall-għaqda m’Alla li hi l-Perfezzjoni Nisranija.

1. Hi triq ħafifa. Hi t-triq li fassal Ġesu’ biex ġie għandna, u li fiha m’hemm ebda ostaklu li jfixkilna biex naslu Għandu. L-għaqda m’Alla, tista’, naturalment tintlaħaq minn toroq oħra; imma din tkun biss b’ħafna slaleb, xi mwiet strambi, u b’diffikultajiet wisq ikbar li aħna nirbħu biss bi tbatija kbira. Ikollna ngħaddu minn iljieli mudlama tar-ruħ, minn taqbid tal-biża’ u minn agunija terribli, ikollna nixxabbtu ma’ muntanji skabrużi, nimxu minn ġo għollieq li jqatta’, u minn deżerti nifxin li jbeżżgħu. Waqt li, bit-triq ta’ Marija, aħna nimxu ‘l quddiem aktar bil-ħlewwa u bil-paċi. Ibqgħu ċerti, li hemm kumbattimenti ħorox u diffikultajiet kbar jistennewna f’din it-triq. Imma din is-Sinjura u Omm twajba toqgħod hekk fil-qrib u preżenti mal-qaddejja fidili tagħha, biex iddawwalhom fid-dlam u d-dubji tagħhom, biex issaħħaħhom fil-mumenti tal-biża’ u biex twiżinhom fil-kumbattimenti u d-diffikultajiet tagħhom, illi tassew din it-triq verġinali li twassal għand Ġesu’ Kristu, hi meta nipparagunawha ma’ oħrajn, it-triq tal-ward u l-għasel. Hemm xi qaddisin, imma mhux ħafna – Sant Efrem, San Ġwann Damaxxenu, San Bernard, San Bernardinu, San Bonaventura, San Franġisk de Sales u oħrajn – li waslu għand Ġesu’ Kristu permezz ta’ din it-triq ħelwa għaliex l-Ispirtu s-Santu, l-Għarus fidil ta’ Marija, irrivelahielhom bi grazzja singulari. Il-biċċa l-kbira tal-qaddisin, madankollu, ma daħlux f’din it-triq, jew daħlu għal ftit, għalkemm kull wieħed minnhom kellu devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Għalhekk, huma ġarrbu aktar provi u tentazzjonijiet ħorox u perikolużi.

153. Kif inhu dan – xi veri devoti tal-Madonna jistaqsuni – li l-qaddejja fidili ta’ din l-Omm Twajba, jiltaqgħu ma’ tant okkażjonijiet ta’ tbatija u fil-fatt isofru aktar minn dawk li huma anqas devoti lejha? Huma jkunu mgiddba, ippersegwetati, ikkalunjati, meqjusa bħala nies insuppurtabbli jew jimxu fid-dlamijiet tar-ruħ u f’deżerti fejn m’hemm l-ebda sinjal ta’ ħniena. Jekk din id-devozzjoni tħaffef it-triq li twassal għand Ġesu’ Kristu, għaliex dawk li jagħżluha huma l-aktar immaqdra?

154. Jien inwieġeb: “Ladarba l-qaddejja fidili ta’ Marija huma l-favoriti speċjali tagħha, hu tassew minnu li jirċievu minn għandha l-akbar numru ta’ grazzji u benefiċċji mis-sema – li huma s-slaleb. Imma jiena nsostni li l-qaddejja ta’ Marija, jerfgħu dawn is-slaleb b’ħeffa, mertu u glorja akbar minn tal-oħrajn. Dak li jġiegħel lill-ieħor jitfixkel elf darba, jew li jitfgħu mal-art, ma jfixkilx il-mixja tagħhom bl-ebda mod. Anzi bil-maqlub, hu jgħinnhom javanzaw, għaliex din l-Omm Twajba mimlija bil-grazzja u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu, tagħmel dawn is-slaleb kollha li tfassal għalihom ħelwin biz-zokkor tal-ħlewwa tagħha materna, u bil-balzmu tal-imħabba safja tagħha. Għalhekk huma jgħożżu dawn is-slaleb u jaċċettawhom bil-ferħ, bħal meta tarbija tibla’ l-pillola biz-zokkor u ma tirrealizzax li fiha nfisha kienet ħażina u morra. U jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib, l-istess bħalma persuna ma tistax tieħu mingħajr dwejjaq u stmerrija l-pilloli li ma kinux miksija biz-zokkor biex ikollhom tomgħa tajba.

5.5.2 Din id-Devozzjoni hija triq qasira (Para. 155-156)

Bl-għajnuna, it-tweżin u t-tmexxija ta’ Marija aħna ma naqgħux jew induru lura jew għallanqas nitħassbu, iżda b’passi ta’ ġgant, u malajr aħna mmorru ‘l quddiem għand Ġesu’ Kristu, bl-istess triq li minnha għadda Hu nnifsu, biex jiġi għandna. — San Alwiġi Maria De Montford

Landing_Mary155. 2. Din id-devozzjoni lejn il-Madonna hi triq qasira biex issib lil Ġesu’ Kristu, kemm għaliex fiha ma nintilfux, u għaliex, kif għadni kemm għedt, aħna nimxu fiha b’aktar ferħ u ħeffa, u għalhekk b’aktar prontezza. Nimxu aktar ‘il quddiem fi żmien qasir ta’ sottomissjoni u dipendenza minn Marija milli nagħmlu fi snin sħaħ ta’ smigħ ir-rieda tagħna, u fiduċja fuq l-forzi tagħna, għaliex il-bniedem ubbidjenti u sottomess lejn Marija għad ikanta vittorji li hu rebaħ fuq l-għedewwa tiegħu. Għedewwa bħal dawn għad iqumu, tassew, biex ifixkluwna fil-progress tagħna biex iġegħeluna nerġgħu lura jew iwaqqgħuna. Imma bl-għajnuna, it-tweżin u t-tmexxija ta’ Marija aħna ma naqgħux jew induru lura jew għallanqas nitħassbu, iżda b’passi ta’ ġgant, u malajr aħna mmorru ‘l quddiem għand Ġesu’ Kristu, bl-istess triq li minnha għadda Hu nnifsu, biex jiġi għandna.

156. Għaliex, taħsbu intom li Ġesu’ Kristu, li kellu żmien hekk qasir li jgħix fid-dinja, għażel li kważi l-ħajja kollha tiegħu fuq l-art igħaddiha fis-sottomissjoni u l-ubbidjenza lejn Ommu? Kien għaliex, billi kien magħmul perfett f’qasir żmien, Hu jimla żmien twil – itwal mis-snin ta’ Adam li kien ġie biex isewwi l-ħtija tiegħu, minkejja li Adam għex għal aktar minn disa’ mitt sena, Ġesu’ Kristu għex żmien twil għaliex kien hu dejjem kienet perfettament ubbidjenti lejn Ommu l-Imqaddsa u maqgħud perfettament magħha b’ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla l-Missier. Għaliex

(1) dak li jagħti ġieh ‘l ommu, igħid l-Ispirtu s-Santu, hu bħal dak li jaħżen teżor kbir. Fi kliem ieħor, min jagħti ġieh lil Marija Ommu, billi jasal biex jissottometti ruħu għaliha u jobdiha f’kollox, malajr isir sinjur ħafna: għaliex hu jkun igeddes teżor ta’ kuljum skont is-sigriet mogħti lilna minn din il-filosofija.

(2) Għax skont interpretazzjoni mistika ta’ dal-kliem tal-Ispirtu s-Santu “Ix-xjuħija tiegħi hija fil-ħniena tal-ġuf, huwa fil-ġuf ta’ Marija, dak il-ġuf hu li sawwar u għamel bniedem perfett, u kien kapaċi jżommu, dak li d-dinja kollha ma tifhmux u lanqas tesgħu – illi ż-żgħar fl-eta’ jsiru bħal dawk illi ż-żmien jimmatura fid-dawl, fil-qdusija u fl-għerf u jilħqu f’qasir żmien il-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu.”

5.5.3 Din id-Devozzjoni hija triq perfetta (Para. 157-158)

Hu permezz ta’ Marija li aħna ż-żgħar irridu niltilgħu perfettament u b’mod divin, u mingħajr biża’ għand l-Aktar Għoli. — San Alwiġi Maria De Montford

yhst-64434495321414_2060_1994978157. 3. Marija, hi l-aktar perfetta u l-aktar qaddisa fost il-ħlejjaq; u Ġesu’ Kristu li ġie fostna b’manjiera perfetta m’għażilx triq oħra ħlief dik ta’ Marija għall-miġja setgħana u tal-għaġeb Tiegħu. Mela din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa, hija triq perfetta biex naslu għand Ġesu’ Kristu u ningħaqdu Miegħu. L-Iktar Għoli, Dak li ħadd ma jista’ jifhmu, Dak li ħadd ma jista’ jersaq Lejh, Dak li Hu, ried li jiġi fostna, dud insinifikanti tal-art. Kif ġara dan? Permezz ta’ Marija. L-aktar Għoli, niżel perfettament u b’mod divin fostna, mingħajr ma naqqas id-Divinita’ Tiegħu u l-Qdusija Tiegħu. U hu permezz ta’ Marija li aħna ż-żgħar irridu niltilgħu perfettament u b’mod divin, u mingħajr biża’ għand l-Aktar Għoli:

Dak li ħadd ma jista’ jifhmu ppermetta lilu nnifsu li jkun mifhum u miżmum perfettament minn Marija, mingħajr ma tilef xejn mill-immensita’ Tiegħu; u hekk ukoll li permezz ta’ din il-Verġni umli li aħna għandna nħallu ruħna nkunu miżmuma u mmexxijin perfettament u mingħajr riserva. Dak li ħadd ma jista’ jersaq lejh, ġie ħdejna u għaqqad lilu nnifsu mill-qrib perfettament u anke personalment ma’ l-umanita’ tagħna, permezz ta’ Marija, mingħajr ma tilef xejn mill-Maesta’ Divina Tiegħu. Hu wkoll permezz ta’ Marija li aħna nistgħu nersqu lejn Alla u ngħaqqdu lilna nfusna mill-qrib u perfettament mal-Maesta’ Divina Tiegħu, mingħajr biża’ li niġu mkeċċija. Fl-aħħarnett, Dak li Hu, ried jiġi għand dak li mhux, u jġiegħel dak li mhux, isir Alla, jew Dak li Hu; u Hu għamel dan perfettament billi ta lilu nnifsu u ssottometta ruħu għal kollox għall-Verġni umli Marija, mingħajr ma jieqaf li jibqa’ fil-kwadru taż-żmien, Dak li Hu mill-eternita’. Hekk ukoll għalkemm m’aħna xejn, permezz ta’ Marija nistgħu nsiru bħal Alla, bil-grazzja u l-glorja, billi nagħtu lilna nfusna lilha hekk perfettament u għal kollox, li nsiru xejn għalina nfusna, imma kollox fiha, mingħajr ebda biża’, li mixjin ħażin.

158. Ħalli xi ħadd joffrili triq oħra għal għand Ġesu’ Kristu. Ħalli dik it-triq tkun miksija bil-merti kollha tal-qaddisin u mżejna bil-virtujiet erojċi tagħhom, u tiddi u sabiħa bid-dija u s-sbuħija tal-Anġli, u ħalli l-Anġli u l-Qaddisin kollha jimxi fiha biex imexxu, jiddefendu u jwieżnu lil dawk kollha li jagħżlu din it-triq. Fil-verita’, jien għandi l-kuraġġ ngħid li jien aktar nagħżel it-triq Immakulata ta’ Marija milli din it-triq li hi hekk perfetta.

Posui Immaculatam viam meam: triq safja u bla tebgħa, mingħajr dnub tan-nisel jew attwali, mingħajr l-ebda dell jew dlam, u meta fil-milja taż-żmien is-Sinjur Tagħna, fil-glorja tiegħu jerġa’ jiġi t-tieni darba fid-dinja biex iħabbar is-saltna tiegħu, Hu ma jagħżilx triq oħra ħlief dik ta’ Marija tas-sema, li permezz tagħha wettaq l-ewwel miġja tiegħu, b’mod l-aktar żgur u perfett. Id-differenza bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu hi li l-ewwel waħda kienet sigrieta u moħbija waqt li t-tieni waħda tkun glorjuża u trijonfanti; imma t-tieni waħda tkun perfetta daqs l-ewwel għaliex tiġi mwettqa permezz ta’ Marija. Hawnhekk hawn misteru li ħadd ma jifhem: Hic taceat omis lingua.

5.5.4 Din id-Devozzjoni hija triq żgura (Para. 159-168)

Hi karrateristika tal-Madonna li tmexxina fis-sikurezza lejn Ġesu’ Kristu bħalma hi prijorita’ ta’ Ġesu’ Kristu li jwassalna qawwijin u sħaħ għand il-Missier Etern. Erwieħ spiritwali m’għandhomx jiġu mqarrqin billi jaħsbu li Marija tkun ta’ tfixkil tagħhom għall-għaqda m’Alla. — San Alwiġi Maria De Montford

1212guadelupe-day159. 4. Din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi triq żgura biex naslu għand Ġesu’ Kristu u li nsiru perfetti billi ningħaqdu Miegħu:

1. Dan hu hekk, l-ewwelnett, għaliex din il-prattika li qed nirrikmanda mhi bl-ebda mod ġdida. Hi tassew hekk qadima li skont Father Boudon, li kiteb ktieb fuq din id-devozzjoni, mhux possibli li tagħti data eżatta ta’ meta bdiet. Imma żgur li aħna nsibu sinjali ta’ din id-devozzjoni fil-Knisja, ‘il fuq minn l-aħħar seba’ mitt sena. Saint Odilon, Abbati ta’ Cluny (fl-1040) kien wieħed minn tal-ewwel li pprattika din id-devozzjoni pubblikament fi Franza, kif inhu nnutat fl-istorja ta’ ħajtu.

Il-Kardinal Peter Damien jirrakkonta li fl-1036, ħuh, il-Beatu Marino għamel lilu nnifsu l-ilsir ta’ Marija quddiem id-direttur tiegħu. Hu għamel dan b’mod l-aktar edifikanti, billi poġġa ħabel madwar għonqu, għamel id-dixxiplina u poġġa somma flus fuq l-altar bħala sinjal tad-devozzjoni u l-konsagrazzjoni tiegħu lil din il-Verġni Mbierka. Hu kompla din id-devozzjoni hekk fedelment matul ħajtu, illi waqt mewtu, hu mmerita li jkollu żjara u jkun mfarraġ mis-Sinjura twajba Tiegħu li jisma’ minn xofftejha l-wegħda tal-Ġenna, bħala premju tal-qadi tiegħu.

Caesarius Bollandus isemmi Kavallier famuż Vautier de Birbak, li madwar is-sena 1500, għamel din il-konsagrazzjoni tiegħu nnifsu lill-Verġni Mbierka. Din id-devozzjoni kienet ipprattikata minn ħafna nies privatament sas-sbatax-il Seklu, meta saret pubblika.

160. Patri Simon de Roias tal-Ordni tat-Trinita’, anke magħruf bħala tal-Ordni tal-Ħelsien tal-ilsiera, li kien il-predikatur tal-qorti ta’ Filippu Tlieta, xerred ħafna din id-devozzjoni fi Spanja u l-Ġermanja u fuq talba ta’ Filippu Tlieta, qala’ ħafna ndulġenzi mingħand il-Papa Gregorju XV għal dawk kollha li jagħmluha.

Patri de Los-Rois tal-Ordni ta’ Santu Wistin, ingħaqad mal-ħabib intimu tiegħu, Patri de Roias biex ixxerred din id-devozzjoni bil-kitba u l-predikazzjoni tiegħu fi Spanja u l-Ġermanja. Hu kiteb biċċa xogħol kbira msejħa Hierarchia Mariana, li fiha hu jittratta bi qdusija kbira u b’għerf kbir il-qedem, l-eċċellenza u sodezza ta’ din id-devozzjoni ta’ Marija. Fis-Sbattax-il Seklu, il-Patrijiet waqfu din id-devozzjoni fl-Italja, fi Sqallija u fis-Savoja.

161. Filwaqt li Patri Stanislaus Phalicius, tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’, daħħalha sewwa fil-Polonja. Patri de Los Rios, fix-xogħol li għalih irreferejna iktar ‘il fuq, jagħti lista’ ta’ prinċpijiet, prinċipessi, duki u kardinali minn saltniet differenti li ħaddnu din il-prattika tal-vera devozzjoni. Patri Cornelius a Lapide, raġel imsemmi għall-virtu’ daqskemm hu msemmi għall-istudju profond tiegħu, kellu kummissjoni minn ħafna isqfijiet u teoloġi biex jgħarbel din id-devozzjoni. Wara li kkonsidra bir-reqqa l-materja kollha, hu faħħarha bi kliem ispirat mill-qdusija tiegħu. Ħafna oħra, kbarat tat-teoloġija mxew fuq l-eżempju tiegħu, billi faħħruha. Il-Patrijiet Ġiżwiti, dejjem żelanti fis-servizzi tal-Verġni Mbierka, ippreżentaw lid-Duka Ferdinandu tal-Bavarja, f’isem is-Sodalisti ta’ Cologne, trattat żgħir fuq din id-devozzjoni. Id-Duka – li kien l-Arċisqof ta’ Colonge – approvaha u ħallieha tiġi stampata, u eżorta lill-qassisin u lir-reliġjużi tal-Arċidjoċesi tiegħu biex jagħmlu kull mezz ħalli jxerrdu din id-devozzjoni qaddisa.

162. Il-Kardinal de Berulle, li l-memorja tiegħu għadha tinħass bħal barka fuq Franza kollha, kien wieħed mill-aktar żelanti, biex ikabbarha mal-art kollha, minkejja l-kalunji u l-persekuzzjonijiet tal-kritiċi u tal-libertini. Huma akkużawh bis-superstizzjoni u t-tibdil; huma kitbu u ppublikaw ktieb biex imaqdruh u użaw – jew aħjar ix-xitan permezz tagħhom uża – elf nassa biex ifixkel it-tixrid ta’ din id-devozzjoni fi Franza. Imma dan il-bniedem, kbir u qaddis laqa’ l-kalunji tagħhom bis-sabar u għall-oġġezzjonijiet kollha li ġabu fil-ktieb tagħhom hu wieġeb b’biċċa xogħol żgħira li biha hu rebaħ l-oġġezzjonijiet tagħhom kollha billi wera li din id-devozzjoni hi mwaqqfa fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, fuq l-obbligazzjonijiet li għandna lejh, u fuq il-wegħdiet li aħna għamilna fil-magħmudija mqaddsa. Kien speċjalment b’dan l-argument tal-aħħar li hu sikket il-kritiċi tiegħu billi wriehom illi din il-konsagrazzjoni lil Marija u lil Ġesu’ Kristu mhix ħlief tiġdid perfett tal-Magħmudija. Fil-kitba tiegħu, hu jgħid ħafna affarijiet sbieħ fuq din id-devozzjoni.

163. Fil-ktieb ta’ Father Boudon jinsabu l-ismijiet ta’ Papiet differenti li approvaw din id-devozzjoni u tat-teoloġi li studjawha; hemm ukoll rakkont tal-persekuzzjonijiet li ġabbret u rebħet, u tal-eluf li ħaddnuha – imma l-ebda kelma ta’ kundanna minn xi wieħed mill-Papiet, għaliex tassew kundanna bħal din ma setgħetx tingħata mingħajr ma kienet tfarrak l-istess pedamenti tal-Kristjaneżmu. Hi mela ħaġa ċerta li din id-devozzjoni mhix ġdida; u jekk mhix popolari, dan l-għaliex din hi wisq prezzjuża biex tkun maħbuba u mħaddna minn kulħadd addoċċ.

164. 2. Fit-tieni lok, din id-devozzjoni hi triq żgura biex nersqu fejn is-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu l-għaliex hi karrateristika tal-Madonna li tmexxina fis-sikurezza lejn Ġesu’ Kristu bħalma hi prijorita’ ta’ Ġesu’ Kristu li jwassalna qawwijin u sħaħ għand il-Missier Etern. Erwieħ spiritwali m’għandhomx jiġu mqarrqin billi jaħsbu li Marija tkun ta’ tfixkil tagħhom għall-għaqda m’Alla. Għaliex kif jista’ wieħed jissopponi li dik li għall-umanita’ b’mod ġenerali u għal kull ruħ b’mod individwali sabet grazzja quddiem Alla, tista’ tkun ta’ tfixkil għar-ruħ li tkun qed tfittex il-grazzja kbira tal-għaqda ma’ Ġesu’ Kristu? Kif jista’ jkun li dik li fiha l-grazzja kbira hija soprabbundanti u li hi hekk maqgħuda m’Alla u ttransfurmata fih u li hu tħajjar li jieħu l-ġisem fiha, tfixkel lil ruħ milli tilħaq għaqda perfetta m’Alla? Ir-relazzjonijiet tagħna ta’ nies oħra jistgħu verament ikunu ta’ tfixkil għall-għaqda tagħna m’Alla, kienu qaddisa kemm kienu dawn in-nies. Imma fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Marija dan mhux hekk bħalma diġa għedt u nibqa’ nirrepeti mingħajr ma’ nixba’. Waħda mir-raġunijiet għaliex hekk ftit jaslu għall-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu, hi għaliex Marija li dejjem tibqa’ bħalma dejjem kienet, l-Omm tal-Iben l-Għarusa fertili tal-Ispirtu s-Santu, għadha mhix magħrufa biżżejjed fil-qlub tal-bnedmin. Għalxejn wieħed jistenna frott misjur u bnin jekk ma jkollux is-siġra li tagħmlu. U l-istess kull min jixtieq li jkollu l-frott tal-ħajja, Ġesu’ Kristu, jeħtieġ ikollu s-siġra tal-ħajja li hi Marija; u kull min jixtieq li jkollu ġo fih il-preżenza li taħdem tal-Ispirtu s-Santu, jeħtieġ ikollu l-għarusa fidila u li qatt ma tinfired minnu, Marija tas-sema, li permezz tagħha Hu jaħdem fina.

165. Ħalli mela naċċertaw ruħna minn dan: aktar ma nħarsu lejn Marija – jekk mhux b’direzzjoni speċifika tal-ħsibijiet tagħna, għallinqas b’intenzjoni u attitudni ġenerali – fit-talb, fil-meditazzjoni, fl-azzjonijiet u t-tbatijiet tagħna, aktar insibu ‘ l Ġesu’ Kristu perfettament, li hu dejjem ma’ Marija, kbir, setgħani, li jaħdem u li ħadd ma jista’ jifhem. Hekk Marija hi totalment maqgħuda m’Alla bħallkieku mitlufa f’Alla; u għalhekk mhux talli mhix ta tfixkil għal dawk li jfittxu l-perfezzjoni fl-għaqda m’Alla, imma qatt ma kien hemm, u lanqas qatt ikun hemm kreatura oħra li tgħinna hekk tajjeb, biex nilħqu dan l-għan kbir. Hi tagħmel dan permezz tal-grazzji li tagħtina għal dan il-għan – għaliex igħid wieħed qaddis, għax ħadd mhu mimli bil-ħsieb t’Alla ħlief permezz ta’ Marija – Nemo cogitatione Dei repletur nisi per te. U anke bil-kura hi dejjem tieħu biex tħarisna mill-falsita’ u l-qerq tax-xitan.

166. Fejn hemm Marija, l-ispirtu ta’ ħażen ma jistax joqgħod; u wieħed mis-sinjali li ma jiżbaljawx illi bniedem ikun qed jiġi mmexxi minn spirtu tajjeb, hu d-devozzjoni kbira tiegħu lejn din l-Omm Twajba, billi jaħseb spiss fiha u spiss jitkellem fuqha. Qaddis qal dan – li bħalma n-nifs hu sinjal ċar li l-ġisem mhux mejjet, hekk ukoll hu l-ħsieb spiss u l-invokazzjoni ta’ mħabba lejn Marija, sinjal ċar li r-ruħ mhix ‘il bogħod minn Alla bid-dnub.

167. Għalkemm il-kritiċi jistgħu jgħidu l-akkużi tagħhom, jibqa’ fatt li devot fidil ta’ Marija qatt ma jaqa’ fl-ereżija jew fl-iżball, għallinqas ta’ kwalita’ formali, għaliex kif tgħid il-Knisja mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, Marija biss saħqet l-ereżija kollha: Sola cunctas haereses interemisti in universo mundo. Dawn id-devoti fidili jistgħu verament jaqgħu fl-iżball materjali billi jħalltu l-falsita’ mal-verita’ u l-ispirtu ħażin mat-tajjeb – imma dawn inqas jistgħu jagħmlu dan minn oħrajn. Kmieni jew tard huma jgħarfu l-iżball tagħhom u l-iżball materjali tagħhom, u meta jagħrfuh huma ma jwebbsux rashom biex iżommu ma’ dak li jkun deherilhom verita’.

168. Jekk mela xi ħadd jixtieq jimxi ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni u jasal qawwi u sħiħ perfettament għand Ġesu’ Kristu, u fl-istess ħin jiskappa dak il-biża’ ta’ qerq li ġeneralment iħossu nies ta’ talb, ħalli dal-bniedem iħaddan bil-qalb – qalb kbira u fehma sħiħa (2 Mak 1,3) – din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka, devozzjoni li forsi s’issa qatt ma kien jaf biha. Ħalli jidħol f’din it-triq eċċellenti li ma kienx jaf biha, u li jien se nurih: Jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll (1 Kor 12,31). Hija triq imfassla minn Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat, ir-Ras waħdanija tagħna. Meta juża dik it-triq il-membru ta’ Kristu ma jintilifx. Hi triq ħafifa minħabba l-milja tal-grazzja, u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu li jagħniha, aħna ma ngħajjewx u lanqas nerġgħu lura jekk nimxu ma’ dit-triq. Hi triq qasira, li f’qasir żmien teħodna għand Ġesu’ Kristu. Hi triq perfetta fejn m’hemmx tajn, trab u lanqas l-iċken ħjiel tad-dnub. Fl-aħħarnett hi triq żgura li twassalna għand Ġesu’ Kristu u fil-ħajja ta’ dejjem, b’mod dritt u sod, mingħajr tgħawwiġ lejn il-lemin jew ix-xellug.

Ejjew mela niħdlu fiha u nimxu magħha lejl u nhar biex tkun tista’ twassalna għall-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu.