3 KAPITLU – L-Għażla tad-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka (Para. 90-91)

Hu meħtieġ li nagħmlu l-għażla propja tad-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka, għaliex hemm forom foloz ta’ din id-devozzjoni, li malajr tibdilhom, u taħsibhom devozzjonijiet ġenwini, u spiritwali. Billi x-xitan hu qarrieq tas-sengħa, u ta’ esperjenza u jivvinta l-falsita’, diġa’ qarraq u nganna ħafna erwieħ b’xi devozzjoni falza – anke b’devozzjoni falza lejn il-Verġni Mbierka. — San Alwiġi Maria De Montford

kk201602040703

90. Fid-dawl ta’ dawn il-ħames veritajiet, issa jsir aktar meħtieġ minn qatt qabel, li aħna nagħmlu l-għażla propja tad-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka, għaliex hemm forom foloz ta’ din id-devozzjoni, li malajr tibdilhom, u taħsibhom devozzjonijiet ġenwini, u spiritwali. Billi x-xitan hu qarrieq tas-sengħa, u ta’ esperjenza u jivvinta l-falsita’, diġa’ qarraq u nganna ħafna erwieħ b’xi devozzjoni falza – anke b’devozzjoni falza lejn il-Verġni Mbierka.

Jum wara l-ieħor hu juża ħażin l-esperjenza djabolika tiegħu, biex jindanna ħafna erwieħ oħra, billi jħanninhom f’sigurta’ falza fid-dnub tagħhom, bil-pretest ta’ ftit talb, magħmul ħażin u xi devozzjonijiet ta’ barra li hu jispirahom jagħmlu. Wieħed li jagħmel il-flus foloz, ġeneralment jiffalsifika biss deheb u fidda, u wisq fil-bogħod metalli oħra li anqas jiswew, li ma jiswewx ix-xogħol li jieħu; hekk ukoll id-demonju, spiss ma jagħtix kas tad-devozzjonijiet l-oħra, biex jiffalsifika dawk lejn Ġesu’ u Marija, devozzjoni lejn l-Imqaddes Sagrament u lejn il-Madonna – għaliex dawn iż-żewġ devozzjonijiet huma fost devozzjonijiet oħra, dak li d-deheb u l-fidda huma għall-metalli l-oħra.

91. Mill-bidu, għalhekk, hu tajjeb li tkun taf liema huma d-devozzjonijiet foloz lejn il-Verġni Mbierka biex inkunu nistgħu naħarbuhom; u liema hi d-devozzjoni vera, biex inkunu nistgħu nipprattikawha. Imbagħad, fost ħafna devozzjonijiet veri lejn il-Madonna, jien nispjega aktar fit-tul fit-tieni taqsima fil-ktieb.

Liema hi d-devozzjoni l-aktar perfetta, l-aktar li togħġob lil Marija, l-aktar glorjuża f’għajnejn Alla, u li l-aktar li tqaddisna, biex aħna nkunu nistgħu nħaddnuha u nikkoltivawha?

3.1 Il-karatteristiċi ta’ devozzjoni falza u tad-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka *** 3.1.1 Devozzjonijiet foloz (Para. 92)

Il-vera devozzjoni lejn Marija hi diżinteressata, jiġifieri hi tispira lir-ruħ, biex tfittex mhuxlilha nfisha imma ‘l Alla waħdu, f’Ommu l-għażiża… Iżda emm huma skarsi dawn id-devoti llum! — San Alwiġi Maria De Montford

15259253_592903327576516_7474924579214826271_o (1)92. Jien insib li hemm seba’ kwalitajiet ta’ nies li jqimu lill-Verġni Mbierka u ta’ devozzjoni falza lejha:

1. Dawk li jqimuha billi jikkritikaw;
2. Dawk li jqimuha bil-biża’;
3. Dawk li jqimuha minn barra;
4. Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni;
5. Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom;
6. Dawk li jippretendu li jqimuha;
7. Dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom.

3.1.1.1 Dawk li jqimuha bil-kritika (Para. 93)

Nies foloz bħal dawn, li jgħidu li jqimu lill-Madonna, imma huma suppervi u tad-dinja, huma ta’ min jibża’ minnhom ħafna; huma jagħmlu ħsara bla qies, lid-devozzjoni tal-Madonna, u jbiegħdu n-nies minnha b’mod ta’ min jistmerru; bl-iskuża li se jirranġaw l-abbużi, li daħlu fihom. — San Alwiġi Maria De Montford

sorrows193. Dawk li jqimuha bil-kritika, il-biċċa kbira huma studjużi mkabbrin mis-suppervja tal-idea, li huma ma jonqoshom xejn, li l-għerf iġib miegħu. Fil-qiegħ, huma għandhom tassew xi devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka; imma huma jikkritikaw l-iżjed dawk id-devozzjonijiet ta’ tjieba li bihom in-nies ta’ fidi sempliċi, li jonoraw lill-Madonna, u huma jqisu dawn id-devozzjonijiet qarrieqa, sempliċiment għax ma jaqblux mal-idea ta’ moħħhom. Huma juru l-attitudni ta’ min ma jemminx, lejn il-mirakli u l-għeġubijiet miktubin minn awturi, ta’ min jorbot fuqhom, jew meħuda mir-reġistri tal-Ordnijiet Reliġjużi, mirakli u għeġubijiet li jixhdu l-ħniena u s-setgħa tal-Imqaddsa Verġni. Hu b’rogħda ta’ superjorita’, li huwa jħarsu lejn nies umli għarkubbtejhom quddiem l-altar jew statwa tal-Madonna fejn huma jdumu jitolbu ‘l Alla.

Dawn l-ispirti ta’ kritika anke jakkużaw lil dawn in-nies b’idolatrija, bħallikieku dawn kienu jaduraw l-injam jew il-ġebel! Min-naħa tagħhom dawn il-kritiċi jgħidu li dawn id-devozzjonijiet ta’ barra ma jinżlulhomx, u nkwantu għall-mirakli u l-għeġubijiet tal-Verġni Mbirka, żgur li nies tal-intelliġenza tagħhom, ħadd ma jistennihom jaċċettawhom bħala awtentiċi. U meta lil dawk il-kritiċi jfakkruhom fit-tifħir li jiddi, li s-Santi Padri għamlu fuq Marija, huma jopponu billi jgħidu li dawn huma biss eseġerazzjonijiet tar-rettorika jew inkella jinterpretawhom b’mod kollu falz. Nies foloz bħal dawn, li jqimu lill-Madonna, suppervi u tad-dinja huma ta’ min jibża’ minnhom ħafna; huma jagħmlu ħsara bla qies, lid-devozzjoni tal-Madonna, u jbiegħdu n-nies minnha b’mod ta’ min jistmerru; bl-iskuża li se jirranġaw bl-abbużi, li daħlu fihom.

3.1.1.2 Dawk li jqimuha bil-biża’ (Para. 94-95)

Il-Knisja, flimkien mal-Ispirtu s-Santu l-ewwel bierket lil Marija u mbagħad lil Ġesu’ Kristu. “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’” Kienet tkun ereżija kbira li tifhem din bħallikieku l-Madonna hija iktar importanti minn Ġesu’ Kristu, jew ugwali miegħu. It-tifsir tagħhom hu, li biex inbierku ‘l Ġesu’ Kristu iktar perfettament, irridu nibdew billi nbierku ‘l Ommu. — San Alwiġi Maria De Montford

1528660_800529433297338_827512646_n94. Dawk li jqimuha bil-biża’, huma dawk li jibżgħu li meta nonoraw lill-Madonna jiddiżonoraw lil Binha; meta jgħollu l-Marija jnaqqsu mill-qima lejn Ġesu’. Ma jistgħux jaqblu, li għandna nagħtu lil Marija tifħir ġustifikat bil-kbir – tifħir meħud mill-fomm tas-Santi Padri stess. Hu b’ċertu dwejjaq, li jaraw aktar nies għarkubbtejhom quddiem l-altar tal-Madonna milli quddiem l-altar tas-Sagrament, bħallikieku altar qiegħed f’kompetizzjoni ma’ ieħor u bħallikieku, dawk li qed jitolbu lill-Madonna m’humiex jitolbu lil Ġesu’ permezz tagħha! Jiddispjaċihom li din is-Sultana sublimi, tingħatalha prominenza hekk kbira u li daqshekk talb hu indirizzat lilha.

Dawn huma ftit mis-sentimenti li jesprimu: X’jiswew daqshekk Rużarji, daqshekk Konfraternijiet, u daqshekk devozzjonijiet minn barra lejn il-Verġni Mbierka? Hemm ħafna injoranza (ikomplu huma) f’dan kollu! Jirridikulaw ir-reliġjon. Ħallini nisma’ biss b’dawk li huma devoti lejn Ġesu’ Kristu – (imma hawn ħalli l-awtur jinterrompihom biex jgħid li dawn il-kritiċi, jużaw l-Isem Imqaddes ħafna drabi mingħajr ma jikxfu jew ibaxxu rashom) għand Ġesu’ għandna mmorru li hu l-Medjatur waħdieni tagħna, lil Ġesu’ Kristu għandna nippritkaw, għax dan hu l-qofol tad-devozzjoni vera!

Hemm ċertu sens ta’ verita’ f’dak kollu li qalu; imma huma jiżbaljaw fl-applikazzjoni li jagħmlulu, u biha jsibu l-ġustifikazzjoni tagħhom biex jiskoraġixxu d-devozzjoni tal-Madonna. Mela l-attitudni tagħhom hi perikoluża u mhix ħlief nassa fina tad-demonju – bl-iskuża ta’ ġid wisq akbar. Kristu qatt ma hu daqshekk onorat, daqs meta aħna nonoraw lill-Imqaddsa Ommu, ladarba Marija biex aktar nkunu nistgħu nonoraw lil Ġesu’ Kristu aktar perfettament. Aħna mmorru għand Marija, bħala triq li twassalna dritt għand Ġesu’ – l-Għan Divin tal-vjaġġ tagħna.

95. Il-Knisja, flimkien mal-Ispirtu s-Santu l-ewwel bierket lil Marija u mbagħad lil Ġesu’ Kristu. “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’” Kienet tkun ereżija kbira li tifhem din bħallikieku l-Madonna hija iktar importanti minn Ġesu’ Kristu, jew ugwali miegħu. It-tifsir tagħhom hu, li biex inbierku ‘l Ġesu’ Kristu iktar perfettament, irridu nibdew billi nbierku ‘l Ommu. Għaldaqstant kontra d-devoti foloz u l-iskrupli, ejjew ngħidu mad-devoti vera kollha ta’ Marija: “O Marija, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesu’”.

3.1.1.3 Dawk li jqimuha minn barra (Para. 96)

Dawn jgħidu ħafna posti fir-Rużarju bil-għaġġla, jisimgħu ħafna quddies mingħajr attenzjoni, imorru wara purċissjonijiet mingħajr ebda ħsieb, u jidħlu f’ħafna fratellanzi – imma dan kollu mingħajr ma jtejbu ħajjithom, mingħajr ma jrażżnu l-passjonijiet tagħhom, u mingħajr ebda ħsieb li jimitaw il-virtujiet tal-Madonna. — San Alwiġi Maria De Montford

Capture1296. Dawk li jqimuha minn barra biss huma dawk li d-devozzjoni kollha tagħhom lejn il-Madonna, tikkonsisti f’dawk l-atti li jidhru minn barra. Huma jiggustaw id-devozzjoni ta’ barra biss lejn il-Madonna għaliex m’għandhomx spirtu interjuri.

Għalhekk, huma jgħidu ħafna posti fir-Rużarju bil-għaġġla, jisimgħu ħafna quddies mingħajr attenzjoni, imorru wara purċissjonijiet mingħajr ebda ħsieb, u jidħlu f’ħafna fratellanzi – imma dan kollu mingħajr ma jtejbu ħajjithom, mingħajr ma jrażżnu l-passjonijiet tagħhom, u mingħajr ebda ħsieb li jimitaw il-virtujiet tal-Madonna. Huma jfittxu biss sentimenti ta’ pjeta’ fid-devozzjoni tagħhom, u ma jafux x’hemm ta’ valur fiha.

U meta dawn is-sentimenti komdi ta’ pjeta’ ma jħossuhomx, malajr jaħsbu li dak li qed jagħmlu hu kollu għalxejn, jinkwetaw jew iħallu d-devozzjonijiet li kienu jagħmlu għal kollox, jew jagħmluhom biss meta jogħġobhom. Hemm ħafna minn dawk li jqimuha biss minn barra u huma, li huma l-akbar kritiċi akkaniti ta’ dawk in-nies mogħtijin għat-talb, li billi jgħidu li hi d-dispożizzjoni interjuri l-essenzjali tat-talb, huma dejjem attenti li josservaw dik il-moderazzjoni ta’ dekor ta’ barra, li jiġu dejjem mad-devozzjoni vera.

3.1.1.4 Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni (Para. 97-100)

Dawk li jqimu lil Madonna bil-preżunzjoni huma midinba mitluqin għall-passjoniijiet tagħhom, inkella mgħaddsin fil-vizzju u fil-ġibdiet tad-dinja, li taħt l-isem sabiħ ta’ Nsara u ta’ devoti ta’ Marija jgħattu s-suppervja, ix-xeħħa, l-impurita’, is-sokor, il-korla, id-dagħa, il-kalunja u l-inġustizzja tagħhom eċċ… B’paċi u sigurta’ qarrieqa, ikomplu fid-drawwiet ħżiena tagħhom u ma jagħmlu ebda sforz kbir biex jikkoerġuhom. — San Alwiġi Maria De Montford

112madon97. Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni huma midinba mitluqin għall-passjoniijiet tagħhom, inkella mgħaddsin fil-vizzju u fil-ġibdiet tad-dinja, li taħt l-isem sabiħ ta’ Nsara u ta’ devoti ta’ Marija jgħattu s-suppervja, ix-xeħħa, l-impurita’, is-sokor, il-korla, id-dagħa, il-kalunja u l-inġustizzja tagħhom eċċ… B’paċi u sigurta’ qarrieqa, ikomplu fid-drawwiet ħżiena tagħhom u ma jagħmlu ebda sforz kbir biex jikkoerġuhom; u huma jassiguraw ruħhom bil-ħsieb li huma devoti tal-Madonna u li Alla jaħfrilhom, u li ma jmutux mingħajr qrar u li jsalvaw – għaliex? Għaliex jgħidu r-Rużarju, għax jagħmlu l-astinenza nhar ta’ Sibt, għax miktubin fil-Konfraternitajiet tar-Rużarju, tal-Labtu u ta’ xi Għaqda tal-Madonna, għax jilbsu l-labtu żgħir, jew il-katina tal-Verġni Mbierka u nkomplu hekk.

Meta tgħidilhom li d-devozzjoni tagħhom hi biss illużjoni tax-xitan, u preżunzjoni perikuluża li tista’ twassalhom għad-dannazzjoni, huma ma jemmnux. Anzi huma jwieġbu li Alla hu twajjeb u ħanin; li hu ma ħalaqniex biex jindannana, u li m’hemm ebda bniedem mingħajr dnub; u li huma m’humiex se jmutu mingħajr ma jqerru; illi l-istqarrija tad-dnub hi tajba u biżżejjed waqt il-pont tal-mewt; u li huma devoti ta’ Marija, li huma jilbsu l-labtu u bis-sempliċita’ u bl-umilta’ huma qatt ma jħallu li jgħidu seba’ Pater u seba’ Ave Marijiet f’ġieh il-Madonna; u li xi darba jgħidu wkoll ir-Rużarju u jaqraw l-Uffizzju tal-Verġni Mbierka; u li jsumu eċċ.. U biex isaħħu dak li jgħidu u biex aktar jitfgħu trab f’għajnejhom, huma jirreferu għal xi rakkont li semgħu jew qraw fil-kotba – jekk il-fatt hux awtentiku jew le ftit jimpurtahom – kif nies li kienu qed imutu fid-dnub il-mejjet, u mingħajr qrar, huma ħelsuha tajjeb, għaliex qalu xi talb, matul ħajjithom, jew inkella kienu jipprattikaw xi devozzjonijiet f’ġieh il-Madonna; kif kienu rxuxtati għall-ħajja, biex ikunu jistgħu jqerru; kif ruħhom baqgħet mirakolożament f’ġisimhom sa ma wasal il-qassis; jew inkella, kif bil-ħniena tal-Madonna huma qalgħu mingħand Alla, il-grazzja ta’ ndiema perfetta, u l-maħfra ta’ dnubietna fil-pont tal-mewt u salvaw għal dejjem. F’dan kollu huma jwaħħlu t-tama tagħhom.

98. M’hemm xejn li hu daqshekk ta’ stmerrija fil-Kristjaneżmu bħal dik il-preżunzjoni djabolika. Għaliex kif jista’ bniedem jgħid li hu tassew iħobb u jagħti ġieh lill-Verġni Mbierka, meta bi dnubietu hu jinfed, isallab, idejjaq bla ħniena lil Ġesu’ Binha? Li kieku Marija kienet soltu tuża l-ħniena tagħha biex issalva nies bħal dawn, hi kienet tkun tinkoraġġixxi l-vizzju u kienet tkun tgħin biex issallab u tinkwieta lil Binha. X’dawgħa tkun li tissopponi li dan hu minnu!

99. Jien ngħid li tabbuża b’dan il-mod mid-devozzjoni tal-Madonna – li wara d-devozzjoni lejn is-Sinjur tagħna fis-Santissmu Sagrament, hi l-iktar devozzjoni qaddisa u soda – tkun ħati ta’ sagrileġġ hekk kbir, li wara tqarbina ħażina, hu l-aktar sagrileġġ kbir u li ma jinħafirx. Naturalment, biex inkunu tassew devoti tal-Madonna mhux assolutament meħtieġ li nkunu hekk qaddisin li nevitaw id-dnubiet kollha – għalkemm din hi ħaġa li għandna nixtiquha. Madankollu – u ifhmu sewwa dak li ngħid – aħna għandna għallinqas:

L-ewwel: niddeċiedu sinċerament li ma nagħmlu l-ebda dnub mejjet li hu insult kontra l-Omm, kif ukoll kontra l-Iben.

It-tieni: nagħmlu ħilitna kollha biex ma nagħmlux dnub.

It-tielet: nidħlu b’konfraternitajiet, ngħidu r-Rużarju u talb ieħor, insumu s-Sibtijiet u nagħmlu devozzjonijiet oħra għal dawn.

100. Dan kollu jgħin ħafna għall-konverżjoni tal-midneb anke għall-midneb li ilu ħafna fid-dnub; u jekk dak li qed jaqra hu wieħed minn dawn, b’siequ waħda diġa’ fl-abbissi tal-infern, jiena nagħtih parir jagħmel dawn il-ħwejjeġ prattiċi, imma biss bil-kundizzjoni li l-intenzjoni tiegħu, filwaqt li jwettaq dawn l-għemejjel tajba, tkun li jaqla’ mingħand Alla, bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, il-grazzja tal-indiema u l-maħfra ta’dnubietu, flimkien mal-qawwa biex jirbaħ id-drawwiet ħżiena tiegħu, u mhux biex ikompli bil-kwiet fil-ħajja midinba tiegħu, mingħajr ma jagħti kas tal-vuċi tal-kuxjenza, tal-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu u tal-Qaddisin u l-massmi tal-Vanġelu.

3.1.1.5 Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom (Para. 101)

Fil-fatt dan jbiddlu bħall-qamar – u għalhekk Marija tpoġġihom mal-qamar taħt riġlejha. Huma li jbiddlu ma jistħoqqilhomx li jkunu magħduda mal-qaddejja ta’ din il-Verġni dejjem kostanti u fidila, għaliex is-sinjali tal-qaddejja tagħna huma l-qawwa u l-fedelta’. — San Alwiġi Maria De Montford

nossa-senhora-gracas101. Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom huma dawk li huma devoti lejn il-Madonna kultant, issa jkunu mħeġġin u issa berdin; issa ssibhom lesti li jagħmlu kollox biex jaqduha, u ftit wara, dawn ix-xewqat sbieħ kollha ssibhom għabu. Huma jibdew billi jagħmlu d-devozzjonijiet kollha lejn il-Madonna, jinkitbu fil-konfraternitajiet kollha imma ma josserrvawx ir-regoli sewwa; fil-fatt huma jbiddlu bħall-qamar – u għalhekk Marija tpoġġihom mal-qamar taħt riġlejha. Huma li jbiddlu ma jistħoqqilhomx li jkunu magħduda mal-qaddejja ta’ din il-Verġni dejjem kostanti u fidila, għaliex is-sinjali tal-qaddejja tagħna huma l-qawwa u l-fedelta’. Kien ikun aħjar għal dawn dawn id-devoti li m’humiex kostanti li jindaħlu għal inqas talb u devozzjonijiet, u jagħżlu ftit minnhom u jagħmlulhom bil-fedelta’ u bl-imħabba, minkejja d-dinja, il-ġisem u d-demonju.

3.1.1.6 Dawk li jippretendu li jqimuha (Para. 102)

Dawn huma dawk li fl-għajnejn tal-bnedmin jidhru dak li m’humiex. — San Alwiġi Maria De Montford

cropped-1.jpg102. Dawn huma dawk li jippretendu li għandhom devozzjoni lejn il-Madonna billi jgħattu dnubiethom u drawwiet ħżiena tagħhom taħt il-mant tal-Verġni l-aktar fidila, biex fl-għajnejn tal-bnedmin jidhru dak li m’humiex.

3.1.1.7 Dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom (Para. 103-104)

Hemm dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom, u li jirrikorru lejn il-Madonna biex tgħinnhom biss, biex jirbħu xi kawża, biex jiskansaw minn xi periklu, biex ifiequ minn xi marda, jew għal xi raġuni oħra bħal dawn, u li meta ma jkun hemm xejn minn dan, jinjorawha għal kollox. Dawn m’humiex devoti sinċieri u m’għandhomx post la ma’ Alla u lanqas ma’ Ommu l-għażiża. — San Alwiġi Maria De Montford

photo103. Fl-aħħar niġu għal dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom, u li jirrikorru lejn il-Madonna biex tgħinnhom biss, biex jirbħu xi kawża, biex jiskansaw minn xi periklu, biex ifiequ minn xi marda, jew għal xi raġuni oħra bħal dawn, u li meta ma jkun hemm xejn minn dan, jinjorawha għal kollox. Dawn m’humiex devoti sinċieri u m’għandhomx post la ma’ Alla u lanqas ma’ Ommu l-għażiża.

104. Ejjew noqgħodu attenti mela li ma nkunux magħdudin mal-kritiċi li ma jemmnu b’xejn u jikkritikaw kollox; jew mal-beżżiegħa li jibżgħu jkunu devoti ħafna ta’ Marija għax jibżgħu li jonqsu lil Ġesu’; jew fost dawk li jqimuha minn barra biss li d-devozzjoni tagħhom kollha tikkonsisti minn devozzjonijiet li jidhru minn barra biss; jew fost il-prużuntużi, li bl-iskuża ta’ devozzjoni falza lejn il-Madonna jgħumu fid-dnub; jew fost dawk li m’humiex kostanti li jduru frivolożament minn devozzjoni għall-oħra, jew iħalluhom mal-iċken tentazzjoni; jew ma’ dawk li jippretendu li jqimuha u jinkitbu ma’ ħafna fratellanzi tal-Madonna, biex jidhru li huma nies tajba, u fl-aħħarnett ma’ dawk li jfittxu l-interessi tagħhom, li jirrikorru biss għand il-Verġni Marija biex ikunu meħlusin minn xi mard tal-ġisem jew biex jaqilgħu benefiċċji temporali.

3.1.2 Il-Karatteristiċi tal-Vera Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka (Para. 105)

Il-kwalitajiet tal-Vera Devozzjoni lejn il-Madonna huma li hi: Interjuri; Delikata; Qaddisa; Kostanti; Mingħajr interessi. — San Alwiġi Maria De Montford

Capture6

 

105. Wara li kxifna u kkundannajna d-devozzjonijiet foloz lejn il-Madonna issa rridu ngħidu xi ħaġa fuq il-vera forma. Il-kwalitajiet tagħha huma li hi :
(1) Interjuri;
(2) Delikata;
(3) Qaddisa;
(4) Kostanti;
(5) Mingħajr interessi.

3.1.2.1 Il-Vera Devozzjoni hi interjuri (Para. 106)

Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hi interjuri, jiġifieri tiġi mill-moħħ u mill-qalb, mill-idea għolja li ffurmajna tal-kobor tagħha u mill-imħabba li għandna lejha. — San Alwiġi Maria De Montford

bf67d54b1f4b49c7dbb0a5f92376129a

 

106. Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hi interjuri, jiġifieri tiġi mill-moħħ u mill-qalb. Il-bidu tagħha hu r-rispett li għandna lejn il-Verġni Mbierka, mill-idea għolja li ffurmajna tal-kobor tagħha u mill-imħabba li għandna lejha.

3.1.2.2 Il-Vera Devozzjoni hi delikata (Para. 107)

Aħna nduru lejn Marija fid-dwejjaq kollha tagħna tal-ġisem u tar-ruħ, għaliex m’għandha ebda biża’ li se ndejqu lil din l-Omm Twajba, u ma nogħġbux lil Ġesu’. — San Alwiġi Maria De Montford

a0afb19e-3a59-4648-92c9-4a15131b64c5-MaryJesus400107. Hija delikata, jiġifieri mimlija bil-fiduċja fil-Verġni Mbierka, bħal fiduċja li għandha tarbija f’ommha. Iġġegħelna nersqu lejha, fil-bżonnijiet kollha tagħna, tal-ġisem u tar-ruħ, u dan nagħmluh b’sempliċita’, b’fiduċja u bi ħlewwa kbira.

Aħna nħarsu lejn din l-Omm Twajba fil-ħtiġijiet kollha tagħna, dejjem u fiċ-ċikustanzi kollha,
fid-dubbji tagħna biex inkunu mdawlin;
fit-telfien tagħna biex inkunu nistgħu niġu mmexxija fit-triq id-dritta;
fit-tiġrib tagħna biex inkunu megħjunin;
fil-personalita’ tagħna biex inkunu msaħħin;
fil-qtigħ il-qalb tagħna, biex inkunu nkoraġġiti,
fl-iskrupli tagħna biex inkunu ikkwetati u żgurati;
u fis-slaleb, provi u taħbit tal-ħajja tagħna, biex inkunu mfarrġa.

Fl-aħħarnett aħna nduru lejn Marija fid-dwejjaq kollha tagħna tal-ġisem u tar-ruħ, għaliex m’għandha ebda biża’ li se ndejqu lil din l-Omm Twajba, u ma nogħġbux lil Ġesu’.

3.1.2.3 Il-Vera Devozzjoni hi qaddisa (Para. 108)

Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hija qaddisa, jiġifieri tmexxina biex naħarbu d-dnub u nimitawha, speċjalment fl-għaxar virtujiet prinċipali tagħha. — San Alwiġi Maria De Montford

8414391645_8b2b885309_z

108. Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hija qaddisa, jiġifieri tmexxina biex naħarbu d-dnub u nimitawha, speċjalment fl-għaxar virtujiet prinċipali tagħha:

l-umilta’ profonda tagħha,
il-fidi ħajja tagħha,
l-ubbidjenza għamja tagħha,
it-talb bla jaqta’ tagħha,
il-mortifikazzjoni tagħha f’kollox,
is-safa bla paragun tagħha,
il-karita’ mħeġġa tagħha,
il-paċenzja erojka tagħha,
il-ħlewwa anġelika tagħha
u l-għerf divin tagħha.

3.1.2.4 Il-Vera Devozzjoni hi kostant (Para. 109)

Bniedem li hu veru devot tal-Madonna: ma jbiddilx, ma jgħixx skont l-aptit, mhux skrupluż jew beżżiegħi. — San Alwiġi Maria De Montford

bc76ca75f070012e9a147b96395cd96e109. Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hi kostanti. Hi ssaħħaħna fil-għemil it-tajjeb u ma tħalliniex, biex għal ħaġa ta’ xejn inħallu d-drawwiet tad-devozzjoni; tgaħtina l-kuraġġ biex nieqfu lid-dinja u biex niċħdu l-modi u l-għerf ta’ din id-dinja; tagħmilna kapaċi niġġieldu mal-ġisem bil-passjonijiet u l-ġibdiet ħżiena tiegħu, u x-xitan bit-tentazzjoni tiegħu. Bħala riżultat, bniedem li hu veru devot tal-Madonna:
ma jbiddilx,
ma jgħixx skont l-aptit,
mhux skrupluż jew beżżiegħi.

Naturalment, mhux li bniedem bħal dan qatt ma jaqa’ jew ivarja fis-sentimenti ta; devozzjoni, imma jekk jaqa’, iqum billi jaqbad l-id tal-Omm twajba tiegħu; u jekk iħoss li d-devozzjonijiet tiegħu huma xotti u mingħajr ħeġġa, ma jitħawwadx. Għaliex id-devot veru u fidil ta’ Marija jgħix bil-fidi ta’ Ġesu’ u ta’ Marija u mhux bit-tqanqil u s-sentimenti naturali.

3.1.2.5 Il-Vera Devozzjoni hi diżinteressata (Para. 110-114)

Għadna, għalhekk li aħna nħobb u naqdu lil Marija bl-istess fedelta’ f’mumenti ta’ nixfa spiritwali, kif ukoll meta nduqu l-ħlewwa tal-fervur imqanqal. Inħobbuha bl-istess ħerqa fuq l-Kalvarju kif ukoll inħobbuha fit-tieġ ta’ Kana.. — San Alwiġi Maria De Montford

1947287110. Fl-aħħarnett il-vera devozzjoni hi diżinteressata, jiġifieri hi li tispira lir-ruħ, biex tfittex mhux lilha nfisha imma ‘l Alla waħdu, f’Ommu l-għażiża. Il-veru devot ta’ Marija ma jaqdix lil din is-Sultana sublimi bil-ħsieb li jaqla’ jew għall-interess tiegħu nnifsu; lanqas bil-ħsieb li jakkwista xi ġid temporali tal-ġisem u lanqas tar-ruħ, imma jaqdiha biss għaliex jistħoqqilha li tkun moqdija, u Alla biss ikun moqdi meta naqdu lilha. Aħna ma nħobbux lill-Madonna speċifikament għal dak li naqilgħu jew nittamaw li naqilgħu minn għandha, imma aħna nħobbuha għax hi ta’ min iħobbha. Hu għalhekk li aħna nħobbuha u naqduha bl-istess fedelta’ f’mumenti ta’ nixfa spiritwali, kif ukoll meta nduqu l-ħlewwa tal-fervur imqanqal. Inħobbuha bl-istess ħerqa fuq l-Kalvarju kif ukoll inħobbuha fit-tieġ ta’ Kana.

Kemm jogħġob u kemm hu prezzjuż dak id-devot ta’ Marija li ma jfittex bl-ebda mod lilu nnifsu fil-qadi li jagħtiha! Iżda kemm huma skarsi dawn id-devoti llum! Biex nirrimedja għal din l-iskarsezza, jien qed nikteb dak li għallimt fil-beraħ u fil-privat matul il-ħafna snin tal-missjoni tiegħi.

111. Jiena diġa’ għidt ħafna fuq il-Madonna, iżda għad baqagħli iżjed x’ngħid. Bla dubju se nħalli ħafna iżjed barra jew mill-injoranza tiegħi inkella għax m’għandix żmien. Iżda dak kollu li diġa’ għidt u li għad ngħid hu kollu dirett għall-pjan tiegħi, li nifforma veru devot ta’ Marija u veru dixxiplu ta’ Ġesu’ Kristu.

112. Kemm ikun imħallas bl-abbundanza it-taħbit tiegħi, jekk xi ruħ magħżula – imwielda minn Alla u Marija u mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, lanqas mir-rieda ta’ bniedem – tiltaqa’ ma’ dal-ktieb u hu jsir il-mezz li bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, ikun imnebbaħ u japprezza r-rikkezzi tal-vera donazzjoni soda lejn il-Madonna, li jien dalwaqt niddiskrivi. Li kieku ħsibt li d-demm tiegħi midneb, kien iservi biex iqanqal xi qlub għal dawn il-veritajiet li qed nikteb b’ġieh l-għażiża Ommi u Sinjura setgħana, għalkemm naf li jien l-iċken fost l-ulied u l-ilsiera tagħha, jien kont nikteb dan kollu bil-ferħ b’demmi stess, biex infisser it-tama li għandi li nsib xi erwieħ nobbli, li bil-fedelta’ tagħhom lejn din il-prattika li qed ngħallem, ipattu lill-għażiża Ommi u Sinjura tiegħi, għat-telfiet li ġarrbet minħabba l-ingratitudni u l-infedeltajiet tiegħi.

113. Aktar minn qatt qabel, jien mimli b’fidi ħajja u tama soda fuq dak li jien ktibt fil-fond ta’ qalbi u li għalih tlabt lil Alla għal ħafna snin: jiġifieri li kmieni jew tard, il-Verġni Mqaddsa jkollha aktar ulied, qaddejja u ilsiera tal-imħabba, milli qatt kellha u li permezz ta’ dan, Ġesu’ Kristu, l-Imgħallem, Sidi l-għażiż tiegħi, isaltan aktar perfettament minn qabel fil-qlub tal-bnedmin.

114. Jien qed nara ċar minn issa li għad jiġu annimali feroċi, jirtogħdu bir-rabja, għad iqumu biex iqattgħu dan il-ktejjeb bis-snien imxajtna tagħhom u lil dak li bih inqeda l-Ispirtu s-Santu biex jiktbu, jew għall-inqas biex jidfnuh fid-dlam u s-sikta ta’ xi senduq biex qatt ma jidher aktar u jintesa. (din il-profezija seħħet tassew – ara l-Introduzzjoni) Huma jaħbtu u jippersegwitaw ukoll lil dawk li jaqrawh u jipprattikawh. Iżda x’jimporta? Anzi dan ikun ta’ ġid! Din id-dehra tinkuraġġini u ġġigħelni nittama suċċess kbir – għaliex leġjun kbir ta’ suldati qalbiena u ta’ ħila ta’ Ġesu’ u Marija, irġiel u nisa lesti, biex jiġġieldu kontra d-dinja, ix-xitan u n-natura mħassra tal-bniedem fiż-żminijiet li ġejjin meta l-periklu ikun wisq akbar. “Ħa jifhem min jaqra … Min jista’ jifhem, jifhem.” (Mt 24, 15; 19,12).

3.2 Il-Prattiki tad-Devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka *** 3.2.1 Il-prattiki interjuri w esterjuri (Para. 115-117)

Insibu ġabra kbira ta’ devozzjonijiet li l-qaddisin għamlu lill-Madonna. Dawn igħinu ħafna biex iqaddsu l-erwieħ jekk ikunu magħmulin b’mod sewwa: b’intenzjoni retta u sinċiera li nogħoġbu biss ‘l Alla, li ningħaqdu ma’ Ġesu’ Kristu l-Aħħar Tmiem tagħna u li nedifikaw lill-proxxmu tagħna; b’attenzjoni, mingħajr distrazzjonijiet voluntarji; b’devozzjoni, billi nevitaw l-għaġġla u t-traskuraġini u bil-modestja li tedifika u b’reverenza minn barra. — San Alwiġi Maria De Montford

115. Huma diversi d-drawwiet interjuri tal-vera devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa. F’li ġej se ngħidu fil-qosor fuq l-punti ewlenin:
(1) Li tagħti ġieh lil Marija bħala Omm xierqa t’Alla, bil-qima tal-Iperdulija, jiġifieri li tagħtiha qima u tikkunsidraha fuq il-qaddisin kollha, bħala l-kapulavur tal-grazzja, li għandha l-aqwa post ħdejn Ġesu’ Kristu, veru Alla u veru bniedem;
(2) li nimmeditaw fuq il-virtujiet, il-privileġġi u l-egħmejjel tagħha;
(3) nikkontemplaw l-kobor tagħha;
(4) nagħmlulha atti ta’ mħabba, ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr;
(5) nitolbu b’ħerqa kbira l-interċessjoni tagħha;
(6) noffru lilna nfusna lilha u ningħaqdu magħha;
(7) nagħmlu għemejjel bl-iskop li nogħġbuha;
(8) li nibdew, inkomplu u nispiċċaw dak kollu li nagħmlu permezz tagħha, fiha, magħha u għaliha biex inkunu nistgħu nagħmluhom permezz ta’ Ġesu’ Kristu, ma’ Kristu, u għal Kristu, it-Tmiem ta’ kollox tagħna. Aktar ‘il quddiem infissru din l-aħħar prattika.

116. Il-Vera devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka għandha wkoll ħafna prattiċi esterjuri u l-aqwa fosthom huma:
(1) li tidħol fil-fratellanzi u l-għaqdiet tagħha;
(2) li tidħol f’xi Ordni Reliġjuż jew Kongregazzjoni mwaqqfa taħt il-patroċinju Tagħha;
(3) li xxandar it-tifħir Tagħha;
(4) li tagħmel karita’, issum jew tagħmel xi mortifikazzjoni tar-ruħ u tal-ġisem għall-qima tagħha;
(5) li jkollok fuqek il-kuruna tar-Rużarju u tilbes il-labtu jew katina tagħha;
(6) li tgħid bl-attenzjoni, bid-devozzjoni u bl-umilta’ r-Rużarju Mqaddes, li jikkonsisti fi ħmistax-il posta (illum nafu li b’kollox hemm għoxrin posta) ta’ Ave Marijiet f’ġieh il-Misteri prinċipali ta’ Ġesu’ Kristu, jew għallinqas tgħid ħames posti.
Nistgħu nagħżlu l-ħames posti tal-Ferħ:
it-tħabbira ta’ l-Anġlu;
il-Viżitazzjoni;
it-Twelid tas-Sinjur Tagħna;
il-Purifikazzjoni
u s-Sejba tat-Tfajjel Ġesu’ fit-Tempju.

(Jew inkella nistgħu nimmeditaw fir-Rużarju l-ħames Misteri tad-Dawl:
il-Magħmudija;
l-Ewwel Sinjal fit-tieġ ta’ Kana;
ix-Xandir tal-Kelma u s-sejħa għall-Indiema;
il-Bidla Glorjuża fuq it-Tabor;
it-Twaqqif tas-Sagrament tal-Ewkaristija u s-Saċerdozju.)

Jew inkella nistgħu nimmeditaw fir-Rużarju l-ħames Misteri tat-Tbatija:
l-Agunija;
il-Flaġellazzjoni mal-kolonna;
l-Inkurunazzjoni bix-Xewk;
il-Ġarr tas-Salib
u l-Kruċifissjoni.

Fl-aħħar nistgħu nagħżlu l-ħames misteri tal-Glorja:
il-Qawmien mill-imwiet;
it-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesu’;
il-Miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli;
it-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna bir-Ruħ u l-Ġisem
u l-Inkurunazzjoni tal-Madonna mit-Trinita’ Qaddisa.

Nistgħu wkoll ngħidu:
sitta jew seba’ posti f’ġieh is-sittin jew sebgħin sena li jaħsbu li l-Madonna damet id-dinja,
jew il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mbierka li tikkonsisti fi tliet Missierna u tnax-il Sliema f’ġieh il-kuruna tagħha ta’ tnax-il kewkba jew privileġġi;
jew l-Uffizzju tal-Verġni Mbierka, li hu aċċettat u rreċitat mill-Knisja;
jew is-Salterju ż-Żgħir – “The Little Psalter” tal-Verġni Mbierka, li għamel San Bonaventura b’qima lejha u li jnebbaħ tant delikatezza u devozzjoni, li impossibli li ma jqanqlikx;
jew erbatax-il Missierna u Sliema f’ġieh l-erbatax-il ferħa tagħha jew talb ieħor,
innijiet u kantiċi tal-Knisja – skont iż-żmien liturġiku
– bħas-Salve Reġina, Alma Redemptoris Mater, Regina Coeli,

71b88c8d8eed5d13bbe0f6c48bf3d1cbkif ukoll innjiet u talb ġenerali bħal:
Ave Maris Stella,
O Gloriosa Domina
jew il-Magnificat,
jew prattiki oħra ta’ devozzjoni li nsibu fil-kotba tat-talb tagħha;
(7) li nkantaw innijiet spirtwali ad unur tagħha;
(8) li tagħmel ċertu numru ta’ ġenuflessjonijiet u inkini waqt li tgħid xi ġakulatorja b’qima lejha,
per eżempju kull filgħodu; nistgħu nirripetu ħafna drabi – Ave Marija, Virgo Fidelis – biex naqilgħu bl-interċessjoni tagħha l-grazzja li nkunu fidili għall-grazzji li Alla jagħtina matul il-jum; u kull filgħaxija Sliem għalik Marija Omm il-Ħniena, biex nitolbu l-maħfra ta’ Alla bl-interċessjoni tagħha għad-dnubiet li nkunu għamilna mal-ġurnata;
(9) li nieħdu sehem attiv fil-fratellanzi tagħha, inżejnu l-altari u ninkurunaw u nżejnu l-istatwi tagħha;
(10) li nġorru x-xbieha tagħha fil-purċissjonijiet u anki nilbsu l-medalji tagħha bħala ħarsien kontra l-ħażen;
(11) li nagħmlu statwi u plakki b’isimha fil-knejjes, fid-djar, fid-daħla tal-bliet, fil-knejjes u fil-bini;
(12) li nikkonsagraw ruħna lilha b’mod speċjali u solenni.

117. Hemm ħafna modi oħra ta’ vera devozzjoni lejn il-Madonna li bihom l-Ispirtu s-Santu nebbaħ lill-erwieħ qaddisa u li verament iqaddsu. F’“Le Paradis ouvert a Philagie” ta’ Father Paul Barry tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’, insibu ġabra kbira ta’ devozzjonijiet li l-qaddisin għamlu lill-Madonna. Dawn id-devozzjonijiet igħinu ħafna biex iqaddsu l-erwieħ jekk ikunu magħmulin b’mod sewwa:
(1) b’intenzjoni retta u sinċiera li nogħoġbu biss ‘l Alla, li ningħaqdu ma’ Ġesu’ Kristu l-Aħħar Tmiem tagħna u li nedifikaw lill-proxxmu tagħna;
(2) b’attenzjoni, mingħajr distrazzjonijiet voluntarji;
(3) b’devozzjoni, billi nevitaw l-għaġġla u t-traskuraġini;
(4) bil-modestja li tedifika u b’reverenza minn barra.

3.2.2 L-għażla tal-prattika perfetta (Para. 118-119)

Dak li jgħix f’din id-devozzjoni fi stat permanenti, hu dak biss li l-ispirtu ta’ Ġesu’ jirrivelalu dan is-sigriet – ir-ruħ tassew fidila li l-Ispirtu stess imexxi għaliha, biex ikun jista’ jgħaddi ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, minn grazzja għal oħra, minn dawl għall-ieħor, sa ma jiġi trasformat f’Ġesu’ Kristu sal-milja ta’ ħajtu fuq l-art u l-glorja tiegħu fis-sema. — San Alwiġi Maria De Montford

1947287118. Imma meta għidt dan kollu, jien bil-qawwa kollha insostni – wara li qrajt kważi l-kotba kollha li jitħaddtu fuq din id-devozzjoni, u wara li tħadditt familjarment fuqha ma’ ħafna studjużi u nies qaddisin taż-żmienna – jien qatt ma sibt jew tgħallimt b’xi devozzjoni lejn il-Madonna bħal din li dalwaqt ngħidilkom għaliex id-devozzjoni li se nirrkmanda:
hija waħda li titlob mir-ruħ aktar sagrifiċċji għal Alla;
li aktar tneżża’ lir-ruħ effettivament minna nfisha u mill-imħabba tagħha nfisha;
li aktar iżżomm lir-ruħ fedelment fil-grazzja, u l-grazzja fir-ruħ;
li tgħaqqad lir-ruħ aktar perfettament u b’aktar ħeffa ma’ Ġesu’ Kristu;
u fl-aħħarnett li aktar tagħti glorja lil Alla, iktar tqaddes lir-ruħ, iktar ta’ għajnuna għall-proxxmu.

119. Billi din id-devozzjoni essenzjalment tikkonsisti fid-disposizzjoni interjuri li hi għandha toħloq, ma tiġix mifhuma minn kulħadd xorta. X’uħud – il-parti l-kbira – ma jifhmux ħlief l-aspett ta’ barra ta’ din id-devozzjoni; waqt li xi ftit, jidħlu fil-verita’ profonda tagħha, imma biss sal-ewwel stadju tagħha. Min jitla’ sat-tieni? U min jirnexxilu jilħaq it-tielet? Fl-aħħarnett min hu dak li jgħix fiha bħala fi stat permanenti? Dak biss li l-ispirtu ta’ Ġesu’ jirrivelalu dan is-sigriet – ir-ruħ tassew fidila li l-Ispirtu stess imexxi għaliha, biex ikun jista’ jgħaddi ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, minn grazzja għal oħra, minn dawl għall-ieħor, sa ma jiġi trasformat f’Ġesu’ Kristu sal-milja ta’ ħajtu fuq l-art u l-glorja tiegħu fis-sema.