1.2.2.3.2 L-Appostli tal-aħħar żminijiet (Para. 55-59)

Dawk li jkunu laqgħu lil Marija bħala Ommhom, jitgħallmu li hi t-triq l-aktar żgura, ħafifa, dritta u perfetta li twassal għand Ġesu’ Kristu, u b’din il-konvinzzjoni huma jagħtu lilhom infushom b’ruħhom u ġisimhom lilha, biex b’hekk u bl-istess mod ikunu ta’ Ġesu’ Kristu. — San Alwiġi Maria De Montford

OLRosary_wp55. Fl-aħħarnett, Alla jixtieq li issa iktar minn qabel, Ommu l-Imqaddsa għandha tkun aktar magħrufa, u aktar maħbuba u mweġġħa bil-ħeġġa. Dan żgur li jiġri jekk l-ippredestinati jaddottaw bil-grazzja u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu l-prattika interjuri u perfetta tad-devozzjoni lejn Marija li jien se niddeskrivi f’dan il-ktieb. Huma jħarsu lejn din il-Kewkba tal-Baħar, jarawha hekk ċara daqs kemm tħallihom il-Fidi, u bid-dawl werrej tagħha huma jaslu fil-port imqaddes tal-mistrieħ etern minkejja t-tempesti u l-perikli tal-baħar. Huma jitgħallmu jagħrfu l-kobor ta’ din is-Sultana u jikkonsagraw ruħhom kollha għas-servizz tagħha bħas-sudditi u l-ilsiera tal-imħabba tagħha. Huma jduqu l-ħlewwa u t-tjubija tagħha ta’ omm, u jħobbuha ħafna bħal uliedha l-għeżież. Billi jagħrfu l-bżonn kbir tal-għajnuna tagħha, huma jduru lejha f’kull ħaġa, bħal avukata u medjatriċi għażiża ma’ Kristu, u mbagħad żgur li jaraw kemm hi kbira l-ħniena tagħha. Jitgħallmu li hi t-triq l-aktar żgura, ħafifa, dritta u perfetta li twassal għand Ġesu’ Kristu, u b’din il-konvinzzjoni huma jagħtu lilhom infushom b’ruħhom u ġisimhom lilha, biex b’hekk u bl-istess mod ikunu ta’ Ġesu’ Kristu.

56. Iżda x’sinjal ikollhom dawn il-qaddejja, l-ilsiera u l-ulied ta’ Marija? Ikunu nar jaqbad, ministri tal-Mulej, li jixgħelu n-nar tal-imħabba t’Alla fid-dinja. Ikunu qishom vleġeġ qawwija fl-id setgħana tal-Madonna biex jindfu l-għedewwa tagħha.

Ikunu ulied ta’ Levi, imsoffijin tajjeb bin-nar ta’ tribulazzjonijiet kbar u maqgħudin intimitament mAlla. Ikollhom id-deheb tal-imħabba f’qalbhom, l-inċens tat-talb f’moħħhom, u l-mirra tal-mortifikazzjoni f’ġisimhom. Għall-fqar u l-umli huma jkunu l-fwieħa ta’ Ġesu’ Kristu, filwaqt li għas-setgħana, għas-sinjuri u għas-suppervi huma jkunu l-intiena tal-mewt.

57. Huma jkunu bħal sħab tar-ragħad, u bħal sħab jiġri mas-sema mċaqlaq ma’ kull nifs tal-Ispirtu s-Santu. Maħlulin minn kull ħaġa tad-dinja filwaqt li l-ebda ħaġa tad-dinja ma togħġobhom, u ma jagħtu kas ta’ xejn tad-dinja, huma jxerrdu bħax-xita l-Kelma t’Alla u tal-Ħajja ta’ dejjem. Huma jikkumbattu d-dnub, jilmentaw mid-dinja u s-sajjetti tagħhom jolqtu x-xitan u l-ħbieb tiegħu. Bix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma ta’ Alla, huma jinfdu fil-fond, lil dawk kollha li għalihom kienu mibgħutin f’isem Alla u l-ferita tkun jew għall-ħajja nkella għall-mewt.

58. Huma jkunu l-veri Appostli f’dak l-aħħar żmien li lilhom Alla tal-Virtujiet jagħti l-kelma u s-setgħa biex jagħmlu l-mirakli li jisirqu lill-għedewwa tagħhom bil-glorja. Billi ma jkollhom l-ebda xewqa għad-deheb u l-fidda, huma jorqdu f’nofs il-qassisin u l-ekklesjastiċi (S 67, 14). Madankollu huma jkollhom ġwienaħ bħal tal-ħamiem imberflin bil-fidda, biex jistgħu jtiru kull fejn l-Ispirtu s-Santu jsejħilhom imqanqlin mill-intensita’ safja biex ikabbru l-glorja t’Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Fil-postijiet fejn jippridkaw, huma ma jħallux warajhom ħlief id-deheb tal-karita’ li hi l-milja tal-Liġi.

59. Fl-aħħarnett aħna nafu li jkunu veri appostli ta’ Kristu. Jimxu fuq l-eżempju tiegħu ta’ faqar, umilta’, karita’ u l-istmerrija tad-dinja, huma jgħallmu t-triq id-dejqa ta’ Alla bil-verita’ skont il-Vanġelu Mqaddes, u mhux skont il-massimi tad-dinja. Huma ma jagħtu kas tal-ebda bniedem u ma jarawx l-uċuħ tal-persuni, u ma jaħfruhiex u ma jibżgħu minn ebda bniedem, qawwi kemm hu qawwi. Fuq fommhom ikollhom ix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma t’Alla. Fuq spallejhom huma jġorru l-istandard imċappas bid-demm tas-Salib, li huma jżommu b’idhom il-leminija waqt li fix-xellugija jżommu l-kuruna tar-Rużarju. L-ismijiet qaddisa ta’ Ġesu’ u Marija jkunu minquxa f’qalbhom, il-modestja u l-mortifikazzjoni ta’ Kristu fl-imġiba tagħhom kollha.

Hekk mela jkunu n-nies kbar li għad jiġu. Imma l-Madonna tkun magħhom bi kmand t’Alla biex tifrex is-Saltna tiegħu fuq il-ħżiena, l-idolatri u l-Mawmettani. Meta jkun dan u kif sejjer jitwettaq? Alla biss jaf. Sadattant is-sehem tagħna hu li nixtiequ fis-skiet nitolbu, nitniegħdu u nistennew. (S 39,1).