Konsagrazzjoni – JUM 2

Dokument PDF: Jum 2
Dokumeny WORD: Jum 2

JUM 2: Konsagrazzjoni totali lil Ġesu’ permezz ta’ Marija

1GĦAN: Tiżvojta Lilek Innifsek mill-Ispirtu tad-Dinja

Eżamina l-kuxjenza tiegħek, itlob, ipprattika ċ-ċaħda tar-rieda tiegħek; immortifika lilek innifsek u fittex is-safa tal-qalb. Din is-safa hi kundizzjoni indispensabli biex wieħed jikkontempla lil Alla fil-ġenna, biex wieħed jarah f’din id-dinja, u biex wieħed jagħrfu bid-dawl tal-fidi. Fl-ewwel parti tal-preparazzjoni wieħed għandu jirsisti biex jiċħad l-ispirtu tad-dinja li jmur kontra l-Ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu. L-ispirtu tad-dinja jikkonsisti fiċ-ċaħda ta’ Alla bħala l-Ħakkiem fuq kollox u fuq kulħadd; iċ-ċaħda t’Alla li timmanifesta lilha nnifisha fil-pratika tad-dnub u d-diżubbidjenza; għalhekk hu fil-prinċipju tiegħu opposta għall-Ispirtu ta’ Kristu, li hu wkoll dak ta’ Marija.

Timmanifesta ruħha fil-konkupixxenza tal-ġisem, tal-għajnejn u b’ħajja ta’ suppervja, b’diżubbidjenza għal-Liġi t’Alla u bl-abbuż fuq il-ħlejjaq. Il-ħidma tagħha hi: dnub ta’ kull xorta, u dak kollu li juża’ x-xitan biex iwassalna għad-dnub; ħidmiet li jġibu d-dlam f’moħħna u li javvalenaw u jikkorrompu lir-rieda tagħna. Dak li bih tiftaħar hu l-isplendur u s-seħer li juża’ x-xitan biex id-dnub jagħmlu b’tali mod li jattira l-persuni, il-postijiet u l-oġġetti.

QARI

Mattew 5: 48, 6: 1-15

“Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”

Karita’ fil-moħbi
“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

Talb fil-moħbi
“U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu. Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom. Mela itolbu hekk:

Kif titlob. Il-Talba tal-Missierna
‘Missierna, li inti fis-smewwiet,
jitqaddes ismek,
tiġi saltnatek,
ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.
Aħfrilna dnubietna,
bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.
U la ddaħħalniex fit-tiġrib,
iżda eħlisna mid-deni.’

Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.

TALB

Ejja, Spirtu s-Santu (Veni Creator Spiritus)

Spirtu qaddis li ħlaqtna,
ejja lill-moħħ dawlilna,
imla bil-grazzja tiegħek
il-qlub li int ħlaqtilna.

Int l-akbar don ta’ Alla,
li tieqaf dejjem magħna:
għajn, ħajja, nar, imħabba
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int tqassam seba’ doni,
int l-id il-leminija
tal-Missier, minnu mwiegħed,
fik bl-għerf l-ilsna mogħnija.

Ixgħel id-dawl lis-sensi,
kebbes il-qlub bl-imħabba,
u saħħaħ dan ġisimna
mill-mard li fih jitrabba.

Bogħod minna żomm ’il-għadu,
lilna fis-sliem henjin,
mexxina int, biex nibqgħu
mid-deni meħlusin.

Agħmel li nsiru nafu
bik lill-Missier u ’l-Ibnu;
li fik, Spirtu li tqaddes,
bla nieqfu dejjem nemmnu.

Glorja ’l-Missier, lill-Iben
li qam minn bejn l-imwiet,
l-Ispirtu, faraġ tagħna,
għal dejjem fis-smewwiet. Ammen.

Sliem għalik, kewkba tal-baħar (Ave Maris Stella)

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,
omm qaddisa u kbira t’Alla,
dejjem verġni bla mittiefsa,
bieb il-hena u ferħ tas-sema.

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,
ġib id-dawl lill-għomja kollha,
biegħed minna l-ħażen tagħna,
niżżel fuqna l-ġid tas-sema.

Uri li tassew int Ommna.
wassal talbna quddiem Alla,
li fi ħnientu twieled minnek
biex issir għalina bniedem.

Verġni fost kulħadd magħżula,
ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,
itlob ’l ibnek biex jagħtina
maħfra, safa u spirtu ħlejju.

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,
żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,
sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra
ta’ Ġesù għal dejjem miegħek. Ammen.

Magnificat

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.