Uffiċċju 8.4 Marija Omm u Xbieha tal-Knisja

Dokument PDF: Uffiċċju 8.4 Marija Omm u Xbieha tal-Knisja
Dokument WORD: Uffiċċju 8.4 Marija Omm u Xbieha tal-Knisja

Capture (5)

Tnejn fuq Għid il-Ħamsin

Tifkira (O) ta’

MARIJA OMM U XBIEHA TAL-KNISJA

It-titlu tal-Imqaddsa Marija Omm il-Knisja kellu l-bidu tiegħu meta twieled minnha Kristu, ir-Ras tal-Knisja, u hija saret omm il-mifdijin kollha qabel ma’ binha miet fuq is-Salib. Il-beatu Papa Pawlu VI ikkonferma dan it-titlu tagħha solennement fid-diskors li kien għamel lill-Isqfijiet fil-Konċilju Vatikan II fil-21 ta’ Novembru 1964 u ordna li għandha “tingħata dan il-ġieħ billi tissejjaħ b’dan l-isem ħelu li anki llum jintuża mill-poplu nisrani kollu”.

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94

Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Kristu Bin Marija: ejjew nadurawh.

Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.

 

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

Verġni mbierka Omm qaddisa
Omm tal-Iben, bint minn ħalqek,
L-isbaħ, l-ogħla, l-iktar umli fost
il-bnedmin kollha għamlek.

Sa mill-bidu fil-pjan t’Alla
Fik inbeda t-twettiq tiegħu;
Inti l-ġieħ, int l-aqwa fostna
Int ġa m’Alla, f’għaqda miegħu.

Ħlejju, ġej minn nisel għoli
Dak li l-belt bena bil-ħila
Inti bħalu tmantni l-Knisja
B’qawwa kbira, lejh fidila.

Fil-ġuf tiegħek ta’ omm verġni
Nar iħeġġeġ, nar ta’ mħabba
Li bis-sħana tiegħu kabbar
Ward fuq l-art bla xejn imtabba’.

Lill-Missier, lill-Iben glorja
Lill-Ispirtu li ġej minnhom
Li b’imħabba fdaw lill-Knisja
Lil din l-Omm maħtura minnhom. Ammen.

LEZZJONI II

Qari mid-Diskors tal-Beatu Papa Pawlu VI meħud mill-atti tat-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II

Marija Omm il-Knisja

Waqt li nerġgħu naħsbu fuq ir-rabta li hemm bejn Marija u l-Knisja għall-glorja ta’ Marija Verġni u ta’ għajnuna għalina, niddikjarawha Omm il-Knisja, jiġifieri tal-poplu nisrani kollu, kemm tal-fidili kif ukoll tal-Isqfijiet, li jsejħulha omm l-aktar maħbuba; u nordnaw li minn issa ’l quddiem, aktar minn qabel, il-poplu nisrani kollu jagħti ġieħ ikbar lil Omm Alla u jersaq lejha bit-talb tiegħu.

L-aħwa venerabbli, qed nitkellmu dwar titlu li żgur kien magħruf fit-talb tal-insara; anzi l-fidili u l-Knisja kollha tħobb titlob lil Marija bħala Omm. Dan l-isem għandu l-bidu tiegħu fid-devozzjoni vera lejn Marija għaliex hija mibnija b’mod żgur fuq id-dinjità li ġiet mogħtija lil Marija għax hija Omm il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem.

Fil-fatt, kif il-maternità divina hija l-kawża li minħabba fiha Marija għandha relazzjoni tassew waħdanija ma’ Kristu, u hija preżenti fl-opra tal-fidwa tal-bnedmin, imwettqa minn Kristu, hekk ukoll, ir-relazzjoni li teżisti bejn Marija u l-Knisja hija riżultat tal-maternità divina tagħha. Marija, hija Omm Kristu, u mill-mument li ħa fuqu n-natura tagħna l-bnedmin fil-ġuf verġinali tagħha, għaqqad miegħu, bħala l-Kap tal-Ġisem Mistiku, lill-Knisja. Għaldaqstant Marija, bħala Omm ta’ Kristu, għandha tiġi meqjusa wkoll, bħala Omm tal-fidili kollha u tal-Isqfijiet, jiġifieri tal-Knisja.

Din hija r-raġuni li aħna, mingħajr ma jistħoqqilna u dgħajfin, b’fiduċja u mimlijin b’imħabba ta’ ulied, nerfgħu ħarsitna lejha. Hi, li tatna lil Ġesù, għajn tal-grazzja sopranaturali, ma tistax ma twettaqx fil-Knisja l-maternità tagħha, speċjalment f’dan iż-żmien li fih l-Għarusa ta’ Kristu qed taħdem biex twettaq b’ħeġġa akbar il-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni.

Aħna wkoll ċerti mir-rabtiet stretti li jeżistu bejn din l-Omm tagħna tas-sema u l-umanità li jkabbru u jissiġillaw dejjem aktar din il-fiduċja. Għalkemm Marija ġiet imżejna minn Alla b’doni l-aktar ġenerużi u tal-għaġeb, biex jixirqilha tkun l-Omm tal-Verb Inkarnat, hija madankollu tibqa’ qrib tagħna. Bħalna, hija wkoll bint Adam, u għalhekk oħtna, għaliex għandha l-istess natura umana; bil-merti futuri ta’ Kristu ġiet meħlusa mid-dnub tan-nisel, iżda mad-doni divini li rċeviet żiedet, hi stess, il-fidi perfetta tagħha, tant li stħaqqilha t-tifħir evanġeliku: “Imbierka int li emmint”.

Fil-ħajja tagħha fuq din l-art, uriet li hija dixxiplu perfetta ta’ Kristu, kienet mera ta’ kull virtù, u l-imġieba tagħha kienet tirrifletti bis-sħiħ dawk il-beatitudnijiet imxandra minn Kristu. Għalhekk il-Knisja kollha, waqt li tispjega l-ħajja tagħha u l-attività sfieqa tagħha, għandha żżomm lill-Verġni Omm Alla, bħala eżempju li fuqu għandna nimxu biex nimitaw perfettament lil Kristu.

RESPONSORJU (Lq 1 : 35)

R. L-Ispirtu s-Santu ġie fuq Marija * il-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha.
V. Hija kienet msieħba fil-passjoni ta’ binha, u bil-qawwa tal-Għoli saret Omm ta’ dak li tana l-fidwa * il-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha.

Talba

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Għax int kewkba tal-imħabba
Tiddi w tilma fis-smewwiet,
Int għalina l-aqwa tama
F’tmiem il-ħajja, hawn f’dal-wied.

Inti l-aqwa Sidt imwielda
F’qalb is-Sid, l-Iben qaddis;
Min minn qalbu jdur lejk f’talbu
Mill-għajn jixrob tat-tqaddis.

Inti dejjem u minn qalbek
Tisma’ l-ilħna tal-ulied;
X’ħin fl-hemm tagħhom lejk iduru
Bit-talb tagħhom, bix-xewqiet.

Fik hemm tgħammar l-aqwa ħniena,
Hemm il-kobor tas-smewwiet,
It-teżor tat-tjieba f’qalbek,
Inti l-aqwa mill-ħlejqiet.

Lill-Missier u lill-Ispirtu
U lil Ibnek insebbħuh;
Alla għażlek b’Omm il-Knisja
Glorja lilu w ġieħ nagħtuh. Ammen.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Id-dixxipli kienu ħaġa waħda, jżommu sħiħ fit-talb, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

Talba

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Verġni mqaddsa, Omm il-Knisja,
Dejjem bieb miftuħ tas-sema;
Quddiem Ibnek kun kenn tagħna,
Lill-Missier talbek jinstema’.

Omm glorjuża t’Alla l-għoli,
Aħna nfakkru dal-ġieħ tiegħek;
Minnek twieled Iben Alla
Għalin’itlob, żommna miegħek.

Dawl fiddien, tal-baħar kewkba,
Omm qaddisa, Omm reġina,
Itlob lill-Missier u l-Iben,
Biex l-Ispirtu s-Santu jtina.

Verġni twajba, Omm ħanina
Verġni ħelwa, O Marija
Isma’ talb kull wieħed minna
F’dat-tifħir ta’ filgħaxija.

Ħu t-talb tagħna quddiem ibnek
Hu l-imsallab, hu li bata;
Li għalina ġie imsawwat,
Bix-xewk rasu nkurunata.

Kbira omm sultan is-slaten,
Dawl u bieb tal-ogħla sema,
Midinbin inxerrdu dmugħna
Ħa l-krib tagħna fis jinstema.

Glorja w ġieħ lill-Missier tagħna
Lill-Ispirtu, ’l-Iben ġufek
Li għażluk bħal Omm tal-Knisja,
Isma’ t-talb li qed noffrulek. Ammen.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Il-Mulej qal lil ommu: Mara, hawn hu ibnek. U lid-dixxiplu qallu: Hawn hi ommok.

Talba

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek.