5.5 Din id-Devozzjoni tmexxina malajr għall-Għaqda m’Alla *** 5.5.1 Din id-Devozzjoni hija triq ħafifa (Para. 152-154)

Jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib. — San Alwiġi Maria De Montford

27750806_1971135603206187_1948910802928435686_n152. Il-ħames mottiv hu li din id-devozzjoni hija t-triq ħafifa, qasira, perfetta u żgura li twassal għall-għaqda m’Alla li hi l-Perfezzjoni Nisranija.

1. Hi triq ħafifa. Hi t-triq li fassal Ġesu’ biex ġie għandna, u li fiha m’hemm ebda ostaklu li jfixkilna biex naslu Għandu. L-għaqda m’Alla, tista’, naturalment tintlaħaq minn toroq oħra; imma din tkun biss b’ħafna slaleb, xi mwiet strambi, u b’diffikultajiet wisq ikbar li aħna nirbħu biss bi tbatija kbira. Ikollna ngħaddu minn iljieli mudlama tar-ruħ, minn taqbid tal-biża’ u minn agunija terribli, ikollna nixxabbtu ma’ muntanji skabrużi, nimxu minn ġo għollieq li jqatta’, u minn deżerti nifxin li jbeżżgħu. Waqt li, bit-triq ta’ Marija, aħna nimxu ‘l quddiem aktar bil-ħlewwa u bil-paċi. Ibqgħu ċerti, li hemm kumbattimenti ħorox u diffikultajiet kbar jistennewna f’din it-triq. Imma din is-Sinjura u Omm twajba toqgħod hekk fil-qrib u preżenti mal-qaddejja fidili tagħha, biex iddawwalhom fid-dlam u d-dubji tagħhom, biex issaħħaħhom fil-mumenti tal-biża’ u biex twiżinhom fil-kumbattimenti u d-diffikultajiet tagħhom, illi tassew din it-triq verġinali li twassal għand Ġesu’ Kristu, hi meta nipparagunawha ma’ oħrajn, it-triq tal-ward u l-għasel. Hemm xi qaddisin, imma mhux ħafna – Sant Efrem, San Ġwann Damaxxenu, San Bernard, San Bernardinu, San Bonaventura, San Franġisk de Sales u oħrajn – li waslu għand Ġesu’ Kristu permezz ta’ din it-triq ħelwa għaliex l-Ispirtu s-Santu, l-Għarus fidil ta’ Marija, irrivelahielhom bi grazzja singulari. Il-biċċa l-kbira tal-qaddisin, madankollu, ma daħlux f’din it-triq, jew daħlu għal ftit, għalkemm kull wieħed minnhom kellu devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Għalhekk, huma ġarrbu aktar provi u tentazzjonijiet ħorox u perikolużi.

153. Kif inhu dan – xi veri devoti tal-Madonna jistaqsuni – li l-qaddejja fidili ta’ din l-Omm Twajba, jiltaqgħu ma’ tant okkażjonijiet ta’ tbatija u fil-fatt isofru aktar minn dawk li huma anqas devoti lejha? Huma jkunu mgiddba, ippersegwetati, ikkalunjati, meqjusa bħala nies insuppurtabbli jew jimxu fid-dlamijiet tar-ruħ u f’deżerti fejn m’hemm l-ebda sinjal ta’ ħniena. Jekk din id-devozzjoni tħaffef it-triq li twassal għand Ġesu’ Kristu, għaliex dawk li jagħżluha huma l-aktar immaqdra?

154. Jien inwieġeb: “Ladarba l-qaddejja fidili ta’ Marija huma l-favoriti speċjali tagħha, hu tassew minnu li jirċievu minn għandha l-akbar numru ta’ grazzji u benefiċċji mis-sema – li huma s-slaleb. Imma jiena nsostni li l-qaddejja ta’ Marija, jerfgħu dawn is-slaleb b’ħeffa, mertu u glorja akbar minn tal-oħrajn. Dak li jġiegħel lill-ieħor jitfixkel elf darba, jew li jitfgħu mal-art, ma jfixkilx il-mixja tagħhom bl-ebda mod. Anzi bil-maqlub, hu jgħinnhom javanzaw, għaliex din l-Omm Twajba mimlija bil-grazzja u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu, tagħmel dawn is-slaleb kollha li tfassal għalihom ħelwin biz-zokkor tal-ħlewwa tagħha materna, u bil-balzmu tal-imħabba safja tagħha. Għalhekk huma jgħożżu dawn is-slaleb u jaċċettawhom bil-ferħ, bħal meta tarbija tibla’ l-pillola biz-zokkor u ma tirrealizzax li fiha nfisha kienet ħażina u morra. U jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib, l-istess bħalma persuna ma tistax tieħu mingħajr dwejjaq u stmerrija l-pilloli li ma kinux miksija biz-zokkor biex ikollhom tomgħa tajba.