Konsagrazzjoni – JUM 11

Dokument PDF: Jum 11
Dokument WORD: Jum 11

JUM 11: Konsagrazzjoni totali lil Ġesu’ permezz ta’ Marija

1GĦAN: Tiżvojta Lilek Innifsek mill-Ispirtu tad-Dinja

Eżamina l-kuxjenza tiegħek, itlob, ipprattika ċ-ċaħda tar-rieda tiegħek; immortifika lilek innifsek u fittex is-safa tal-qalb. Din is-safa hi kundizzjoni indispensabli biex wieħed jikkontempla lil Alla fil-ġenna, biex wieħed jarah f’din id-dinja, u biex wieħed jagħrfu bid-dawl tal-fidi. Fl-ewwel parti tal-preparazzjoni wieħed għandu jirsisti biex jiċħad l-ispirtu tad-dinja li jmur kontra l-Ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu. L-ispirtu tad-dinja jikkonsisti fiċ-ċaħda ta’ Alla bħala l-Ħakkiem fuq kollox u fuq kulħadd; iċ-ċaħda t’Alla li timmanifesta lilha nnifisha fil-pratika tad-dnub u d-diżubbidjenza; għalhekk hu fil-prinċipju tiegħu opposta għall-Ispirtu ta’ Kristu, li hu wkoll dak ta’ Marija.

Timmanifesta ruħha fil-konkupixxenza tal-ġisem, tal-għajnejn u b’ħajja ta’ suppervja, b’diżubbidjenza għal-Liġi t’Alla u bl-abbuż fuq il-ħlejjaq. Il-ħidma tagħha hi: dnub ta’ kull xorta, u dak kollu li juża’ x-xitan biex iwassalna għad-dnub; ħidmiet li jġibu d-dlam f’moħħna u li javvalenaw u jikkorrompu lir-rieda tagħna. Dak li bih tiftaħar hu l-isplendur u s-seħer li juża’ x-xitan biex id-dnub jagħmlu b’tali mod li jattira l-persuni, il-postijiet u l-oġġetti.

QARI

Imitazzjoni ta’ Kristu: L-1 Ktieb, Kapitlu 25: 1-3

Fuq li għandna bi ħrara kbira nbiddlu l-ħajja tagħna kollha

Ċertu wieħed kien jinsab bejn in-nar u l-ilma – il-biża’ mill-banda l-waħda u t-tama mill-oħra. Darba waħda fid-diqa tiegħu, mar fi knisja u nxteħet wiċċu fl-art quddiem altar jagħmel orazzjoni. Beda jtalla’ u jniżżel bejnu u bejn ruħu u jgħid: ‘Oh! Li kont naf jekk nibqax inżomm qawwi sal-aħħar!’ Minnufih sama’ din ir-risposta li tah Alla ġewwa qalbu: “Issa li inti kieku dan tafu, x’kont tagħmel? Agħmel issa dak li kont tagħmel li kieku tafu; u ma għandekx għax tibża.” Qalbu mimlija, bil-ħlewwa u kollu mwettaq reħa ruħu f’idejn Alla, u ma baqax iżjed imħabbat. Neħħa wkoll minn rasu din il-kurżita’ żejda li jrid jaf x’għad ikun minnu. Biss kien ifittex liema huma l-ħwejjeġ li jistgħu jogħġbu ‘l Alla, biex b’kulma jagħmel jibda tajjeb u jispiċċa aħjar.

Jgħid il-Profeta: ‘Itma f’Alla u agħmel is-sewwa, u għammar fuq din l-art u tpaxxa bil-ġid tagħha.’ Ħaġa waħda hemm li tfixkel bil-bosta wħud fit-triq tas-sewwa, u żżommhom li ma jbiddlux ħajjithom, tiġihom tqila li jikkumbattu, u bħalxejn jaqtgħu qalbhom. Imma mbagħad taf min huma dawk li jgħaddu ‘l quddiem fit-tjieba aktar minn ħaddieħor? Dawk li aktar ma ħaġa tkun tqila aktar bil-ħila jidħlu għaliha. Għax il-bniedem aktar jitjieb u jaqla’ grazzja akbar f’dawk il-ħwejjeġ li fihom jeħodha kontra tiegħu nnifsu, u jgħakkes il-ġibdiet tiegħu.

TALB

Ejja, Spirtu s-Santu (Veni Creator Spiritus)

Spirtu qaddis li ħlaqtna,
ejja lill-moħħ dawlilna,
imla bil-grazzja tiegħek
il-qlub li int ħlaqtilna.

Int l-akbar don ta’ Alla,
li tieqaf dejjem magħna:
għajn, ħajja, nar, imħabba
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int tqassam seba’ doni,
int l-id il-leminija
tal-Missier, minnu mwiegħed,
fik bl-għerf l-ilsna mogħnija.

Ixgħel id-dawl lis-sensi,
kebbes il-qlub bl-imħabba,
u saħħaħ dan ġisimna
mill-mard li fih jitrabba.

Bogħod minna żomm ’il-għadu,
lilna fis-sliem henjin,
mexxina int, biex nibqgħu
mid-deni meħlusin.

Agħmel li nsiru nafu
bik lill-Missier u ’l-Ibnu;
li fik, Spirtu li tqaddes,
bla nieqfu dejjem nemmnu.

Glorja ’l-Missier, lill-Iben
li qam minn bejn l-imwiet,
l-Ispirtu, faraġ tagħna,
għal dejjem fis-smewwiet. Ammen.

Sliem għalik, kewkba tal-baħar (Ave Maris Stella)

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,
omm qaddisa u kbira t’Alla,
dejjem verġni bla mittiefsa,
bieb il-hena u ferħ tas-sema.

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,
ġib id-dawl lill-għomja kollha,
biegħed minna l-ħażen tagħna,
niżżel fuqna l-ġid tas-sema.

Uri li tassew int Ommna.
wassal talbna quddiem Alla,
li fi ħnientu twieled minnek
biex issir għalina bniedem.

Verġni fost kulħadd magħżula,
ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,
itlob ’l ibnek biex jagħtina
maħfra, safa u spirtu ħlejju.

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,
żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,
sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra
ta’ Ġesù għal dejjem miegħek. Ammen.

Magnificat

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.