Uffiċċju 7.5 Is-16 ta’ Lulju – Il-Verġni tal-Karmnu

Dokument PDF: Uffiċċju 7.5 Is-16 ta’ Lulju – Il-Verġni tal-Karmnu
Dokument WORD: Uffiċċju 7.5 Is-16 ta’ Lulju – Il-Verġni tal-Karmnu

OurLadyofMtCarmel

16 TA’ LULJU

Tifkira (O) ta’

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAL-KARMNU

Il-Bibbja tfaħħar il-ġmiel tal-Karmelu, fejn il-profeta Elija tħabat biex iħares is-safa tal-fidi ta’ Iżrael f’Alla l-ħaj. Fis-seklu 12, xi eremiti twarrbu mid-dinja u marru jgħixu fl-istess muntanja, u mbagħad waqqfu Ordni ta’ ħajja kontemplattiva taħt il-patroċinju ta’ Marija, l-Omm imqaddsa ta’ Alla.

Mill-Komun tal-Madonna …

 

Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla

V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94, mill-Ordinarju.

Salm 94

Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh
Jew: Niċċelebraw il-festa (it-tifkira) tal-Verġni mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej

Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.

 

L-Uffiċċju tal-qari

INNU

F’ġuf Marija niżel igħammar
dak li s-sema, l-art u l-baħar
ixandruh u jagħtuh qima,
għax hu Alla li ħalaqhom.

Ħdan il-Verġni, mimli grazzja,
jilqa’ fih lis-Sid il-Għoli,
li jaqduh ix-xemx u l-qamar,
l-univers bil-ħlejjaq tiegħu.

Hienja l-Omm, li ġewwa ċ-ċokon
tal-ġuf safi tagħha niżel
il-ħallieq, li xejn ma jesgħu,
u f’qiegħ idu jżomm id-dinja.

Hienja dik li emmnet l-anġlu
u, bil-qawwa tal-Ispirtu,
ġiebet fostna ’l Alla bniedem,
il-mixtieq tal-ġnus mill-qedem.

Glorja lilek, Kristu Sidna,
Bin Marija, Omm u Verġni;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieh jintraddlek, issa u dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Salm 23

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.

Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej, *
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka minn għand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.

Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Salm 45

Kenn u qawwa hu Alla għalina, *
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *
jew jiġġarfu l-muntanji f’nofs il-baħar;
anqas jekk jgħajtu u jogħlew ilmijietu, *
jew jitheżżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakab!

Hemm xmara li s-swieqi tagħha
jferrħu l-belt ta’ Alla, *
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx; *
igħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *
iddewbet l-art, malli semma’ leħnu.

Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!

Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, *
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art.
Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †
l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *
jaħraq it-tarka bin-nar, u jgħid:
“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *
għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!”

Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

Salm 86

Il-Mulej bena ‘l Sijon *
fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha *
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla, *
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *
ma’ dawk li jagħrfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *
dawn twieldu hemm!”

U għal Sijon jingħad: *
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu *
iwettaqha f’postha.”

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu, *
dawk kollha li jgħammru fik.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

V. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.
R. Hieni min iħarisha.

L-ewwel lezzjoni tkun tas-Sibt tal-ġimgħa li tmiss

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir.

Marija nisslet fl-ispirtu qabel ma nisslet fil-ġisem

Alla għażel lil Marija, min-nisel tas-sultan David, biex il-Verb Ibnu jsir bniedem minnha. Imma hi nissiltu f’ruħha qabel ma nisslitu fil-ġuf. Skont il-pjan ta’ Alla, il-Verb kien se jsir bniedem bl-opri tal-Ispirtu s-Santu. Biex hi ma tibqax fid-dlam dwar dak li kien se jsir fiha, kif wkoll biex ma tibżax tilqa’ dan it-tnissil mhux tas-soltu, Alla bagħat l-anġlu biex igħarrafha b’kollox. B’hekk saret taf li xbubitha ma kinitx se tittiefes meta ssir Omm Alla. Alla l-Għoli wegħedha li jixħet id-dell tal-qawwa tiegħu fuqha; x’seta’ jaqtgħalha qalbha minn dan il-mod ġdid ta’ tnissil? Hija emmnet, u l-anġlu wettaqha fil-fidi billi qalilha bil-għaġeb li kien diġa’ sar Eliżabetta li, għalkemm ma setgħetx u ma stennietx li jkollha t-tfal, Alla taha li tnissel. Hekk Marija qawwiet qalbha li Alla kien se jagħmel ma’ xebba verġni dak li għamel ma’ mara bla tfal.

Il-Verb ta’ Alla, Alla, Bin Alla, li kien fil-bidu għand Alla, li kollox sar bih, u mingħajru ma sar xejn, sar bniedem biex jeħles lill-bniedem mill-mewt ta’ dejjem; huwa niżel saċ-ċokon tagħna bla ma naqqas xejn mill-kobor tiegħu; baqa’ li kien, u sar dak li ma kientx; ħa n-natura ta’ lsir billi għaqqadha ma’ dik in-natura li biha hu daqs Alla l-Missier, u rabathom flimkien b’mod li la l-glorja ma tfiet lin-natura tal-bniedem, u lanqas il-għaqda ma’ din ma ċekknet lin-natura ta’ Alla.

Xejn ma ntmess minn dak li hu propju fl-essenza tat-tnejn; ingħaqdu biss f’persuna waħda, il-kobor maċ-ċokon, il-qawwa mad-dgħufija, dak li hu ta’ dejjem ma’ dak li jmut. Biex jitħallas id-dejn tagħna msejknin, in-natura li xejn ma jista’ għaliha ngħaqdet man-natura li tista’ tbati, u fil-persuna waħda tal-Mulej deher Alla veru u bniedem veru, biex il-medjatur wieħed u l-istess bejn Alla u l-bniedem seta’ jbati f’dak li hu tal-bniedem u jirxoxta b’dak li hu ta’ Alla, kif kien xieraq għas-salvazzjoni tagħna. Bil-ħaqq kollu, mela, li l-verġnita’ sħiħa ma ttiefset xejn bit-twelid tas-salvatur, għax il-modestja sabet il-ħarsien fil-verita’ li dehret fid-dinja.

Ħuti egħżież, dan hu t-twelid li kien jixraq lil Kristu, li hu l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Permezz ta’ dan it-twelid, Kristu sar bniedem biex jixbah lilna, filwaqt li baqa’ Alla ogħla minna. Għax kieku ma kienx tassew Alla, ma kienx isalvana ; kieku ma kienx tassew bniedem, ma kienx jagħtina eżempju.

Kien għalhekk li, meta twieled il-Mulej, l-anġli għannew Glorja ’l Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u ħabbru sliem fl-art lill-bniedmin ta’ rieda tajba. Għax huma raw lil Ġerusalem tas-sema tibda’ tinbena mill-ġnus kollha tal-art. U jekk jifirħu daqshekk l-anġli, fil-kobor kollu tagħhom, kemm għandhom għax jithennew il-bnedmin, fiċ-ċokon tagħhom, quddiem għemil bħal dan tat-tjieba ta’ Alla, għemil li ħadd ma jista’ jfissru bil-kliem!

RESPONSORJU

R. B’tifkira ta’ ġieh kbir, niċċelebraw din il-festa ta’ Marija, il-Verġni glorjuża, li l-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tagħha. * Mat-tħabbira tal-anġlu, hija nisslet lis-Salvatur tad-dinja.
V. Nagħtu glorja lil Kristu f’din il-festa’ qaddisa tal-kbira Omm Alla. * Mat-tħabbira tal-anġlu, hija nisslet lis-Salvatur tad-dinja.

Talba

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Sidt glorjuża li fil-għoli
fuq il-kwiekeb ġejt imtellgħa,
nagħtuk ġieh, għax int, b’ħalibek
safi, sqejt lil dak li ħalqek.

B’Ibnek sewwejtilna l-ħsara
li d-dnub t’Eva ġibed fuqna;
bi tjubitek ftaħt mogħdija
biex l-imsejkna jidħlu s-sema.

Inti l-bieb tas-Sultan Għoli,
bieb li minnu d-dawl feġġ fuqna;
ħa jifirħu l-ġnus mifdija,
għax bik, Verġni, sabu l-ħajja.

Agħmel int li nsebbħu f’kollox
lill-Missier, lil Kristu Ibnek,
u ’l-Ispirtu, li bħal b’libsa
ta’ ġmiel kbir żejnuk bil-grazzja. Ammen.

Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej. Idħol għalina quddiem Ibnek.

Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej

Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej. Idħol għalina quddiem Ibnek.

Ant. 2 Inti s-sebħ ta’ Ġerusalem, inti l-ferħ ta’ Iżrael, inti l-ġieh tal-poplu tagħna.

Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2 Inti s-sebħ ta’ Ġerusalem, inti l-ferħ ta’ Iżrael, inti l-ġieh tal-poplu tagħna.

Ant. 3 Ifraħ dejjem, Verġni Marija, għax stħaqqlek iġġib fid-dinja s-Salvatur.

Salm 149
Il-hena tal-qaddisin

Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Ifraħ dejjem, Verġni Marija, għax stħaqqlek iġġib fid-dinja s-Salvatur.

LEZZJONI QASIRA (Iż 61: 10)

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

RESPONSORJU QASIR

R. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.
V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Fit-talb tiegħi fittixt il-għerf bla ebda ħabi, u hu tal-frott bħal dielja tal-bikri.

Il-Messija u l-Prekursur tiegħu

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Fit-talb tiegħi fittixt il-għerf bla ebda ħabi, u hu tal-frott bħal dielja tal-bikri.

PREĊI

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:
Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.
Xemx tal-ġustizzja, qablek feġġet ix-Xebba bla tebgħa bħad-dawl taż-żerniq:
– agħmel li ngħixu dejjem fid-dawl taż-żjara tiegħek.
Verb etern, int għażilt lil Marija biex tgħammar fiha bħal f’arka li ma titħassarx:
– eħlisna mit-taħsir tad-dnub.
Salvatur tagħna, int kellek lil Ommok wieqfa ħdejk taħt is-salib:
– bit-talb tagħha agħtina li nissieħbu ferħana fi tbatijietek..
Ġesu’ l-aktar twajjeb, minn fuq is-salib int tajt lil Marija b’omm Ġwanni:
– agħmel li bil-ħajja tagħna mingħarfu b’uliedha.

Missierna, eċċ.

Talba

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna, Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

 

It-Talb ta’ nofs il-jum

SALMODIJA KUMPLEMENTARI

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Spirtu s-Santu, li int Alla
wieħed mal-Missier u l-Iben,
ejja xxerred ġewwa fina,
ħalli bik ilkoll timliena.

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,
nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;
int kebbisna b’nar imħabbtek,
u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

Kun id-dawl li jtina l-għarfa
tal-Missier u l-Iben tiegħu;
żomm qawwija l-fidi tagħna
fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

Ant. Ilkoll qalb waħda bejniethom kienu jitolbu flimkien ma’ Marija, Omm Ġesu’.

Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi

Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 128
Il-poplu fil-hemm iġedded it-tama

Il-Knisja tgħid x’qiegħda ġġarrab (S. Wistin)

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *
imma ma rnexxilhomx jegħelbuni.
Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *
raddiet twal bis-swat għamluli.
Imma ġust hu l-Mulej, *
u qatta’ minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

Ħa jinfixlu u jmorru lura *
dawk kollha li jobgħodu ‘l Sijon.
Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *
li jinxef qabel ma jikber,
li bih il-ħassad ma jimliex idu, *
anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †
“Il-Barka ta’ Alla fuqkom! *
Inberkukom f’isem il-Mulej!”

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Ilkoll qalb waħda bejniethom kienu jitolbu flimkien ma’ Marija, Omm Ġesu’.

LEZZJONI QASIRA (Sof 3: 14. 15b)

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Is-Sultan ta’ Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok

V. Il-Mulej ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu, hallelujah.
R. Mal-poplu ta’ Iżrael, hallelujah.

Talba

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

F’Nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,
Inti kollox tqassam sewwa:
jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;
f’nofsu żżejnu b’dawl iħeġġeġ.

Iżda itfi l-għadab fina,
taffi s-sħana ta’ kull deni,
agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,
ġib is-sliem tassew fi qlubna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Qalet Omm Ġesu’: Kull ma jgħidilkom, agħmluh.

Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu

Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).

Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).

Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu

ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Qalet Omm Ġesu’: Kull ma jgħidilkom, agħmluh.

LEZZJONI QASIRA (Żakk 9: 9a)

Imtela bl-hena, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, il-Ġust u s-Salvatur.

V. L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, hallelujah.
R. Rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, hallelujah.

Talba

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Alla, int, li fik innifsek
m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:
lil kull siegħa tal-ġurnata
tqis id-dawl li jkun imissha.

Ibagħtilna lejla tajba,
fejn il-ħajja qatt ma tonqos,
imma tersaq lejn il-glorja,
li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Il-Mulej qal lil Ommu: Mara, hawn hu Ibnek. Imbagħad qal lid-dixxiplu: Hawn hi ommok.

Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej

Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 130
Tama sħiħa fil-Mulej

Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11, 29).

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma, *
hekk hi ruħi ġewwa fija.

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej

“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. Il-Mulej qal lil Ommu: Mara, hawn hu Ibnek. Imbagħad qal lid-dixxiplu: Hawn hi ommok.

LEZZJONI QASIRA (Ġuditta 13: 31)

Imbierka inti fost it-tined kollha ta’ Ġuda; u f’kull nazzjon, dawk kollha li jisimgħu bik ikun milquta mit-terrur.

V. It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, hallelujah.
R. Il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu, hallelujah.

Talba

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.

Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.

 

It-II Għasar

V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,
Omm qaddisa u kbira t’Alla,
dejjem Verġni bla mittiefsa,
bieb il-hena u ferħ tas-sema.

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijiel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva,
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,
ġib id-dawl lill-għomja kollha,
biegħed minna l-ħażen tagħna,
niżżel fuqna l-ġid mis-sema.

Uri li tassew int Ommna,
wassal talbna quddiem Alla,
li fi ħnientu twieled minnek
biex isir għalina bniedem.

Verġni fost kulħadd magħżula,
ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,
itlob ’l Ibnek biex jagħtina
maħfra, safa u spirtu ħlejju.

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,
żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,
sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra
ta’ Ġesu’ għal dejjem miegħek.

Lill-Missier it-tifħir tagħna,
ġeh u setgħa ’l Kristu Sidna,
lill-Ispirtu s-Santu l-qima,
sebħ lit-Tlieta, Alla wieħed. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa

Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 1 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 2 Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek. (Ż.Għ. hallelujah).

Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej

Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 2 Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek. (Ż.Għ. hallelujah).

Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

Kantiku (Efesin 1: 3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. (Ż.Għ. hallelujah).

LEZZJONI QASIRA (Galatin 4: 4-5)

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja: * Il-Mulej miegħek. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej
miegħek. Glorja. Sliem.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Marija kienet tisma’ l-kelma ta’ Alla u tħarisha, u taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.

Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

Ant. tal-kant. ta’ Marija Marija kienet tisma’ l-kelma ta’ Alla u tħarisha, u taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.

PREĊI

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:
– ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.
Int, li tajtna lil Marija bħala Ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-
imnikktin, aħfer lill-midinbin:
– agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.
Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:
– ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.
Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda fl-imħabba:
– agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija Omm Ġesu’.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

Missierna, eċċ.

Talba

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla.