3.1.1.2 Dawk li jqimuha bil-biża’ (Para. 94-95)

Il-Knisja, flimkien mal-Ispirtu s-Santu l-ewwel bierket lil Marija u mbagħad lil Ġesu’ Kristu. “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’” Kienet tkun ereżija kbira li tifhem din bħallikieku l-Madonna hija iktar importanti minn Ġesu’ Kristu, jew ugwali miegħu. It-tifsir tagħhom hu, li biex inbierku ‘l Ġesu’ Kristu iktar perfettament, irridu nibdew billi nbierku ‘l Ommu. — San Alwiġi Maria De Montford

1528660_800529433297338_827512646_n94. Dawk li jqimuha bil-biża’, huma dawk li jibżgħu li meta nonoraw lill-Madonna jiddiżonoraw lil Binha; meta jgħollu l-Marija jnaqqsu mill-qima lejn Ġesu’. Ma jistgħux jaqblu, li għandna nagħtu lil Marija tifħir ġustifikat bil-kbir – tifħir meħud mill-fomm tas-Santi Padri stess. Hu b’ċertu dwejjaq, li jaraw aktar nies għarkubbtejhom quddiem l-altar tal-Madonna milli quddiem l-altar tas-Sagrament, bħallikieku altar qiegħed f’kompetizzjoni ma’ ieħor u bħallikieku, dawk li qed jitolbu lill-Madonna m’humiex jitolbu lil Ġesu’ permezz tagħha! Jiddispjaċihom li din is-Sultana sublimi, tingħatalha prominenza hekk kbira u li daqshekk talb hu indirizzat lilha.

Dawn huma ftit mis-sentimenti li jesprimu: X’jiswew daqshekk Rużarji, daqshekk Konfraternijiet, u daqshekk devozzjonijiet minn barra lejn il-Verġni Mbierka? Hemm ħafna injoranza (ikomplu huma) f’dan kollu! Jirridikulaw ir-reliġjon. Ħallini nisma’ biss b’dawk li huma devoti lejn Ġesu’ Kristu – (imma hawn ħalli l-awtur jinterrompihom biex jgħid li dawn il-kritiċi, jużaw l-Isem Imqaddes ħafna drabi mingħajr ma jikxfu jew ibaxxu rashom) għand Ġesu’ għandna mmorru li hu l-Medjatur waħdieni tagħna, lil Ġesu’ Kristu għandna nippritkaw, għax dan hu l-qofol tad-devozzjoni vera!

Hemm ċertu sens ta’ verita’ f’dak kollu li qalu; imma huma jiżbaljaw fl-applikazzjoni li jagħmlulu, u biha jsibu l-ġustifikazzjoni tagħhom biex jiskoraġixxu d-devozzjoni tal-Madonna. Mela l-attitudni tagħhom hi perikoluża u mhix ħlief nassa fina tad-demonju – bl-iskuża ta’ ġid wisq akbar. Kristu qatt ma hu daqshekk onorat, daqs meta aħna nonoraw lill-Imqaddsa Ommu, ladarba Marija biex aktar nkunu nistgħu nonoraw lil Ġesu’ Kristu aktar perfettament. Aħna mmorru għand Marija, bħala triq li twassalna dritt għand Ġesu’ – l-Għan Divin tal-vjaġġ tagħna.

95. Il-Knisja, flimkien mal-Ispirtu s-Santu l-ewwel bierket lil Marija u mbagħad lil Ġesu’ Kristu. “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’” Kienet tkun ereżija kbira li tifhem din bħallikieku l-Madonna hija iktar importanti minn Ġesu’ Kristu, jew ugwali miegħu. It-tifsir tagħhom hu, li biex inbierku ‘l Ġesu’ Kristu iktar perfettament, irridu nibdew billi nbierku ‘l Ommu. Għaldaqstant kontra d-devoti foloz u l-iskrupli, ejjew ngħidu mad-devoti vera kollha ta’ Marija: “O Marija, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesu’”.