Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). — San Alwiġi Maria De Montford
191. Issa kkunsidraw lil Ġakobb l-Iben żgħir.
1. Hu kien ta’ karattru kwiet, umli u jħobb il-paċi. Kien ħa d-drawwa jibqa’ d-dar kemm jista’ jkun, biex ikun jista’ aktar jitħabbeb m’ommu, Rebekka, li tant kien iħobb. Meta kien joħroġ mid-dar kien biss għaliex hi xtaqitu jagħmel hekk, mhux għax kien imqanqal minn xi xewqa tiegħu, jew għax kien jafda fil-ħila tiegħu.
192. 2 Din ix-xeħta li jħobb id-dar kienet ġejja mill-imħabba u mir-rispett li kellu lejn ommu. Hu kien jaħrab dak kollu li kien idejjaqha u kien jagħmel dak kollu li jidhirlu li jagħtiha pjaċir. Dan ġiegħel lil Rebekka tħobbu dejjem iżjed.
193. 3. Hu kien sottomess lejn ommu l-għażiża f’kollox. Kien jobdiha f’kollox malajr, bl-imħabba u bil-ferħ, kien ifittex jagħmel dak li kienet tixtieq, mal-iċken wirja tax-xewqa tagħha. Kien jaċċetta dak kollu li tgħidlu b’fiduċja sħiħa: per eżempju, meta qaltlu jġib żewġ gidien għall-ikla ta’ missieru, Iżakk, Ġakobb ma qagħadx igħidilha li gidi wieħed kien biżżejjed għal dak l-iskop. Mingħajr ma qagħad jistaqsi, hu għamel bl-eżattezza kollha, dak li qaltlu.
194. 4. Hu kellu fiduċja sħiħa f’ommu l-għażiża. Fl-ebda mod ma fada fuq il-ħila u l-inizjattiva tiegħu, imma biss fuq il-kura u l-ħarsien li tatu ommu. Kien ifittex l-għajnuna tagħha f’dak kollu li kien ikollu bżonn u kien jikkonsultaha fid-dubji tiegħu; per eżempju meta staqsieha, jekk flok il-barka jirċievi s-saħta ta’ missieru hu emminha u fada fis-sigurta’ li tatu li jekk din tingħatalu, hi tieħu din is-saħta fuqha nnfisha.
195. 5. Fl-aħħarnett hu kien jimita kemm jista’ jkun, il-virtujiet li kien jara f’ommu, u jidher li waħda mir-raġunijiet għaliex kien joqgħod id-dar setgħet kienet biex jimita ‘l ommu li kienet virtuża, u biex jaħrab il-ħbieb ħżiena li kienu jħassruh. B’dal-mod hu sar denn li jirċievi l-barka doppja ta’ missieru.
196. L-imġiba ta’ Ġakobb hija dik li tixbah ħafna il-ħajja ta’ kuljum tal-ippredestinati.
1. Huma jibqgħu d-dar m’ommhom: fi kliem ieħor huma jħobbu l-ġabra, u jikkoltivaw il-ħajja interjuri, jagħtu ruħhom għat-talb – imma dan kollu skont l-eżempju u fil-kumpanija ta’ Ommhom, il-Verġni Mqaddsa; li minnha jingħad, li l-glorja tagħha kollha hi minn ġewwa, li matul ħajjitha kollha, ħabbet tant il-ġabra u t-talb. Huma naturalment jidhru xi darba fid-dinja tal-bnedmin, imma biss biex jaqdu d-dmirijiet tal-istat tagħhom, permezz tal-ubbidjenza lejn ir-rieda t’Alla u tal-Omm għażiża tagħhom. Huma jagħmlu verament xogħol li jidher kbir quddiem id-dinja; imma huma japprezzaw aktar l-opri li jagħmlu minn ġewwa fl-irkejjen moħbija ta’ ruħhom, flimkien mal-Verġni Mqaddsa. Għaliex jafu li dawn l-opri kbar ta’ ġewwa, iwettqu x-xogħol il-kbir tal-perfezzjoni personali tagħhom, li barra minnu, ix-xogħol l-ieħor kollu, hu biss logħob tat-tfal.
Għalhekk jiġri li, waqt li ħuthom subien u bniet jagħtu ruħhom b’ħeġġa u enerġija kbira għas-suċċess tax-xogħol ta’ barra, li jġibilhom it-tifħir u l-applawsi tad-dinja, huma stess jirrealizzaw bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, li hemm wisq iżjed glorja, profitt u pjaċir li tibqa’ moħbi f’Ġesu’ Kristu, f’sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommhom, milli tagħmel għeġubijiet tan-natura u tal-grazzja fid-dinja bħal ħafna Eżaw u nies ħżiena tad-dinja. “Ġid u għana jkunu f’daru” (S112(111),3). Il-glorja t’Alla u l-ġid tal-bnedmin huma fid-dar ta’ Marija.
O Sinjur Ġesu’ kemm huma sbieħ l-għamajjar tiegħek! L-għasfur tal-belt sab dar għalih, u l-ħuttafa sabet bejta fejn tpoġġi ż-żgħar tagħha. Imbierek dak il-bniedem li jgħammar fid-dar ta’ Marija, fejn inti stess kont l-ewwel wieħed li għammart! Hi f’din l-għamara tal-magħżulin, li hu jirċievi għajnuna minnek biss, u li “f’qalbu jiddeċiedi li jitla’ bil-ftit il-ftit”, u bil-gradi fil-virtujiet kollha, “f’dal-wied tad-dmugħ”, sa ma jasal fil-quċċata tal-perfezzjoni. “Quam dilecta tabernacula tua”… (S 84 (83)).
197. 2. Il-Magħżulin iħobbu ħafna li jqimu tassew lill-Verġni Mbierka bħala Ommhom u s-Sinjura twajba tagħhom. Huma jħobbuha tassew mhux bit-tpaċpiċ biss; huma jqimuha mhux b’devozzjoni ta’ barra, imma fil-qiegħ ta’ qalbhom. Bħal Ġakobb huma jfittxu li ma jagħmlu xejn li jista’ jiddisgustaha, u b’fervur kbir jipprattikaw dak kollu li jaħsbu li jaqlgħalhom il-ħarsien u l-imħabba tagħha. Huma jġibulha u jagħtuha mhux żewġ gidien, bħalma ġab Ġakobb lil Rebekka, imma ruħhom u ġisimhom bil-fakultajiet u s-setgħat tagħhom, iffigurati fiż-żewġ gidien ta’ Ġakobb. Huma jagħmlu dan:
1. Biex hi tirċeviehom bħallikieku kienu tagħha;
2. biex hi tkun tista’ toqtolhom, u ġġegħilhom imutu għad-dnub u għalihom infushom, billi tqaxxarhom u tneżżagħhom mill-ġilda tagħhom tal-imħabba tagħhom infushom, biex hekk isiru jogħġbu lil Binha, Ġesu’ Kristu, li jixtieq li jkollu bħala ħbiebu dixxipli tiegħu, dawk biss li huma mejta għalihom infushom;
3. biex hi tkun tista’ tħejjihom skont kif jogħġbu lill-Missier tas-sema u għall-akbar glorja tiegħu – li fuqu, hi taf wisq iżjed minn kull kreatura oħra;
4. u biex bil-kura u l-interċessjoni tagħha, dan il-ġisem u din ir-ruħ, imsoffija sewwa minn kull tebgħa tad-dnub, totalment mejta għalihom infushom, imneżżgħin tajjeb u mhejjija ħafna, jistgħu jsiru ikel bnin xieraq għal Missier tas-sema, u denji tal-barka tiegħu.
Mhix din eżattament l-imġiba ta’ dawk il-bnedmin magħżulin li jfittxu bil-pjaċir il-konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija, li qed ngħallmuhom u li jipprattikawha fedelment biex juru mħabba kuraġġuża u effettiva lejn Ġesu’ u Marija? Il-ħżiena, verament jgħidu li jħobbu lil Ġesu’, u li jħobbu u jqimu lil Marija, imma mhux bħall-magħżulin, li jagħtu mill-ġid tagħhom, lanqas li jissagrifikaw ġisimhom bis-sensi tiegħu u ‘l ruħhom bil-passjonijiet tagħha.
198. 3. Il-Magħżulin huma sottomessi u ubbidjenti lejn Marija, bħallikieku lejn Ommhom twajba, bħall-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, li għadda tletin sena minn ħajja ta’ tlieta u tletin sena biss fuq l-art, jigglorifika ‘l Alla, Missieru, permezz ta’ sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommu l-Imbierka. Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Acquiesce consillis mei.”, Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). Għaliex obda minn ommu Ġakobb irċieva l-barka qisu b’miraklu, għalkemm fl-ordni tan-natura ma kellux dritt għaliha; ukoll għaliex imxew fuq il-parir tal-Verġni Mbierka, il-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana ġew onorati bl-ewwel miraklu ta’ Ġesu’ Kristu, li biddel l-ilma f’inbid għat-talba tal-Imqaddsa Ommu. Hekk ukoll, dawk kollha li sal-aħħar taż-żmien jirċievu l-barka tal-Missier tas-Sema, u jkunu ffavoriti bil-ħwejjeġ tal-għaġeb t’Alla, jirċievu dawn il-grazzji biss għaliex kienu perfettament ubbidjenti lejn Marija. Mill-banda l-oħra dawk li jimxu wara Eżaw jitilfu l-barka tagħhom għaliex ma jridux jissottomettu ruħhom lejn il-Verġni Mbierka.
199. 4. Il-Magħżulin għandhom fiduċja kbira fit-tjieba u l-qawwa tal-Verġni Mbierka, l-Omm twajba tagħhom. Huma kontinwament isejħulha għall-għajnuna. Huma jqisuha bħal Kewkbet-is-Safar li turihom port tal-kenn, huma jiftħu qalbhom magħha, u jitkellmu magħha sinċerament fuq in-niket tagħhom, huma jintrabtu mal-ħniena u l-ħlewwa tagħha, biex, bl-interċessjoni tagħha, huma jkunu jistgħu jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom, jew biex bil-faraġ tagħha ta’ omm, jonqsulhom it-tbatijiet u l-għeja tagħhom. Hekk huma jintefgħu fil-ħdan verġinali tagħha ta’ omm, biex hemm b’mod tal-għaġeb jinħbew u jintilfu biex ikunu maqbudin f’tgħannieqa ta’ mħabba safja, biex huma jkunu msoffijin minn kull tebgħa ta’ dnub, u fejn ikunu jistgħu jsibu ‘l Ġesu’ għal kollox, fejn hu qiegħed bħallikieku fuq l-aktar tron glorjuż Tiegħu.
“X’kuntentizza hi din! La taħsbux” – igħid l-Abbati Guerric – “li hemm kuntentizza akbar li toqgħod fi ħdan Abram milli fil-ħdan ta’ Marija ladarba fiha kien is-Sinjur tagħna waqqaf it-tron tiegħu.” Mill-banda l-oħra, il-ħżiena jafdaw biss fihom infushom, u b’riżultat ta’ dan huma jieklu – bħall-iben il-ħali biss il-qxur li jieklu l-qżieqeż. Bħaż-żrinġijiet huma jieklu mill-art. U ladarba huma għandhom l-għatx tal-ulied tad-dinja għal dawk il-ħwejjeġ li jidhru biss minn barra, m’għandhom l-ebda ġibda għall-ħlewwa ta’ ħdan Marija, u lanqas ma jsibu dik il-qagħda u fiduċja żgura li l-magħżulin isibu fil-Verġni Mbierka, it-twajba Ommhom. Huma miżerabilment jippreferu jtaffu l-ġuħ tagħhom fost il-ħwejjeġ tad-dinja, igħid San Girgor, għaliex ma jridux iduqu l-ħlewwa li tinsab imħejjija f’ruħhom, u fil-qiegħ ta’ qalbhom ta’ Ġesu’ u ta’ Marija.
200. 5. Fl-aħħarnett il-magħżulin jimxu fil-mogħdiet ta’ Marija l-Omm twajba tagħhom: fi kliem ieħor huma jimitawha u b’hekk ikunu tassew kuntenti u devoti, u jkollhom it-timbru tal-predestinazzjoni tagħhom, skont kif din l-Omm twajba tgħidilhom: “Henjin dawk li jimxu fi triqati.” (Prov 8,32). Henjin dawk li jipprattikaw il-virtujiet tiegħi u li bl-għajnuna tal-Grazzja Divina jimxu mit-triq li jien għaddejt. Huma jkunu kuntenti f’din id-dinja, permezz tal-abbundanza ta’ grazzji u ta’ ħlewwiet, li jien nagħtihom mill-milja tiegħi – u nagħtihom b’abbundanza akbar milli nagħti lill-oħrajn li ma jimitawnix hekk fil-qrib. Huma jkunu kuntenti f’mewthom, li tkun ħelwa u kalma, u fejn jien bħas-soltu nkun preżenti biex neħodhom fil-ferħ tal-Eternita’, għaliex l-ebda wieħed mill-qaddejja fidili tiegħi, li kien jimita l-virtujiet tiegħi f’ħajtu, qatt ma ntilef. Mill-banda l-oħra, il-ħżiena huma mdejqa f’din id-dinja, f’mewthom u fl-Eternita’, għaliex ma jimitawx il-Verġni Mbierka fil-virtujiet tagħha, billi jikkuntentaw ruħhom biss li jinkitbu biss fil-fratellanzi tagħha, li jgħidu xi talb jew li jagħmlu xi devozzjoni oħra esterna b’qima lejha. O Verġni Mbierka, Omm twajba tiegħi, kemm huma mberkin – nerġa’ ntenniha mqanqal mill-ferħ – kemm huma mberkin dawk li ma jħallux lilhom infushom jiġu mmexxijin ħażin minn xi devozzjoni falza lejk, iżommu fedelment il-modijiet, il-pariri u l-ordnijiet tiegħek! Imma kemm huma mdejqin u misħutin dawk li filwaqt li jippretendu li għandhom qima lejk, ma jobdux il-Kmandamenti ta’ Ibnek! “Misħut min jitbiegħed mill-Kmandamenti tiegħek” (S 118,21).