Dokument PDF: Uffiċċju 7.7 It-22 t’Awwissu – Marija Reġina
Dokument WORD: Uffiċċju 7.7 It-22 t’Awwissu – Marija Reġina
22 TA’ AWWISSU
Tifkira (O) ta’
IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA, REĠINA
Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla
V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94
Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu s-sultan żejjen lil Ommu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.
Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.
L-Uffiċċju tal-qari
INNU
Alla qiegħdek, o Marija,
fil-quċċata l-aktar għolja
tal-ħolqien, u għoġbu jagħżlek
is-Sultana kbira tiegħu.
Għaliex int, fost l-opri kollha
ta’ setegħtu, l-aqwa waħda,
u fi ħsiebu kont maħtura
sa minn dejjem bħal Omm Ibnu.
Ried ukoll isieħbek miegħu
fil-passjoni, u ħadt martiju
bla tixrid ta’ demm fuq l-għolja
tal-Kalvarju, fejn sirt Ommna.
Kbir hu ġiehek; iżda nafu
li, fost tant forħija u glorja,
qatt ma tinsa lil uliedek
fit-talb tiegħek, o Marija.
Agħmel int li nsebbħu f’kollox
lill-Missier, lil Kristu Ibnek,
u ’l-Ispirtu, li bil-grazzja
hekk imlewk li ħadd mhu bħalek. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.
Salm 23
Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.
Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej, *
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka minn għand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.
Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.
Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Marija kellha barka minn għand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.
Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.
Salm 45
Kenn u qawwa hu Alla għalina, *
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *
jew jiġġarfu l-muntanji f’nofs il-baħar;
anqas jekk jgħajtu u jogħlew ilmijietu, *
jew jitheżżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakab!
Hemm xmara li s-swieqi tagħha
jferrħu l-belt ta’ Alla, *
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx; *
igħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *
iddewbet l-art, malli semma’ leħnu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!
Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, *
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art.
Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †
l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *
jaħraq it-tarka bin-nar, u jgħid:
“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *
għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!”
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 2 Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.
Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.
Salm 86
Il-Mulej bena ‘l Sijon *
fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha *
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.
O belt ta’ Alla, *
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *
ma’ dawk li jagħrfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *
dawn twieldu hemm!”
U għal Sijon jingħad: *
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu *
iwettaqha f’postha.”
Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu, *
dawk kollha li jgħammru fik.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.
V. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.
R. Hieni min iħarisha.
LEZZJONI 1 (Iżaija 7,10-14; 11,1-9)
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Għimmanu-El, Sultan is-sliem
F’dak iż-żmien: Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u qallu: “Itlob sinjal għalik minn għand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fil-għoli tas-smewwiet.” U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej.”
U l-profeta Iżaija wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Arawha, ix-xebba ssir omm u jkollha iben u ssemmih Għimmanu-El-għax Alla magħna.”
Għad taħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.
Ma jiġġudikax skont ma jidher fil-għajnejn, u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja, u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art. Isawwat l-art bix-xettru ta’ fommu, u b’nifs xofftejh jolqot lill-ħażin. Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja, u l-fedelta’ l-ħżiem ta’ qaddu.
Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien il-għoġol u l-ferħ tal-ljun, tfajjel żagħżugħ isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħal gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp, u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bil-għarfien tal-Mulej bħalma hu miksi bl-ilmijiet.
RESPONSORJU (Iżaija 7: 14; 9: 6-7)
R. Ix-xebba ssir omm u jkollha iben; * U jsemmuh Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan.
V. Joqgħod għal dejjem fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu. * U jsemmuh.
LEZZJONI II
Qari mill-Omiliji ta’ Sant’Amedew, isqof ta’ Lausanne.
Sultana tad-dinja u tal-paċi
Sa minn qabel ma ġiet imtellgħa fis-sema, l-isem ta’ Marija kien jiddi b’mod tal-għaġeb fuq id-dinja kollha; qabel ma tqiegħed is-sebh tagħha ‘l fuq mis-smewwiet, isimha kien ġa xxerred b’ġieh kbir ma’ kullimkien. U kien sewwa li jsir hekk, għax kien jixraq li, għall-ġieh ta’ Binha wkoll, l-Omm Verġni ssaltan l-ewwelnett fuq l-art, u mbagħad tikseb il-glorja fis-sema; is-setgħa tagħha tinfirex f’din il-ħajja, sa ma tilħaq il-milja qaddisa fil-ħajja l-oħra, biex bħallikieku tgħaddi minn qawwa għal qawwa u tinbidel minn glorja għal glorja fl-ispirtu tal-Mulej.
Għalhekk sa minn din id-dinja stess hija kienet diġa’ qiegħda dduq il-frott tas-saltna tas-sema, kemm għax kienet f’għoli liema bħalu f’għajnejn Alla, kemm għax kienet tagħti servizz lil għajrha bi mħabba li ma titfissirx bil-kliem. L-anġli kienu jinżlu jservuha, il-bnedmin kienu jġibulha r-rispett u jaqduha. Gabrijel, flimkien mal-anġli, waqaf magħha; Ġwanni, flimkien mal-appostli, kien jaqdiha, ferħan li taħt is-salib l-Omm Verġni ġiet afdata fl-idejn verġni tiegħu. L-anġli jifirħu xħin jaraw lis-sultana tagħhom, u l-appostli lis-sidt tagħhom, u sew dawk sew dawn jingħataw lilha b’rabta ta’ mħabba mill-qalb.
Hi, mil-għoli tal-palazz tal-virtujiet tagħha, mill-baħar tad-doni li Alla mlieha bihom, kienet tħares lejn il-fidi tal-poplu bil-għatx, u b’idejha t-tnejn miftuħa kienet ixxerred fuqu x-xmajjar tal-grazzji li bihom kienet imfawra aktar minn kulħadd. Għax kienet tagħtihom il-fejqan u s-saħħa fil-ġisem u r-ruħ, bis-setgħa tagħha li tagħti l-ħajja lil dawk li huma mejtin fil-ġisem u r-ruħ. Min qatt mar għandha u reġa’ lura marid jew imdejjaq jew imċaħħad mid-dawl dwar il-misteri tas-sema? Min ma qalax li ried minn għand Marija, Omm il-Mulej, u reġa’ lura hieni u ferħan?
Imwettqa b’kotra ta’ egħmejjel tajba bħal dawn, il-Għarusa, Omm il-Għarus waħdieni, kollha ħlewwa u għożża u għaxqa, kienet tniżżel mis-sema xmajjar ta’ sliem u xita ta’ grazzji u taħżinhom fiha nfisha biex issir qisha għajn għall-ġonna spiritwali, jew bħal bir ta’ ilmijiet ħajjin li jagħtu l-ħajja, bħal xmara ħierġa mil-Lebanon tas-sema li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla, u mbagħad kienet ixxerred dawn l-ilmijiet ma’ kullimkien, mill-muntanji ta’ Sijon sal-popli kollha tal-qrib u tal-bogħod.
Għalhekk, meta Alla u Ibnu, is-Sultan tas-slaten, tellgħu lix-Xebba tax-xebbiet fis-sema, fost il-ferħ tal-anġli u l-hena tal-arkanġli, fost l-agħjat ta’ tifħir mis-sema kollu, imbagħad seħħet il-profezija tas-Salmista li qal lill-Mulej: F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.
RESPONSORJU
R. Deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, * U b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.
V. F’lemintek is-Sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir. * U b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.
Talba
O Alla, int ridt li Omm Ibnek tkun Ommna wkoll u Sultana tagħna; fit-tjieba tiegħek, agħtina l-għajnuna tat-talb tagħha, biex niksbu l-glorja ta’ wliedek fis-saltna tas-sema. B’Ibnek.
Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.
It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Ilbiesek dawl ix-xemx, Sultana kbira
tas-sema u l-art, bint David, ġieh ta’ Sijon,
bilqiegħda fuq tron għoli ’l fuq mill-anġli
u l-ħlejjaq kollha.
Hekk stħaqqlek tkun, għax inti, Xebba safja,
wilidt bl-Ispirtu lis-Sultan ta’ dejjem,
rabbejtu u sseħibt miegħu sa ma kiseb
ir-rebħa l-kbira.
U llum flimkien mal-ħlejjaq kollha ninżlu
quddiemu għarkobbtejna, b’tama sħiħa
li b’talbek, Ester ġdida, lkoll jeħlisna
mill-mewt ta’ dejjem.
Missier id-dawl jagħtina din il-grazzja
b’Ibnu l-Feddej għażiż, fl-Ispirtu s-Santu:
it-Trinita’ Qaddisa, Alla wieħed,
Sultan tal-glorja. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej. Idħol għalina quddiem Ibnek.
Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej
Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.
Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej. Idħol għalina quddiem Ibnek.
Ant. 2 Inti s-sebħ ta’ Ġerusalemm, inti l-ferħ ta’ Iżrael, inti l-ġieh tal-poplu tagħna.
Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej
Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).
Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.
Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.
Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.
Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.
Ant. 2 Inti s-sebħ ta’ Ġerusalemm, inti l-ferħ ta’ Iżrael, inti l-ġieh tal-poplu tagħna.
Ant. 3 Ifraħ dejjem, Verġni Marija, għax stħaqqlek iġġib fid-dinja s-Salvatur.
Salm 149
Il-hena tal-qaddisin
Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).
Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.
Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Ifraħ dejjem, Verġni Marija, għax stħaqqlek iġġib fid-dinja s-Salvatur.
LEZZJONI QASIRA (Iżaija 61: 10)
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
RESPONSORJU QASIR
R. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.
V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha.
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija O Marija, li nissilt lil Kristu, Sidna u Salvatur tagħna, u bqajt dejjem Verġni, inti r-Reġina tad-dinja, kif tassew jixraqlek tkun.
Il-Messija u l-Prekursur tiegħu
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija O Marija, li nissilt lil Kristu, Sidna u Salvatur tagħna, u bqajt dejjem Verġni, inti r-Reġina tad-dinja, kif tassew jixraqlek tkun.
PREĊI
Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:
Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.
Xemx tal-ġustizzja, qablek feġġet ix-Xebba bla tebgħa bħad-dawl taż-żerniq:
– agħmel li ngħixu dejjem fid-dawl taż-żjara tiegħek.
Verb etern, int għażilt lil Marija biex tgħammar fiha bħal f’arka li ma titħassarx:
– eħlisna mit-taħsir tad-dnub.
Salvatur tagħna, int kellek lil Ommok wieqfa ħdejk taħt is-salib:
– bit-talb tagħha agħtina li nissieħbu ferħana fi tbatijietek..
Ġesu’ l-aktar twajjeb, minn fuq is-salib int tajt lil Marija b’omm Ġwanni:
– agħmel li bil-ħajja tagħna mingħarfu b’uliedha.
Missierna, eċċ.
Talba
O Alla, int ridt li Omm Ibnek tkun Ommna wkoll u Sultana tagħna; fit-tjieba tiegħek, agħtina l-għajnuna tat-talb tagħha, biex niksbu l-glorja ta’ wliedek fis-saltna tas-sema. B’Ibnek.
It-II Għasar
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Nersqu lejk, Sultana ħelwa
tas-smewwiet, biex isserraħna
u minn fuqna tneħħi t-toqol
tad-dnubiet li qed jagħfsuna.
Agħti widen għat-talb tagħna,
o Marija, bieb il-ħajja,
int li raddejtilna t-tama
li bil-ħtija t’Eva tlifna.
Permezz tiegħek, o Sultana,
jitla’ talbna quddiem Alla,
ħa naqilgħu ż-żmien it-tajjeb
għall-frott xieraq tal-indiema.
Verġni mqaddsa, b’qalb qawwija
lejk induru u lilek ngħajtu:
int il-medjatriċi tagħna
b’sehem mill-grazzja t’Ibnek waħdu.
Ħajja, ħlewwa u tama tagħna,
bik, fit-tmiem ta’ dan l-eżilju,
nidħlu f’art il-wegħda mbierka,
fil-mistrieħ tassew, għal dejjem.
Kull tifħir u sebh jingħata
lill-Missier, lil Kristu Ibnek,
u l-Ispirtu, li bi glorja
ta’ bla tmiem żejnuk fis-sema. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. (Ż.Għ. hallelujah).
Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa
Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).
Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!
Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.
Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. (Ż.Għ. hallelujah).
Ant. 2 Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek. (Ż.Għ. hallelujah).
Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej
Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).
Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.
Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.
Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.
Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 2 Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek. (Ż.Għ. hallelujah).
Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. (Ż.Għ. hallelujah).
Kantiku (Efesin 1: 3-10)
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;
iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,
skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:
hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:
jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. (Ż.Għ. hallelujah).
LEZZJONI QASIRA (Galatin 4: 4-5)
Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.
RESPONSORJU QASIR
R. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja: * Il-Mulej miegħek. Sliem.
V. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej
miegħek. Glorja. Sliem.
Ant. tal-kant. ta’ Marija Hienja int, Verġni Marija, għax emmint dak kollu li l-Mulej bagħat igħidlek: issa qiegħda ssaltan ma’ Kristu għal dejjem.
Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. tal-kant. ta’ Marija Hienja int, Verġni Marija, għax emmint dak kollu li l-Mulej bagħat igħidlek: issa qiegħda ssaltan ma’ Kristu għal dejjem.
PREĊI
Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:
– ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.
Int, li tajtna lil Marija bħala Ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-
imnikktin, aħfer lill-midinbin:
– agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.
Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:
– ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.
Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda fl-imħabba:
– agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija Omm Ġesu’.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.
Missierna, eċċ.
Talba
O Alla, int ridt li Omm Ibnek tkun Ommna wkoll u Sultana tagħna; fit-tjieba tiegħek, agħtina l-għajnuna tat-talb tagħha, biex niksbu l-glorja ta’ wliedek fis-saltna tas-sema. B’Ibnek.
Wara t-Talba tal-egħluq il-jum, xieraq li tingħad l-ant. Is-Sliem, o Sultana …