Dokument PDF: Uffiċċju 7.6 Il-15 t’Awwissu – Marija Mtellgħa s-Sema
Dokument WORD: Uffiċċju 7.6 Il-15 t’Awwissu – Marija Mtellgħa s-Sema
15 TA’ AWWISSU
Solennita’ ta’
IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA
L-I Għasar
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Hena tad-dinja, kewkba ta’ filgħodu,
li ġibt ix-Xemx u wlidt lil dak li ħalqek,
midd idek ħelwa biex terfagħna u tgħinna,
Verġni Marija.
Inti s-sellum li jgħaqqad l-art mas-sema,
ittella’ quddiem Alla t-talb ta’ wliedek,
u qatt ma tieqaf tniżżel fuqna d-doni
tal-grazzja tiegħu.
Il-qtajja’ mbierka tas-smewwiet jifirħu
mal-ġemgħa tal-profeti u tal-appostli,
għax inti waħdek stħaqqlek wara Alla
il-ġieh ewlieni.
Glorja u tifħir lit-Trinita’ ta’ dejjem,
li lilek, Verġni, żejnet bil-kuruna,
u tatna fik sultana u omm ħanina
li tieħu ħsiebna. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Kristu tela’ fl-ogħla smewwiet, u ħejja għall-Omm safja tiegħu post fil-ħajja ta’ dejjem, hallelujah.
Salm 112
Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.
Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħal Mulej, Alla tagħna, †
li qiegħed fil-għoli? *
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet
u lejn l-art.
Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu, *
mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *
jagħmilha omm ferħana b’uliedha.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Kristu tela’ fl-ogħla smewwiet, u ħejja għall-Omm safja tiegħu post fil-ħajja ta’ dejjem, hallelujah.
Ant. 2 Eva għalqet bieb is-sema għal kulħadd; Marija Verġni fetħitu mill-ġdid għalina, hallelujah.
Salm 147
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *
faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *
u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
Jibgħat is-silġ bħas-suf; *
ixerred bħar-rmied il-ġlata,
Jitfa’ s-silġ bħall-frak tal-ħobż; *
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
Isemma’ kelmtu, u jinħall is-silġ, *
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 2 Eva għalqet bieb is-sema għal kulħadd; Marija Verġni fetħitu mill-ġdid għalina, hallelujah.
Ant. 3 Il-Mulej refa’ lil Marija Verġni fil-għoli tas-smewwiet kollha; ngħollu bit-tifħir lil Kristu s-Sultan, li s-saltna tiegħu għal dejjem, hallelujah.
Kantiku (Ef 1: 3-10)
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;
iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,
skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:
hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:
jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Il-Mulej refa’ lil Marija Verġni fil-għoli tas-smewwiet kollha; ngħollu bit-tifħir lil Kristu s-Sultan, li s-saltna tiegħu għal dejjem, hallelujah.
LEZZJONI QASIRA (Rum 8: 30)
Lil dawk li Alla ippredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.
RESPONSORJU QASIR
R. Marija ġiet imtellgħa fis-sema. * Jifirħu l-anġli. Marija.
V. Ifaħħru u jbierku lill-Mulej. * Jifirħul-anġli. Glorja. Marija.
Ant. tal-kant. ta’ Marija Kull nisel isejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar, hallelujah.
Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. tal-kant. ta’ Marija Kull nisel isejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar, hallelujah.
PREĊI
Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
Int għamilt lil Marija omm kollha ħniena:
– agħmel li dawk kollha li jinsabu fil-periklu jħossu l-ħlewwa tal-għożża tagħha ta’ omm.
Int, ridt li Marija tkun l-omm tal-familja fid-dar ta’ Ġesu’ u Ġużeppi:
– bit-talb tagħha għin lill-ommijiet kollha biex iħeġġu l-imħabba u l-qdusija fil-familji tagħhom.
Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek, u fil-qawwmien tiegħu
mlejtha bil-ferħ:
– għin lill-bnedmin kollha fil-hemm tagħhom u wettaqhom fit-tama.
Int dawwalt lil Marija biex iżomm kelmtek fi ħsiebha u għamiltha qaddejja fidila tiegħek:
– bit-talb tagħha agħtina l-grazzja li naqdu lil Ibnek u nkunu dixxipli tiegħu.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.
Missierna, eċċ.
Talba
O Alla, int xħett għajnejk fuq iċ-ċokon tal-Verġni mqaddsa Marija, kabbartha billi tajtha l-grazzja li ssir Omm Ibnek il-waħdieni magħmul bnidem, u llum għollejtha fi glorja tassew tal-għaġeb; agħtina l-għajnuna tat-talb tagħha, biex kif int salvajtna bil-misteru tal-fidwa, hekk ukoll tgħollina fil-glorja tas-sema. B’Ibnek.
Is-sejħa għat-tifħir ’l Alla
V. Mulej, iftaħli xufftejja.
R. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94
Agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum-sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” (Lhud 3,13)
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, *
ngħannulu b’għajat ta ferħ.
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Għax Alla kbir hu l-Mulej, *
sultan kbir fuq l-allat kollha,
F’idejh huma l-qigħan tal-art, *
tiegħu huma l-qċaċet ta’l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna, *
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bhal dak inhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
u jien għidt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Naduraw lis-Sultan tas-slaten, li llum l-Omm Verġni tiegħu ġiet imtellgħa fis-sema.
Minflok is-salm 94 jista’ jingħad is-salm 99, jew 66, jew 23; f’dan il-każ, jekk is-salm li jintgħażel jinzerta wkoll f’parti oħra ta’ l-Uffiċċju tal-ġurnata, minfloku f’dik l-istess parti jingħad is-salm 94.
L-Uffiċċju tal-qari
INNU
Sliem għalik li tielgħa s-sema
bħal żerniq ta’ ġmiel li jsaħħar,
qisek xemx fil-glorja tagħha,
jew bħal qamar kollu bjuda!
Omm il-Verb, li kien imnissel
qabel sbiħ il-jum tal-ħlejjaq,
inti qgħadt illum sultana
fuq tron għoli maġenb Ibnek.
Għax hu tellgħek fuq il-qtajja’
tas-smewwiet, fuq l-anġli kollha;
waħdek, mara, sbaqt kull mertu
tal-erwieħ mażgħula t’Alla.
Issa ’l dak li ġibt fi ħdanek,
u meddejtu fuq maxtura,
qed tarah bla star fil-glorja
tal-Missier, Sultan ta’ kollox.
Verġni u Omm ħanina, idħol
għal uliedek quddiem Ibnek,
li sar minnek bniedem bħalna
sabiex jagħmel lilna bħalu.
Niżżu ħajr, infaħħru u nqimu
lill-Missier u ’l Kristu Ibnu,
li bl-Ispirtu sawbu fuqek
l-aqwa ġieh fis-saltna mbierka. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Qum, Verġni Sultana! Int jistħoqqlok ġieh bla tmiem: itla’ fil-palazz glorjuż tas-Sultan ta’ dejjem.
Salm 23
Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.
Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej, *
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka minn għand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.
Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.
Intrefgħu, bibien,
infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Qum, Verġni Sultana! Int jistħoqqlok ġieh bla tmiem: itla’ fil-palazz glorjuż tas-Sultan ta’ dejjem.
Ant. 2 Għażilha l-Mulej, u ħatarha fost kulħadd; daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu.
Salm 45
Kenn u qawwa hu Alla għalina, *
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *
jew jiġġarfu l-muntanji f’nofs il-baħar;
anqas jekk jgħajtu u jogħlew ilmijietu, *
jew jitheżżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakab!
Hemm xmara li s-swieqi tagħha
jferrħu l-belt ta’ Alla, *
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx; *
igħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *
iddewbet l-art, malli semma’ leħnu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!
Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, *
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art.
Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †
l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *
jaħraq it-tarka bin-nar, u jgħid:
“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *
għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!”
Il-Mulej tal-eżerċti magħna, *
fortizza għalina Alla ta’ Ġakob!
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 2 Għażilha l-Mulej, u ħatarha fost kulħadd; daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu.
Ant. 3 Ħwejjeġ sbieħ igħid Alla fuqek, Verġni Marija.
Salm 86
Il-Mulej bena ‘l Sijon *
fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha *
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.
O belt ta’ Alla, *
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *
ma’ dawk li jagħrfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *
dawn twieldu hemm!”
U għal Sijon jingħad: *
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu *
iwettaqha f’postha.”
Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu, *
dawk kollha li jgħammru fik.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Ħwejjeġ sbieħ igħid Alla fuqek, Verġni Marija.
V. Hienja int, Marija, li emmint lill-Mulej.
R. Seħħ tassew dak kollu li qallek.
LEZZJONI 1 (Ef 1: 16-2: 10)
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Alla qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesu’
Ħuti: Ma nixba’ qatt niżżi ħajr lil Alla minħabba fikom u niftakar fikom fit-talb tiegħi. Ħalli Alla ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf li jirrivelalkom il-fidi biex tagħarfuha u jdawlilkom il-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħarfu xinhi t-tama tas-sejħa tagħkom, xinhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu. Tagħarfu xinhu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skont il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu li ħaddem fi Kristu, meta qajmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, ‘il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, ‘il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej. Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.
Intom kontu mejtin bi dnubietkom u ħtijietkom, skont il-prinċipji ta’ din id-dinja, skont il-kap tas-saltna tal-ajru, tal-ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux … Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta’ ġisimna; konna nagħmlu l-opri tar-rieda tal-ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin.
Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu, – bi grazzja intom salvi! – Qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesu’, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin il-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesu’.
Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.
RESPONSORJU (Lq 1: 28)
R. Il-Verġni Marija, kollha ġmiel u sbuħija, ħalliet id-dinja u marret għand Kristu. * Hija tiddi bħal xemx qawwija fost il-qtajja’ tal-qaddisin fis-sema.
V. Jifirħu l-anġli bil-Verġni Marija, igħannulha bil-ferħ l-arkanġli. * Hija tiddi bħal xemx qawwija fost il-qtajja’ tal-qaddisin fis-sema.
LEZZJONI II
Qari mill-Kostituzzjoni Appostolika ‘Alla, li jqassam id-doni b’idejh miftuħa,’ tal-Papa Piju Tnax.
Ġismek qaddis u wisq glorjuż
Missirijiet il-Knisja u l-għorrief kbar tagħha, fl-omeliji u t-talb tagħhom f’jum il-festa tat-tlugħ fis-sema tal-Verġni Marija, jitkellmu fuq dan il-misteru bħala verita’ magħrufa minn dejjem u milqugħa mill-insara kollha. Huma jgħarblu dan il-misteru u juru t-tifsir tiegħu hekk li aħna nifhmu malajr li din il-festa mhux biss tfakkar li l-ġisem mejjet tal-Verġni Marija qatt ma ra t-taħsir tal-qabar, imma tfisser ukoll li Marija kisbet rebħa sħiħa fuq il-mewt, u għalhekk ġiet mgħollija għall-glorja tas-sema, glorja bħal tal-Iben il-waħdieni tagħha.
Għalhekk San Ġwann Damaxxenu, li hu l-aqwa wieħed fost dawk kollha li fissru dan il-misteru, huwa u jqabbel it-tlugħ glorjiuż tal-Omm ta’ Alla fis-sema mal-privileġġi u l-grazzji l-oħra kollha li bihom kienet imżejna, bi kliem tassew li jqanqal, igħid : ‘’Kien jeħtieġ li dik li fit-twelid ta’ Binha żammet bla mittiefsa xbubitha, wara mewtha żżomm bla mittiefes ġisimha. Kien jeħtieġ li dik li ġabet fi ħdanha bħala Binha ‘l Dak li ħalaq kollox, ikollha l-għamara tagħha ma’ Alla. Kien jeħtieġ li l-għarusa li l-Missier għażel għalih tgħammar għal dejjem f’kamartu. Kien jeħtieġ li dik li rat lil Binha msallab, li dak in-nhar nifdilha qalbha s-sejf tan-niket li ma niffdilhiex fi twelidu, tarah ukoll fil-lemin tal-Missier. Kien jeħtieġ li l-Omm ta’ Alla, ikollha dak kollu li hu ta’ Binha, u tkun miqjuma mill-ħlejjaq kollha Omm Alla u qaddejja tiegħu.’’
San Ġermanu ta’ Kostantinopli kien jaħseb li l-ġisem tal-Verġni Omm Alla ma rax it-taħsir tal-qabar u ġie mtellgħa fis-sema, għaliex dan kien jixraq mhux biss għax Marija kienet Omm Alla, imma wkoll minħabba fil-qdusija speċjali tagħha, għaliex bħala verġni ġisimha qatt ma ttiefes : ‘‘Int, kif inhu miktub, int kollok ġmiel u l-ġisem tiegħek ta’ verġni hu qaddis u safi, għamara kollu kemm hu ta’ Alla, tant li minħabba f’hekk ukoll ma kellux jerġa’ jsir trab; baqa’ ġisem ta’ bniedma imma tbiddel għax kiseb id-don tal-ħajja li ma tintemm qatt; baqa’ l-istess ġisem imma ħaj u glorjuż, ħieles minn kull ħsara u mogħni b’ħajja li ma għandha ebda nuqqas.’’
Kittieb ieħor tal-ewwel żminijiet tal-Knisja jgħid: “Għaliex Marija hi l-Omm glorjuża ta’ Kristu, Alla u Salvatur tagħna, li jagħti l-ħajja bla tmiem, hu tana l-ħajja mill-ġdid u n-nuqqas ta’ taħsir f’ġisimha għal dejjem miegħu, hu li qajjimha mill-qabar u tellagħha (miegħu fis-sema).
Dawn l-argumenti kollha ta’ dawn il-Missirijiet qaddisa, fl-aħħar mill-aħħar huma mibnija fuq dak li nsibu fl-Iskrittura li turina l-Verġni Omm Alla Marija dejjem marbuta ma’ Binha Ġesu’ b’mod li taqsam miegħu xortih f’kollox.
Ta’ min jiftakar ukoll li mit-tieni mitt sena ’l hawn, Missirijiet il-Knisja dejjem qisu l-Verġni Marija Eva ġdida, marbuta b’rabta liema bħala mat-tieni Adam, għalkemm mhux daqsu, fil-ġlieda tiegħu kontra l-għadu tal-infern, ġlieda li, kif tħabbar taħt xbihat fil-ġenna tal-art, kellha twassal għar-rebħa sħiħa fuq il-mewt u d-dnub, iż-żewġ għedewwa tagħna li fil-kitba tal-Appostlu tal-ġnus huma dejjem marbutin ma’ xulxin. Kif il-qawmien glorjuż ta’ Kristu mill-mewt kien l-aħħar u l-aqwa ġrajja li biha seħħet għal kollox din ir-rebħa, hekk il-ġlieda li fiha l-Verġni Marija ssieħbet ma’ Binha kellha tentemm għaliha bil-gloriofikazzjoni ta’ ġisimha, kif jgħid l-Appostlu: Meta dak li jmut jilbes l-immortalita’, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Imbelgħet il-mewt fir-rebħa.”
Għalhekk il-kbira Omm Alla Marija, sa minn dejjem ta’ dejjem kienet marbuta b’mod tassew tal-għaġeb ma’ Binha Ġesu’ b’digriet wieħed tal-providenza ta’ Alla; bla tebgħa fit-tnissil tagħha, xebba bla mittiefsa u Omm Alla fl-istess waqt, sieħba minn qalbha tal-Feddej fir-rebħa sħiħa tiegħu fuq id-dnub u fuq dak kollu li d-dnub iġib miegħu, hi kisbet ġieh liema bħalu, ġieh li qisu jgħaqqad fih u jinseġ flimkien b’mod tal-għaġeb il-privileġġi kollha tagħha; kisbet il-ġieh li ġisimha ma jarax it-taħsir tal-qabar, għaliex kif Binha ħareġ rebbieħ fuq il-mewt, hekk hi wkoll kellha toħroġ rebbieħa fuq il-mewt u tiġi mtellgħa fil-glorja tas-smewwiet bir-ruħ u l-ġisem biex toqgħod bħala Sultana fuq il-lemin ta’ Binha, is-Sultan taż-żminijiet kollha, is-Sultan ta’ dejjem.
RESPONSORJU
R. F’dan il-jum hekk glorjuż il-Verġni Omm Alla ġiet imtellgħa fis-sema. Infaħħruha flimkien u ngħidulha: * Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.
V. Hienja int, Verġni mqaddsa Marija, u jistħoqqlok tassew kull tifħir, għax bik feġġ Kristu Alla tagħna, ix-Xemx tal-ġustizzja. * Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.
Lilek, O Alla, infaħħru
Lilek, o Alla, infaħħru; * lilek b’Mulej nistqarru.
Lilek, Missier ta’ dejjem * id-dinja kollha tqimek.
Lilek, l-anġli kollha, *
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom.
Lilek il-kerubini u s-serafini *
ixandruk bla heda:
Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija *
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Lilek tfaħħar *
il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
Lilek ifaħħar *
il-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru *
il-qtajja tal-Martri rebbieħa kollhom bjuda.
Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistarr fik:
il-Missier * ta’ kobor bla qjies;
l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni;
u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur.
Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem * Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem, *
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.
Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.
Ahna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li inti fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.
(+) Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *
bierek lill-wirt tiegħek.
Kun ir-ragħaj tagħhom, *
erfagħhom għal dejjem.
Min jum għall-iehor * aħna nberkuk:
u nfaħħru ismek għal dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem.
Agħmel, Mulej, li llum *
inħarsu ruħna minn kull dnub.
Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.
Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
kif fik hi t-tama tagħna.
Fik, Mulej, jien nistkenn: *
ma jkolli qatt għax ninfixel.
(+) Din l-aħħar taqsima tal-innu tista’ titħalla barra.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek.
Inbierku l-Mulej.
R. Inroddu ħajr lil Alla.
It-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Kemm tiddi llum fid-dawl ta’ ġmielek, Verġni
bix-xemx imlibbsa, tiegħla lejn is-sema,
bi tnax-il kewkba ta’ deheb fin fuq rasek,
u l-qamar taħtek!
Għelibt il-mewt, l-infern u d-dnub, o safja,
u qgħadt ħdejn Kristu, l-avukata tagħna,
mogħnija b’qawwa u setgħa ta’ sultana
tal-art u s-sema.
Ħares, Marija, lin-ngħaġ tal-merħla mqaddsa,
daħħal lill-mifrudin fil-għaqda tagħha,
eħles minn dell il-mewt u ġib fi ħdanha
lill-ġnus imbiegħda.
Jaqilgħu bik il-maħfra l-ħatja kollha,
farraġ lill-imnikktin, lill-foqra u l-morda,
u, fit-taħbit tal-ħajja, kun it-tama
tas-salvazzjoni.
Glorja u tifħir lit-Trinita’ ta’ dejjem,
li lilek, Verġni, żejnet bil-kuruna,
u tatna fik sultana u omm ħanina
li tieħu ħsiebna. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.
Salm 62 (63): 2-9
Ir-ruħ għatxana għall-Mulej
Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad għemejjel il-lejl.
Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.
Ant. 2 Il-Mulej għolla lil Marija Verġni fuq il-qtajja’ tal-anġli; jifirħu l-fidili kollha, u jbierku lil Alla.
Kantiku (Dan 3: 57-88.56)
Il-ħlejjaq kollha jfaħħru l-Mulej
Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja tiegħu kollha (Apok 19,5).
Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.
Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.
Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.
Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.
Ant. 2 Il-Mulej għolla lil Marija Verġni fuq il-qtajja’ ta’ l-anġli; jifirħu l-fidili kollha, u jbierku lil Alla.
Ant. 3 Il-Mulej kabbarlek ismek, hekk li l-bnedmin qatt ma jieqfu jfaħħruk.
Salm 149
Il-hena tal-qaddisin
Ulied il-Knisja, ulied il-poplu l-ġdid, jithennew bis-Sultan tagħhom, jithennew bi Kristu (Esikju).
Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.
Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieh għall-ħbieb tiegħu kollha.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Il-Mulej kabbarlek ismek, hekk li l-bnedmin qatt ma jieqfu jfaħħruk.
LEZZJONI QASIRA (Iż 61: 10)
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-gustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
RESPONSORJU QASIR
R. Illum il-Verġni Marija, * Ġie mtellgħa fis-sema. Illum.
V. Rebbieħa ma’ Kristu għal dejjem. * Ġie mtellgħa fis-sema. Glorja. Illum.
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Kollha ġmiel u sbuħija l-Verġni bint Ġerusalemm, tielgħa glorjuża qisha x-xemx fiż-żerniq.
Il-Messija u l-Prekursur tiegħu
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Kollha ġmiel u sbuħija l-Verġni bint Ġerusalemm, tielgħa glorjuża qisha x-xemx fiż-żerniq.
PREĊI
Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:
Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
Verb etern, int għażilt lil Marija biex tgħammar fiha bħal f’arka li ma titħassarx:
– eħlisna mit-taħsir tad-dnub.
Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed
qaddisa u santwarju tal-Ispirtu s-Santu:
– agħmilna tempju li fih igħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.
Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-
ġisem:
– agħatina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.
Sid is-sema u l-art, int qegħidt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek:
– agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.
Missierna, eċċ.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija Omm Ibnek: agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek.
It-Talb ta’ nofs il-jum
Samodija Komplementari, imma jekk jaħbat il-Ħadd, jingħadu s-salmi tal-Ħadd tal-I ġimgħa. Minflok is-salm 121 jista’ jingħad is-salm 128, u minflok is-salm 126 jista’ jingħad is-salm 130.
SALMODIJA KUMPLEMENTARI
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Spirtu s-Santu, li int Alla
wieħed mal-Missier u l-Iben,
ejja xxerred ġewwa fina,
ħalli bik ilkoll timliena.
Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,
nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;
int kebbisna b’nar imħabbtek,
u nxerduh fl-oħrajn madwarna.
Kun id-dawl li jtina l-għarfa
tal-Missier u l-Iben tiegħu;
żomm qawwija l-fidi tagħna
fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.
Ant. Għolejt bħal ċedru fuq il-Lebanon, Verġni Marija, bħal ċipressa fuq il-muntanja Ħermon.
Salm 119 (120)
Ix-xewqa tal-paċi
Kunu kollkom sabar fil-hemm, itolbu bla waqfien (Rum 12, 12)
Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *
u hu weġibni.
Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *
u mill-ilsna qarrieqa.
X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *
ilsien qarrieq?
Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *
u ġamar tal-ġummar.
Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *
li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!
Ili ngħix biżżejjed *
ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.
Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *
insibhom lesti għall-ġlied.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Salm 120 (121)
Il-Mulej iħares il-poplu
Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma (Apok 7,16).
Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.
Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.
Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.
Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Salm 128
Il-poplu fil-hemm iġedded it-tama
Il-Knisja tgħid x’qiegħda ġġarrab (S. Wistin)
Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *
imma ma rnexxilhomx jegħelbuni.
Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *
raddiet twal bis-swat għamluli.
Imma ġust hu l-Mulej, *
u qatta’ minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.
Ħa jinfixlu u jmorru lura *
dawk kollha li jobgħodu ‘l Sijon.
Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *
li jinxef qabel ma jikber,
li bih il-ħassad ma jimliex idu, *
anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.
U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †
“Il-Barka ta’ Alla fuqkom! *
Inberkukom f’isem il-Mulej!”
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. Għolejt bħal ċedru fuq il-Lebanon, Verġni Marija, bħal ċipressa fuq il-muntanja Ħermon.
LEZZJONI QASIRA (Ġudit 13: 22. 23b (Vg))
Bierkek il-Mulej bil-qawwa tiegħu, għax bik ġieb fix-xejn l-għedewwa tagħna. Imbierka int, binti, mill-Mulej Alla l-Għoli, aktar min-nisa kollha tal-art.
V. Marija ġiet imtellgħa fis-sema: jifirħu l-anġli.
R. Ifaħħru u jbierku lill-Mulej.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija, Omm Ibnek: agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjaġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. Bi Kristu Sidna.
Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.
F’Nofsinhar
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Mexxej qawwi, Alla veru,
Inti kollox tqassam sewwa:
jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;
f’nofsu żżejnu b’dawl iħeġġeġ.
Iżda itfi l-għadab fina,
taffi s-sħana ta’ kull deni,
agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,
ġib is-sliem tassew fi qlubna.
Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.
Ant. Bil-ħaqq kollu nistqarruk b’Sultana tas-sema, Marija, li minnek, bħal mill-għamara tiegħu, ħareġ Kristu, ix-Xemx tal-ġustizzja.
Salm 122 (123)
Il-Mulej it-tama tal-poplu
Żewġ għomja … qabdu jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ikollok ħniena minna (Mt 20, 30).
Lejk nerfa’ għajnejja, *
int li tgħammar fis-smewwiet.
Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *
bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *
sa ma jkollu ħniena minna.
Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Salm 123 (124)
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej
Il-Mulej qal lil Pawlu: “La tibżax … għax jiena miegħek (Atti 18, 9-10).
Li ma kienx il-Mulej magħna *
– ħa jgħid hekk Iżrael –
li ma kienx il-Mulej magħna, *
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna, *
meta nxtegħlu bl-għadab għalina.
L-ilma kien jgħarraqna, *
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi *
mewġ ta’ ilma qawwi.
Imbierek il-Mulej, *
li ma telaqniex priża għal snienhom.
Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.
L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Salm 124 (125)
Il-Mulej hu l-ħarsien tal-poplu tiegħu
ls-sliem fuq Iżrael ta’ Alla (Gal 6,16).
Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *
li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *
hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,
minn issa u għal dejjem.
Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena
fuq l-art, wirt il-ġusti, *
biex ma jiġrix li l-ġusti
jmiddu jdejhom għall-ħażen.
Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *
u lil dawk ta’ qalbhom safja.
Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †
jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
Sliem għal Iżrael!
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. Bil-ħaqq kollu nistqarruk b’Sultana tas-sema, Marija, li minnek, bħal mill-għamara tiegħu, ħareġ Kristu, ix-Xemx tal-ġustizzja.
LEZZJONI QASIRA (Apok 12: 1)
Deher sinjal kbir fis-sema: mara liebsa x-xemx bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.
V. L-Omm qaddisa ta’ Alla ġiet imtellgħa fil-għoli.
R. Fuq il-qtajja’ tal-anġli fis-saltna tas-sema.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija, Omm Ibnek: agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjaġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. Bi Kristu Sidna.
Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Alla, int, li fik innifsek
m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:
lil kull siegħa tal-ġurnata
tqis id-dawl li jkun imissha.
Ibagħtilna lejla tajba,
fejn il-ħajja qatt ma tonqos,
imma tersaq lejn il-glorja,
li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.
Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.
Ant. L-omm qaddisa ta’ Alla ġiet imtellgħa fil-għoli fuq il-qtajja’ tal-anġli fis-saltna tas-sema.
Salm 125 (126)
Ferħ u hena fil-Mulej
Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ tagħna (2Kor 1,7).
Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna, *
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.
Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *
U aħna bil-ferħ imtlejna.
Biddel, Mulej, xortina, *
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.
Huma u sejrin, imorru jibku, *
jġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *
iġorru l-qatet f’idejhom.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Salm 130
Tama sħiħa fil-Mulej
Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11, 29).
Mulej, ma tkabbritx qalbi, *
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.
Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma, *
hekk hi ruħi ġewwa fija.
Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Salm 127 (128)
Is-sliem tad-dar fil-Mulej
“Ibierkek il-Mulej minn Sijon”, jiġifieri, mill-Knisja tiegħu (Arnobju).
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela *
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *
madwar il-mejda tiegħek.
Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! *
Sliem għal Iżrael!
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. L-omm qaddisa ta’ Alla ġiet imtellgħa fil-għoli fuq il-qtajja’ tal-anġli fis-saltna tas-sema.
LEZZJONI QASIRA (2 Kor 5: 1)
Aħna nafu li, jekk it-tinda li għandna fl-art tintemm, Alla tana dar għal dejjem fis-sema, dar li ma għamluhiex l-idejn tal-bnedmin.
V. Marija Verġni ġiet imtellgħa fil-għoli tas-smewwiet.
R. Fejn is-Sultan tas-slaten qiegħed fuq it-tron tiegħu, imdawwar bil-kwiekeb.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija, Omm Ibnek: agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjaġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. Bi Kristu Sidna.
Inbierku l-Mulej
R. Inroddu ħajr lil Alla.
It-II Għasar
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Hena tad-dinja, kewkba ta’ filgħodu,
li ġibt ix-Xemx u wlidt lil dak li ħalqek,
midd idek ħelwa biex terfagħna u tgħinna,
Verġni Marija.
Inti s-sellum li jgħaqqad l-art mas-sema,
ittella’ quddiem Alla t-talb ta’ wliedek,
u qatt ma tieqaf tniżżel fuqna d-doni
tal-grazzja tiegħu.
Il-qtajja’ mbierka tas-smewwiet jifirħu
mal-ġemgħa tal-profeti u tal-appostli,
għax inti waħdek stħaqqlek wara Alla
il-ġieh ewlieni.
Glorja u tifħir lit-Trinita’ ta’ dejjem,
li lilek, Verġni, żejnet bil-kuruna,
u tatna fik sultana u omm ħanina
li tieħu ħsiebna. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1 Marija ġiet imtellgħa fis-sema: jifirħu l-anġli, ifaħħru u jbierku lill-Mulej.
Salm 121 (122)
Ġerusalemm, il-belt qaddisa
Intom esraqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema (Lhud 12,22).
Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm!
Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David.
Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 1 Marija ġiet imtellgħa fis-sema: jifirħu l-anġli, ifaħħru u jbierku lill-Mulej.
Ant. 2 Marija Verġni giet imtellgħa fil-għoli tas-smewwiet, fejn is-Sultan tas-slaten qiegħed fuq it-tron tiegħu, imdawwar bil-kwiekeb.
Salm 126 (127)
Fieragħ kull taħbit mingħajr il-Mulej
Intom il-bini ta’ Alla (1Kor 3,9).
Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar l-għassies.
Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija; *
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.
Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.
Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa’
mal-għedewwa f’bieb il-belt.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 2 Marija Verġni giet imtellgħa fil-għoli tas-smewwiet, fejn is-Sultan tas-slaten qiegħed fuq it-tron tiegħu, imdawwar bil-kwiekeb.
Ant. 3 Imbierka int mill-Mulej, o Verġni, għax bis-saħħa tiegħek ħadna sehem mill-frott tal-ħajja.
Kantiku (Ef 1: 3-10)
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba;
iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu, *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,
skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:
hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:
jiġifieri li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. 3 Imbierka int mill-Mulej, o Verġni, għax bis-saħħa tiegħek ħadna sehem mill-frott tal-ħajja.
LEZZJONI QASIRA (1 Kor 15: 22-23)
Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu.
RESPONSORJU QASIR
R. Marija Verġni imtellgħa fil-għoli, * Fuq il-qtajja’ tal-anġli. Marija.
V. Imbierek il-Mulej, li għollieha. * Fuq il-qtajja’ tal-anġli. Glorja. Marija.
Ant. tal-kant. ta’ Marija Illum Marija Verġni telgħet fis-sema; ifirħu, għax qiegħda ssaltan ma’ Kristu għal dejjem.
Ir-ruħ tifraħ fil-Mulej
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Aha, s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeg kbar. *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-Ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull gid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna- *
b’rizq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Ant. tal-kant. ta’ Marija Illum Marija Verġni telgħet fis-sema; ifirħu, għax qiegħda ssaltan ma’ Kristu għal dejjem.
PREĊI
Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu.
Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
Jew: Ħares lejn dik li inti mlejtha bil-grazzja, u ismagħna.
Int għamilt lil Marija omm kollha ħniena:
– agħmel li dawk kollha li jinsabu fil-periklu jħossu l-ħlewwa tal-għożża tagħha ta’ omm.
Int, ridt li Marija tkun l-omm tal-familja fid-dar ta’ Ġesu’ u Ġużeppi:
– bit-talb tagħha għin lill-ommijiet kollha biex iħeġġu l-imħabba u l-qdusija fil-familji tagħhom.
Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek, u fil-qawmien tiegħu
mlejtha bil-ferħ:
– għin lill-bnedmin kollha fil-hemm tagħhom u wettaqhom fit-tama.
Int dawwalt lil Marija biex iżomm kelmtek fi ħsiebha u għamiltha qaddejja fidila tiegħek:
– bit-talb tagħha agħtina l-grazzja li naqdu lil Ibnek u nkunu dixxipli tiegħu.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-sema:
– agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fil-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.
Missierna, eċċ.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija, Omm Ibnek: agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjaġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek.
Wara t-Talba ta’ l-egħluq il-jum, xieraq li tingħad l-ant. Is-sliem, o Sultana …