3.2.2 L-għażla tal-prattika perfetta (Para. 118-119)

Dak li jgħix f’din id-devozzjoni fi stat permanenti, hu dak biss li l-ispirtu ta’ Ġesu’ jirrivelalu dan is-sigriet – ir-ruħ tassew fidila li l-Ispirtu stess imexxi għaliha, biex ikun jista’ jgħaddi ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, minn grazzja għal oħra, minn dawl għall-ieħor, sa ma jiġi trasformat f’Ġesu’ Kristu sal-milja ta’ ħajtu fuq l-art u l-glorja tiegħu fis-sema. — San Alwiġi Maria De Montford

1947287118. Imma meta għidt dan kollu, jien bil-qawwa kollha insostni – wara li qrajt kważi l-kotba kollha li jitħaddtu fuq din id-devozzjoni, u wara li tħadditt familjarment fuqha ma’ ħafna studjużi u nies qaddisin taż-żmienna – jien qatt ma sibt jew tgħallimt b’xi devozzjoni lejn il-Madonna bħal din li dalwaqt ngħidilkom għaliex id-devozzjoni li se nirrkmanda:
hija waħda li titlob mir-ruħ aktar sagrifiċċji għal Alla;
li aktar tneżża’ lir-ruħ effettivament minna nfisha u mill-imħabba tagħha nfisha;
li aktar iżżomm lir-ruħ fedelment fil-grazzja, u l-grazzja fir-ruħ;
li tgħaqqad lir-ruħ aktar perfettament u b’aktar ħeffa ma’ Ġesu’ Kristu;
u fl-aħħarnett li aktar tagħti glorja lil Alla, iktar tqaddes lir-ruħ, iktar ta’ għajnuna għall-proxxmu.

119. Billi din id-devozzjoni essenzjalment tikkonsisti fid-disposizzjoni interjuri li hi għandha toħloq, ma tiġix mifhuma minn kulħadd xorta. X’uħud – il-parti l-kbira – ma jifhmux ħlief l-aspett ta’ barra ta’ din id-devozzjoni; waqt li xi ftit, jidħlu fil-verita’ profonda tagħha, imma biss sal-ewwel stadju tagħha. Min jitla’ sat-tieni? U min jirnexxilu jilħaq it-tielet? Fl-aħħarnett min hu dak li jgħix fiha bħala fi stat permanenti? Dak biss li l-ispirtu ta’ Ġesu’ jirrivelalu dan is-sigriet – ir-ruħ tassew fidila li l-Ispirtu stess imexxi għaliha, biex ikun jista’ jgħaddi ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, minn grazzja għal oħra, minn dawl għall-ieħor, sa ma jiġi trasformat f’Ġesu’ Kristu sal-milja ta’ ħajtu fuq l-art u l-glorja tiegħu fis-sema.

4 KAPITLU – In-natura tad-Devozzjoni perfetta lejn il-Verġni Mbierka jew il-Konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu (Para. 120)

Aktar ma nkunu kkonsagrati lil Marija, aktar inkunu perfettament maqgħudin ma’ Ġesu’ Kristu. — San Alwiġi Maria De Montford

4

120. Ladarba l-perfezzjoni tagħna tikkonsisti filli nkunu nixbħu, maqgħudin, u kkonsagrati lil Ġesu’ Kristu, l-aktar perfetta fost id-devozzjonijiet, hi bla dubju, dik li l-aktar perfettament ixxebbaħna, tgħaqqadna u tikkonsagrana ma’ dal-mudell perfett tal-qdusija. Issa la darba Marija, hi fost il-krejaturi kollha l-aktar li tixbaħ lil Ġesu’ Kristu, jirriżulta li fost id-devozzjonijiet kollha, dik li tikkonsagrana u xxebbaħna l-aħjar mas-Sinjur Tagħna, hi d-devozzjoni lejn il-Madonna, l-Imqaddsa Ommu; u li aktar ma nkunuu kkonsagrati lil Marija, aktar inkunu perfettament maqgħudin ma’ Ġesu’ Kristu.

Għalhekk l-aktar konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu, mhix ħaġ’oħra ħlief konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lil Verġni Marija – id-devozzjoni li jien nirrikmanda; jew fi kliem ieħor tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija Mqaddsa.

4.1 Konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lill-Verġni Mbierka (Para. 121-125)

Nagħtu l-merti tagħna lil Marija biex Hi tikkonservahom, tkabbarhom u ssebbaħhom kif naraw aktar ‘il quddiem. Nagħtuha s-sodisfazzjonijiet tagħna, biex Hi tgħaddihom lil min jidhrilha Hi, u għall-aktar glorja t’Alla. — San Alwiġi Maria De Montford

27750806_1971135603206187_1948910802928435686_n121. Din id-devozzjoni, mela, tikkonsisti filli nagħtu lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Imqaddsa Verġni Marija, biex permezz tagħha aħna nkunu nistgħu nkunu kollna kemm aħna ta’ Ġesu’. Aħna għandna nagħtuha:
(1) Ġisimna bis-sensi u l-membri kollha tiegħu;
(2) Ruħna bis-setgħat kollha tagħha;
(3) Il-ġid materjali li għandna u dak li nistgħu nakkwistaw;
(4) Il-ġid interjuri u spiritwali – il-merti tagħna, il-virtujiet tagħna u l-opri tajba tagħna, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej; fil-qasir dak kollu li għandna fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u dak li qatt jista’ jkun tagħna, fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u fl-ordni tal-glorja – u dan mingħajr l-ebda riserva, lanqas tal-iċken opra tajba; u għall-eternita’ kollha. Meta nagħmlu hekk, m’għandniex nippretendu jew nistennew, għall-offerta u x-xogħol tagħna, ebda ħlas, ħlief dak il-ġieh li aħna ta’ Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija u f’Marija, ma nħallux lilna nfusna niġu konxjament influwenzati mill-fatt li hi dejjem l-aktar liberali u l-aktar grata fost il-kreaturi.

122. F’dan l-istadju, ta’ min jinnota, illi hemm żewġ aspetti ta’ kull opra tajba li nagħmlu:
(i) is-sodisfazzjon u
(ii) il-mertu.
Fi kliem ieħor, il-valur li jissodisfa jew li qlajt bit-talba, u l-valur meritorju. Il-valur li jissodisfa jew impetratorju ta’ opra tajba, huwa għemil tajjeb meta tikkunsidrah mil-lat ta’ tpattija għall-piena taż-żmien tad-dnub, jew biex taqla’ xi grazzja. Il-valur meritorju, jew mertu ta’ xi opra tajba, hu dak li bih naqilgħu l-grazzja u l-glorja eterna. Issa f’din il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Verġni Mqaddsa, aħna nagħtuha l-valur kollu satisfatorju, impetratorju u meritorju. Dan hu fi kliem ieħor, is-sodisfazzjon u l-mertu tal-opri tajba kollha. Aħna nagħtu dan, mhux biex hi tagħtihom lill-oħrajn. (Ngħiduha kif inhi, il-merti, il-grazzji u l-virtujiet tagħna huma inaljenabbli, jiġifieri jiġu ma jistgħux jiġu mogħtija lill-oħrajn. Ġesu’ Kristu biss, billi ndaħal ta’ rahan għalina mal-Missier seta’ jagħtina l-merti tiegħu). Imma dan nagħmluh biex Hi tikkonservahom, tkabbarhom u ssebbaħhom kif naraw aktar ‘il quddiem. Nagħtuha s-sodisfazzjonijiet tagħna, biex Hi tgħaddihom lil min jidhrilha Hi, u għall-aktar glorja t’Alla.

123. Minn dak li ktibna s’issa naraw (1) illi b’din id-devozzjoni aħna nagħtu lil Ġesu’ Kristu, dak kollu li nistgħu nagħtuh u wisq iżjed minn devozzjonijiet oħra li bihom nagħtuh parti miż-żmien tagħna jew biċċa mill-għemejjel tajba tagħna jew biċċa mit-tpattija u l-mortifikazzjonijiet tagħna. U dak li hu iżjed ikunu nagħmlu dan b’mod l-aktar perfett, jiġifieri minn idejn Marija. Għaliex f’din id-devozzjoni kollox hu ddedikat u mogħti anke d-dritt li niddisponu mill-għemejjel interni tagħna u mit-tpattija li nakkwistaw ta’ kuljum bl-opri tajba tagħna. Din hi ħaġa li mhix magħmula, lanqas fl-Ordnijiet Reliġjużi. Fl-Ordnijiet Reliġjużi l-erwieħ dedikati jagħtu lil Alla l-ġid materjali tagħhom permezz tal-vot tal-faqar, joffru ġisimhom permezz tal-vot tal-kastita’ u r-rieda tagħhom permezz tal-vot tal-ubbidjenza u xi drabi l-liberta’ tal-moviment permezz tal-vot tal-klawsura. Imma huma ma jagħtux il-liberta’ u d-dritt li aħna lkoll għandna li niddisponu mill-valur tal-opri tajba tagħna u lanqas jiċħdu totalment kif jistgħu, dak li bħala Nsara jżommu bħala l-aktar prezzjuż u għażiż, jiġifieri l-merti u t-tpattija tagħhom.

124. (2) Iktar, jirriżulta wkoll li min ikun għamel din id-dedikazzjoni u sagrifiċċju lil Ġesu’ Kristu, permezz ta’ Marija ma jkunx aktar jista’ jiddisponi mill-valur tal-opri tajba tiegħu. Dak kollu li persuna bħal din iġġarrab, kull ħaġa tajba li taħseb, tgħid jew tagħmel tkun ta’ Marija, biex hi tkun tista’ tiddisponi minnu skont ir-rieda ta’ Binha, u għall-akbar glorja tiegħu. Jiftiehem ċar, mela li din id-dipendenza mhi ta’ ebda preġudizzju għall-obbligi tal-istat tal-persuna, la issa u lanqas għal li ġej. Per eżempju, għall-obbligi ta’ saċerdot, li bl-uffiċċju tiegħu jew mingħajru, irid japplika l-valur satisfatorju u impetratorju tal-Quddies għal ruħ partikulari. Dejjem għandna nifhmu li din l-offerta lil Ġesu’ permezz ta’ Marija hi magħmula skont l-ordni t’Alla u dmirijiet tal-istat tagħna.

125. (3) Fl-aħħar jiġi li aħna nikkonsagraw ruħna lil Madonna u ‘l Ġesu’ Kristu flimkien: lill-Verġni Mbierka, bħala mezz perfett li Ġesu’ Kristu għażel biex jingħaqad magħna u jgħaqqad lilna miegħu; u s-Sinjur Tagħna bħala Tmiem tagħna, li lilu nafu kull ma aħna, bħala s-Salvatur u Alla tagħna.

4.2 Tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija (Para. 126-130)

Ladarba l-Konċilju, is-Santi Padri u l-istess esperjenza kollha juru li l-aħjar mezz li tirripara l-infedelta’ tal-insara, hu li tfakkarhom fl-obbligi tal-Magħmudija tagħhom li tmexxihom biex iġeddu l-wegħdiet li għamlu fil-Magħmudija, mhux raġjonevoli li nagħmlu dan issa b’mod perfett, billi nikkonsagraw lilna nfusna kollha kemm aħna lis-Sinjur tagħna permezz t’Ommu l-Imbierka? — San Alwiġi Maria De Montford

bf67d54b1f4b49c7dbb0a5f92376129a126. Jiena diġa’ għidt li din id-devozzjoni tista’ tissejjaħ, kif jixirqilha, tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija Mqaddsa. Qabel tirċievi dan is-Sagrament, kull ruħ kienet ilsiera tad-demonju, għaliex kull ruħ kienet tax-xitan. Imma bil-Magħmudija tiegħu, kull Nisrani, minn jeddu jew permezz tal-parrinjiet, ċaħad solennament lix-xitan, bl-opri u l-pompi tiegħu kollha, hu ħa lil Ġesu’ Kristu bħala l-Imgħallem u l-Mulej Sovran tiegħu, biex jaqdih bħala lsir ta’ mħabba. Issa dan hu preċiżament li jiġri b’din id-devozzjoni; kif jidher ċar mill-formola tal-konsagrazzjoni: aħna niċħdu lix-xitan, lid-dinja, id-dnub, u lilna nfusna u nagħtu lilna nfusna, kollna kemm aħna, lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija. Aħna mmorru anke pass ‘il quddiem. Ordinarjament, fil-Magħmudija, aħna nagħtu lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu biss bil-prokura, jiġifieri permezz tal-parrinijiet, li jitkellmu f’isimna. Imma f’din id-devozzjoni aħna nagħmlu hekk personalment, minn jeddna, u bl-għarfien sħiħ ta’ dak li qegħdin nagħmlu. Fil-Magħmudija aħna ma nagħtux lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija – jew għallinqas ma nagħmlux hekk espliċitament – u ma nagħtux lil Ġesu’ Kristu l-valur tal-opri tajba tagħna, bir-riżultat li wara l-Magħmudija aħna nibqgħu għal kollox ħielsa li napplikaw dan il-valur lil min ikunu rridu jew inżommuh għalina stess; imma b’din id-devozzjoni aħna nagħtu lilna nfusna, espressament lil Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija u nikkonsagrawlu l-valur tal-opri tajba tagħna kollha.

127. Fil-Magħmudija, jgħid San Tumas, il-bnedmin jaħilfu li jiċħdu lix-xitan u l-pompi tiegħu kollha: In Baptismo novent homines abrenuntiare diabolo et pompis ejus. U din il-wegħda, jgħid Santu Wistin, hija l-ikbar u l-aktar meħtieġa: Votum maximum nostrum quo vovimus nos in Christo esse mansuros. Il-Kanonisti jgħidu l-istess: Il-Wegħda ewlenija hi dik li nagħmlu fil-Magħmudija. U b’dan kollu min hu dak li jwettaq perfettament din il-wegħda hekk importanti? Min hu dak li jkompli fedelment il-wegħdiet tal-Magħmudija? Mhux kważi kollha jitradixxu l-fedelta’ li wegħdu lil Ġesu’ Kristu fil-Magħmudija? Mnejn ġejja din id-diżordni jekk mhux milli kulħadd iwarrab dawn il-wegħdiet u bl-obbligi li ndħalna għalihom fil-Magħmudija; u mill-fatt li bilkemm wieħed iġedded b’mod personali l-kuntratt tal-għaqda li bil-prokura tal-parrinjiet għamel lil Alla.

128. Dan tant hu veru, li l-Konċilju ta’ Sens, imsejjaħ mir-Re Lwiġi le Debonnaire, biex jirranġa d-diżordni kbira li kien hemm fost l-insara, stqarr illi l-kawża prinċipali ta’ dak it-taħsir fil-kostumi, kien ġej mill-injoranza tal-obbligi tal-Wegħdiet tal-Magħmudija; u li ma setax isib rimedju aħjar biex jirranġa din il-ħsara kbira, milli jħeġġeġ lill-Insara kollha jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħhom.

129. Il-Katekiżmu tal-Konċilju ta’ Trentu – l-interpretu fidil ta’ dan il-Konċilju Mqaddes – jeżorta l-kappillani biex jużaw dan l-istess metodu, u li jfakkru ta’ spiss lill-fidili li huma marbutin u kkonsagrati lis-Sinjur Tgaħna Ġesu’ Kristu, bħala ilsiera mar-Redentur u l-Mulej tagħhom. Hawn hu l-kliem tal-katekiżmu: Il-Kappillan għandu jeżorta lill-fidili biex ikunu jafu li hija ħaġa sewwa… illi għandna nagħtu lilna nfusna u nikkonsagraw ruħna bħala ilsiera lil Mulej u Feddej tagħna. (Cath. Conc. Trent. 2,19)

130. Issa, ladarba l-Konċilju, is-Santi Padri u l-istess esperjenza kollha juru li l-aħjar mezz li tirripara l-infedelta’ tal-insara, hu li tfakkarhom fl-obbligi tal-Magħmudija tagħhom li tmexxihom biex iġeddu l-wegħdiet li għamlu fil-Magħmudija, mhux raġjonevoli li nagħmlu dan issa b’mod perfett, billi nikkonsagraw lilna nfusna kollha kemm aħna lis-Sinjur tagħna permezz t’Ommu l-Imbierka? Jien ngħid b’mod l-iktar perfett għaliex biex nikkonsagraw lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu, nużaw il-mezz l-aktar perfett, li bih nistgħu nagħmlu dan – il-Verġni l-aktar Imbierka.

4.3 Tweġibiet għal xi oġġezzjonijiet (Para. 131-134)

Hu sewwasew lejn ir-ruħ li tkun għexet sew din id-Devozzjoni li titlob minnha ġenerożita’ totali, li jkunu l-iktar ġenerużi s-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu u Ommu l-Imqaddsa. U dan sew f’dil-ħajja, u sew fl-oħra fl-ordni tan-natura tal-grazzja u tal-glorja. — San Alwiġi Maria De Montford

ta-pinu-painting131. Ma tistax tiġi oġġezzjonata li din id-devozzjoni, hi jew ġdida jew tista’ ma tagħżilhiex. Mhix xi ħaġa ġdida ladarba l-Konċilji, is-Santi Padri u bosta awturi sew antiki kemm moderni jitkellmu minn din il-konsagrazzjoni lis-Sinjur Tagħna fit-tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, bħala ħaġa li kienet ipprattikata mill-Insara sa mill-ewwel żminijiet u li kienet imħeġġa fuq l-Insara kollha; mhix xi ħaġa li tista’ tagħżilha jew le, ladarba l-bidu ta’ kull diżordni li hemm fis-soċjeta’, u konsegwentement tad-dannazzjoni tal-Insara, tista’ ssibu fil-fatt li din il-prattika tiġi mwarrba u għall-attitudni ta’ indifferenza li għandhom lejha.

132. Xi ħadd jista’ joġġezzjona li din id-devozzjoni – li biha aħna nagħtu l-valur ta’ opri tajba kollha tagħna, it-talb, it-tgħakkis, il-karita’, lis-Sinjur Tagħna, mill-idejn tal-Verġni l-aktar Imbierka – tħallina bla saħħa, għall-aħħar, biex ngħinu l-erwieħ ta’ niesna, ta’ ħbiebna u tal-benefatturi tagħna. Jiena nwieġeb l-ewwel li ħadd ma jista’ jissopponi għal mument wieħed li niesna, ħbiebna u l-benefatturi tagħna se jsofru xi telf, bħala riżultat tad-devozzjoni u konsagrazzjoni tagħna nfusna mingħajr riserva, għas-servizz tas-Sinjur Tagħna u tal-Imqaddsa Ommu. Li tissopponi dan tkun qed tagħmel inġustizzja lit-tjubija u s-setgħa ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jafu tajjeb kif jgħinu lil qrabatna, ħbiebna u benefatturi tagħna, mill-ġid fqir spiritwali tagħna jew minn imkejjen oħra.

It-tieni, din id-devozzjoni ma ċċaħħadniex li nitolbu għall-oħrajn, sew ħajjin kif ukoll mejtin, basta l-applikazzjoni tal-opri tajba tagħna jkunu kollha mħollija dipendenti mir-rieda tal-Imqaddsa Verġni. Fil-verita’ jiġri l-kuntrarju: din id-devozzjoni iġġegħelna nitolbu b’fiduċja akbar għall-oħrajn. Immaġina l-każ ta’ wieħed sinjur li biex jonora l-prinċep kbir, jagħtih dak kollu li għandu. Wieħed bħal dan ma jfittixx b’fiduċja akbar, mingħand dan il-prinċep, xi karita’ għal xi ħabib tiegħu li ġie jitolbu xi ħaġa? Ikun ukoll ta’ pjaċir għall-prinċep li jkollu okkażżjoni juri l-gratitudni tiegħu lejn xi ħadd li neża’ kollox, biex ilibbes lilu, li sar tallab biex jonorah. L-istess għandna ngħidu mis-Sinjur Tagħna u mill-Verġni Mqaddsa; huma qatt ma jħallu min jgħaddihom fil-gratitudni.

133. Oġġezzjoni oħra possibli hi: jekk jien nagħti l-valur tal-opri tiegħi kollha lill-Verġni Mqaddsa biex hi tapplikhom lil min jidhrilha, forsi jiena jkolli nsofri għal żmien twil fil-purgatorju. Din l-oġġezzjoni li ġejja mill-imħabba tagħna nfusna u mill-injoranza fuq il-ġenerożita’ t’Alla, tal-Omm Imbierka, tinħall waħidha. Ikkunsidraw dil-kwalita’ ta’ ruħ li għandna f’moħħna kollha fervur u ġenerożita’ dejjem tqiegħed l-interessi t’Alla qabel tagħha; tagħti ‘l Alla dak kollu li għandha, mingħajr riservi, tant li ma baqgħalniex x’tagħti; tixxennaq biss għas-Saltna Ġesu’ Kristu permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa, u tissagrifika ruħha kollha kemm hi biex iġġib ‘il quddiem din is-Saltna. Issa, għiduli – din ir-ruħ tkun ikkastigata fid-dinja l-oħra, sempliċiment għaliex kienet aktar ġeneruża u iktar ma tħobbx lilha nfisha mill-oħrajn? Veru, bil-maqlub! Għaliex kif se naraw aktar ‘il quddiem f’dan il-ktieb, hu sewwasew lejn din ir-ruħ li jkunu l-iktar ġenerużi s-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu u Ommu l-Imqaddsa. U dan sew f’dil-ħajja, u sew fl-oħra fl-ordni tan-natura tal-grazzja u tal-glorja.

134. Issa se naraw, fil-qosor kemm jista’ jkun il-motivi li jirrikmandawlna din id-devozzjoni; l-effetti tal-għaġeb li ġġib fir-ruħ tal-fidili, u l-prattiki ewlenin tagħha.

5 KAPITLU – Il-mottivi li jħajruna nipprattikaw din id-Devozzjoni *** 5.1 Din id-Devozzjoni tpoġġina kollha kemm aħna għas-servizz ta’ Alla (Para. 135-138)

Permezz ta’ din id-Devozzjoni, aħna nneħħu minnha hekk malajr dak is-sens ta’ pussess li jidħol fin fin anke fl-aħjar opri tagħna. It-twajjeb Ġesu’ tagħna jagħtina l-grazzja li neħilsu minn dan bħala premju għall-att erojku u disinterresat, li għamilna meta tajnieh, permezz tal-Madonna l-valur kollu tal-opra tajba tagħna. — San Alwiġi Maria De Montford

e3bc13d83a273d5011ee4ae32df9d707-holy-mary-blessed-mother135. L-ewwel mottiv li jurina l-eċċellenza ta’ din il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lil Ġesu’ Kristu mill-idejn ta’ Marija.

Huwa impossibli li timmaġina fl-art, xogħol aktar nobbli mis-servizz tagħna lil Alla. U għalhekk l-iċken qaddej, hu l-aktar għani, iktar setgħani u iktar nobbli mis-slaten u l-imperaturi kollha ta’ din id-dinja, sakemm dawn ma jkunux huma wkoll qaddejja fidili ta’ Alla. Kemm mela għandu jkun kbir l-għana, is-setgħa u d-dinjita’ tan-Nisrani fidil u perfett, li hu ddedikat għas-servizz t’Alla, kollu kemm hu, u bla riserva ta’ xejn sal-inqas ħaġa li hu u li għandu! Ta’ din ix-xorta hu l-ilsir fidil u maħbub ta’ Ġesu’ u ta’ Marija, li jagħti lilu nnifsu kollu hu għall-qadi ta’ dan is-Sultan tas-Slaten permezz tal-idejn ta’ Ommu l-Imqaddsa. U Ġesu’ ma jżomm assolutament xejn għalih. Hu ikbar mid-deheb kollu tal-art u mis-sbuħija kollha tas-sema, jista’ jħallas.

136. Kongregazzjonijiet oħra, assoċċjazzjonijiet u fratellanzi mwaqqfin f’ġieh is-Sinjur Tagħna u ta’ Ommu l-Imqaddsa, li jagħmlu tant ġid fid-dinja nisranija ma jitolbux li aħna nagħtu kulma għandna mingħajr riserva. Huma jippreskrivu biss, ċerti opri tajba u ċerti prattiki, li meta jagħmluhom il-membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom u huma jħallu l-membri għal kollox ħielsa, għal dawk li huma opri tajba oħra, u l-ħin l-ieħor tagħhom. Imma b’din id-devozzjoni, li qegħdin nirrikmandaw l-ilsir fidil jagħti kollox, mingħajr ma jżomm xejn lil Ġesu’ u lil Marija, il-ħsibijiet tiegħu kollha, kliemu u l-għemejjel u s-sofferenzi ta’ kull mument ta’ ħajtu; biex b’hekk sewwa jekk imqajjem jew rieqed, sewwa jekk jiekol jew jixrob, sewwa jekk qed jagħmel xi xogħol tal-akbar importanza, jew l-iktar xogħol umli, dejjem ikun veru li tgħid li dak li qed jagħmel, anke jekk immexxi biss l-intenzjoni ġenerali tiegħu, ikun ta’ Ġesu’’u ta’ Marija bis-saħħa tal-offerta tiegħu, jekk ma jkunx rtira din l-offerta. X’konsolazzjonijiet tkun din!

137. U dak li hu aktar, m’hemmx prattika oħra, li biha aħna nneħħu minnha hekk malajr dak is-sens ta’ pussess li jidħol fin fin anke fl-aħjar opri tagħna. It-twajjeb Ġesu’ tagħna jagħtina l-grazzja li neħilsu minn dan bħala premju għall-att erojku u disinterresat, li għamilna meta tajnieh, permezz tal-Madonna l-valur kollu tal-opra tajba tagħna. Hu jħallas għal mitt darba, anke f’din il-ħajja, lil dawk, li għall-imħabba Tiegħu, ħallew il-ġid materjali, temporali u li jispiċċa. Mela x’mitt darba aktar abbundanti ma jagħtix lil dawk li għalih jissagrifikaw l-opri interjuri u spiritwali tagħhom!

138. Ġesu’, il-Ħabib tagħna li jista’ kollox, ta lilu nnifsu għalina mingħajr ma żamm xejn – ġismu u ruħu, virtujiet, grazzji u merti: “Se toto totum me comparavit, jgħid San bernard – Hu rebaħni kollni kemm jien, billi ta lilu nnifsu kollu kemm hu lili.”

Ma jixraqx sewwa b’ġustizzja kif ukoll bi gratitudni, li aħna nagħtuh dak kollu li nistgħu nagħtu? Hu tana min qabel il-ġenerosita’ tiegħu, ejjew inkunu ġenerużi aħna wkoll. Jekk inkunu ġenerużi, it-tweġiba tiegħu tkun iktar ta’ ġenerożita’ kbira lejna matul ħajjitna, fil-pont tal-mewt, u fl-eternita’ kollha: Mal-ġenerużi jkun ġeneruż.

5.2 Din id-Devozzjoni ġġegħilna nimitaw l-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu u ta’ Alla stess u nipprattikaw l-umilta’ (Para. 139-143)

Ġesu’ Kristu, l-Imgħallem twajjeb tagħna ma stmerrx li jingħalaq bħala priġunier u lsir ta’ mħabba, fil-ġuf tal-Verġni Mbierka u li kien suġġett u ubbidjenti lejha għal tletin sena. B’eżempju hekk ċar, u magħruf mad-dinja kollha quddiem għajnejna aħna ħa nżommu xi tama fiergħa, li se nsibu xi mezz aktar perfett u dirett li nigglorifikaw ‘l Alla, minn dak tas-sottomissjoni lejn Marija – l-istess mezz magħżul minn Kristu stess? — San Alwiġi Maria De Montford

27994514_856930584493865_1941327754_n139. It-tieni mottiv, li jurina kemm hija ħaġa ġusta u ta’ vantaġġ għall-Insara, li aħna nikkonsagraw lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Verġni Mqaddsa biex inkunu b’mod perfett ta’ Ġesu’ Kristu. Dan l-Imgħallem twajjeb ma stmerrx li jingħalaq bħala priġunier u lsir ta’ mħabba, fil-ġuf tal-Verġni Mbierka u li kien suġġett u ubbidjenti lejha għal tletin sena. Ħalluni nirrepeti, li hawnhekk il-moħħ tal-bniedem jintilef fl-iskantament tiegħu, meta jikkontempla bis-serjeta’ din l-imġiba tal-Verb Inkarnat: li ma riedx – għalkemm seta’ jagħmel dan – li jagħti lilu nnifsu direttament lill-bnedmin, imma ried li dan ir-Rigal hekk kbir, jiġi mogħti lilna permezz tal-Verġni Mbierka. Lanqas ma ried li jiġi fid-dinja bħala raġel magħmul, magħżul mill-oħrajn; imma Hu ried li jiġi bħala tarbija fqira u ċkejkna, li tiddependi fuq l-għajnuna u l-kura tal-Omm Qaddisa Tiegħu. Dan l-Għerf Infinit, mimli bix-xewqa li jigglorifika ‘l Alla, Missieru, u biex isalva l-umanita’, ma sabx mezz ieħor perfett, jew dirett li jagħmel dan, milli jissottometti ruħu f’kollox għall-Verġni Mbierka – mhux biss, bħal tfal oħra, sal-ewwel tmienja, għaxra jew ħmistax-il sena ta’ ħajtu, imma għal tletin sena. Matul dawk is-snin twal, Ġesu’ ta’ aktar glorja lil Alla l-Missier bis-sottomissjoni u d-dipendenza tiegħu għall-Verġni Mbierka, milli kien jagħtih kieku għadda dawk is-snin jagħmel il-mirakli jew jippriedka mad-dinja kollha u jikkonverti ‘l kulħadd. Kemm immela aħna nigglorifikaw ‘l Alla meta fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ aħna nissottomettu ruħna lejn Marija!

B’eżempju hekk ċar, u magħruf mad-dinja kollha quddiem għajnejna aħna ħa nżommu xi tama fiergħa, li se nsibu xi mezz aktar perfett u dirett li nigglorifikaw ‘l Alla, minn dak tas-sottomissjoni lejn Marija – l-istess mezz magħżul minn Kristu stess?

140. Bi prova tad-dipendenza li jkollna minn Marija, ħalli nfakkru hawnhekk, dak li għedna qabel dwar l-eżempju ta’ din id-dipendenza li tana l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier, ma tax, u ma jagħtix lil Ibnu ħlief permezz tagħha, u permezz tagħha biss jikkomunika l-grazzji tiegħu. Alla l-Iben sar Bniedem għall-bnedmin kollha, imma biss permezz tagħha Hu jitnissel u jitwieled biss permezz tagħha, bl-għaqda mal-Ispirtu s-Santu. U jikkomunika l-merti u l-virtujiet tiegħu biss permezz tagħha. Hu biss permezz tagħha li l-Ispirtu s-Santu ħadem biex jitnissel Ġesu’ Kristu; Hu biss permezz tagħha li hu jifforma l-Membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u mhux barra minnha li Hu jqassam id-doni u l-favuri tiegħu. Wara dawn l-eżempji kbar tal-imġiba tat-Trinita’ Mqaddsa nistgħu aħna mingħajr ma nkunu għomja għal kollox inħallu ‘l Marija barra minn ħajjitna, nirrifjutaw li nikkonsagraw ruħna lilha u li niddependu minnha bħala triq li twassalna għand Alla, u li nissagrifikaw ruħna għall-ġieh u l-glorja t’Alla?

bc76ca75f070012e9a147b96395cd96e141. Hawn xi passaġġi li jien għażilt biex nikkonferma dak li għadni kif għidt:

“Marija għandha żewġ ulied, il-bniedem Alla u l-bniedem: F’tal-ewwel hija Omm Korporali, fit-tieni hija Omm Spiritwali.

Din hi rieda ta’ Alla, li jrid li jkollna kollox permezz ta’ Marija. Mela, jekk għandna xi tama, xi grazzja jew xi don ta’ fedja, jeħtieġ li nkunu nafu li dan kollu ġej permezz tagħha. Id-doni kollha, il-virtujiet u l-grazzji tal-Ispirtu s-Santu huma mqassma minn idejn Marija, lil min trid, kif trid u kemm trid. Għax ma kienx jistħoqqilkom li tirċievu l-grazzja; għalhekk ġew mogħtija lil Marija biex tkunu tistgħu tirċevuhom permezz tagħha.”

142. Billi ra li aħna m’aħniex denji li nirċievu l-grazzji direttament minn Idejh, jikteb San Bernard, Alla jagħtihom li Marija, biex permezz tagħha aħna nirċievu dak kollu li jrid jagħtina; filwaqt li Hu jsib il-glorja tiegħu meta jirċievi minn idejn Marija l-gratitudni, l-adorazzjoni u l-imħabba tagħna li jistħoqqulu għall-grazzji tiegħu. Għalhekk jixraq ħafna, jgħid l-istess San Bernard, li aħna nimitaw din l-imġieba t’Alla biex hekk il-grazzja terġa’ tmur għand l-Awtur tagħha permezz tal-istess kanal immakulat, li ġiebha lilna: Ut eodem alveo ad largitorem gratia redeat quo fluxit.

Dan preċiżament dak li nagħmlu, b’din id-devozzjoni; aħna noffru li nikkonsagraw dak kollu li aħna u li għandna lill-Verġni Mbierka, biex hekk permezz tal-medjazzjoni tagħha, is-Sinjur Tagħna jkun jista’ jirċievi l-glorja u l-gratitudni li għandna nagħtuh. Aħna nistqarru li aħna denji u m’aħniex kapaċi nersqu waħidna lejn il-Majesta’ Infinita; u għalhekk aħna nfittxu l-interċessjoni t’Ommu l-Imqaddsa.

143. Aktar, din id-devozzjoni tinħtieġ l-eżerċizzju ta’ umilta’ kbira – dik il-virtu’ li Alla jħobb fuq il-virtujiet l-oħra kollha. Meta ruħ titkabbar tagħmel diżunur ‘l Alla. Meta ruħ tumilja ruħha, tgħolli ‘l Alla. Alla jirreżisti lis-suppervja u jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Jekk tumilja ruħek sinċerament, konvint li int indenn li tidher quddiemu u tersaq Lejh, Hu stess jitbaxxa biex jiġi għandek ħalli jieħu gost bik, u jgħollik, minkejja li inti tħoss li ma jistħoqqlokx. Bil-maqlub, meta inti tersaq lejn Alla bla ħsieb, mingħajr medjatur, Alla jaħbi lilu nnifsu minnek u ma jinstab imkien. Kemm iħobbha Alla l-umilta’ tal-qalb! Il-prattika tad-devozzjoni li qed nirrikmandaw twassal għal din l-umilta’. Tgħallimna biex qatt ma nersqu lejn is-Sinjur Tagħna waħedna, kien kemm kien ħelu u ħanin, imma dejjem infittxu l-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, meta nixtiequ nidhru quddiemu, biex inkellmuh jew nersqu lejh, biex noffrulu r-rigal tagħna jew biex ningħaqdu u nikkonsagraw ruħna lilu.

5.3 Din id-Devozzjoni taqlgħalna l-għajnuna ta’ Marija *** 5.3.1 Marija tagħti lilha nnifisha lill-ilsir tagħha ta’ mħabba (Para. 144-145)

Marija wkoll tagħti lilha nfisha lilna, kollha kemm hi u b’mod l-aktar ħelu. Hi ddaħħalna fl-abbiss tal-grazzji tagħha, iżżejjinna bil-merti tagħha, twiżinna bis-setgħa tagħha, iddawwalna bid-dija tagħha, u tgħannaqna bl-imħabba tagħha, tikkommunikalna l-virtujiet tagħha: l-umilta’ tagħha, il-fidi tagħha, il-purita’ tagħha… — San Alwiġi Maria De Montford

19396654_1849133442073071_124292978857308167_n144. Hawn niġu għat-tielet mottiv. Il-Verġni Mqaddsa – li hi Omm il-ħlewwa u l-ħniena, u li ħadd ma jgħaddiha fil-ġenerożita’ u fl-imħabba meta tara li aħna qed nagħtu lilna nfusna, kollna kemm aħna lilha biex nagħtuha ġieh u naqduha, billi niċċaħħdu minn dak kollu li hu għażiż għalina, biex inżejnu lilha. Bi tpattija, hi wkoll tagħti lilha nfisha lilna, kollha kemm hi u b’mod l-aktar ħelu. Hi ddaħħalna fl-abbiss tal-grazzji tagħha, iżżejjinna bil-merti tagħha, twiżinna bis-setgħa tagħha, iddawwalna bid-dija tagħha, u tgħannaqna bl-imħabba tagħha, tikkommunikalna l-virtujiet tagħha: l-umilta’ tagħha, il-fidi tagħha, il-purita’ tagħha… Hi tidħol bħala pleġġ għalina u tissuplixxi għan-nuqqasijiet tagħna. Hi l-għażiża f’kollox għalina flimkien ma’ Ġesu’. Billi aħna kollna kemm aħna kkonsagrati lil Marija, Marija hi wkoll kollha kemm hi tagħna; għad li kull wieħed minna jista’ jgħid għalih innifsu dak li San Ġwann l-Evanġelista jgħid għalih, li hu ħa ‘l Verġni Mqaddsa għalih innifsu: Accepit eam discipulus in sua (Ġw 19,27)

145. Jekk nibqgħu fidili, dan inissel f’ruħna sfiduċja kbira u mibgħeda lejna nfusna, flimkien ma’ fiduċja sħiħa fil-Verġni Mqaddsa, l-Omm twajba tagħna. Inissel ukoll sottomissjoni perfetta lejha. Ma nibqgħux nafdaw aktar fid-diżpożizzjonijiet, l-intenzjonijiet, il-merti u fl-opri tajba tagħna. Għamilna offerta sħiħa lil Ġesu’ Kristu mill-idejn ta’ din l-Omm twajba, u għalhekk għandna teżor wieħed fejn jinsabu l-oġri kollha tagħna, u issa m’għandhomx iżjed tagħna. Dan it-teżor hi Marija.

Dan li jġegħilna nersqu lejn is-Sinjur Tagħna mingħajr biża’ servili jew ansejta’, u nitolbuh b’fiduċja kbira. Dan hu li jġegħilna nħossu s-sentimenti tal-Abbe Rupert, Saċerdot devot u għaref, li b’referenza għar-rebħa li Ġakobb kellu fuq anġlu, indirizza lill-Madonna b’dal-kliem ħelu: “O Marija, prinċepessa tiegħi u Omm Immakulata ta’ Alla- Bniedem, Ġesu’ Kristu, jien nixtieq nissielet billi nissieħeb ma’ dak il-Bniedem – mal-Kelma Divina – mhux armat bil-merti tiegħi imma armat b’tiegħek…”

Kemm inkunu setgħana u b’saħħitna ma’Ġesu’ Kristu meta nkunu armati bil-merti u l-interċessjoni ta’ din l-Omm denja ta’ Alla, illi kif igħid Santu Wistin rebħet bil-ħlewwa lil Dak li jista’ Kollox!

5.3.2 Marija ssaffi l-opri tajba tagħna, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha (Para. 146-150)

Meta jkollkom xi rigal li tixtiequ toffru ‘l Alla oqgħodu attenti li toffruh mill-idejn wisq mogħġuba u denji ta’ Marija – jekk naturalment ma tridux li tkunu rrifjutati. — San Bernard

Mary146. Ladarba b’din il-prattika tad-devozzjoni perfetta, aħna nagħtu lis-Sinjur Tagħna l-opri tajba kollha tagħna mill-idejn ta’ Ommu l-Imqaddsa, din l-Omm twajba ssaffihom, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha Divin.

1. Hi ssaffihom minn kull tebgħa ta’ mħabba tagħna nfusna, u mill-ġibda, li ma nindunawx biha, lejn il-ħlejqa li tidħol fl-aħjar opri tagħna. Meta l-opri tajba tagħna jkunu mogħtija fl-idejn ħabrieka u kollha safa ta’ Marija, dawn l-istess idejn li qatt ma kienu mittiefsa jew għażżiena, u jippurifikaw kulma jmissu, inaddfu r-rigal li nagħtuha, minn kull ħaġa li tista’ ttebbgħu u tagħmlu mperfett.

147. 2. Hi ssebbaħ l-opri tajba tagħha, billi żżejjinhom bil-merti u l-virtujiet tagħha. Qisu, bħallikieku bidwi li jixtieq ikun ħabib u jkollu l-ħbiberija tas-Sultan, imur ħdejn is-Sultana u jagħtiha tuffieħa li hi l-qliegħ tiegħu kollu bħala rigal, biex hi tippreżentaha lis-Sultan. Wara li taċċetta dar-rigal żgħir, is-Sultana tpoġġih ġo gabare’ kbir tad-deheb, u hekk tippreżentah lis-Sultan f’isem il-bidwi. Hekk it-tuffieħa, għalkemm fiha nfisha mhix rigal addattat biex jiġi preżentat lis-Sultan, issa ssir rigal xieraq għall-Maesta’ tiegħu, kemm minħabba l-gabare’ tad-deheb li fih tkun qiegħda, kif ukoll minħabba s-sbuħija tal-persuna li qed tippreżentah.

148. 3.Hi tippreżenta dawn l-opri tajba lil Ġesu’ Kristu. Hi tgħaddi kollox fedelment lil Binha Divin u ma żżomm xejn għaliha mill-opri tajba kollha offerti lilha. Meta nagħtu lilha, aħna bilfors nagħtu lil Ġesu’ Kristu, meta nfaħħruha u nigglorifikawha hi mill-ewwel tfaħħar u tigglorifika ‘l Ġesu’. Hi l-istess issa bħal meta faħħrtiha Santa Eliżabetta. Meta aħna nlissnulha l-kliem ta’ tifħir u benedizzjoni tagħna, hi mill-ewwel tgħolli l-leħen tagħha u tgħid: Magnificat anima mea Dominum (Lq 1,46)

149. 4. Hi tipperswadi lil Ġesu’ biex jilqa’ l-għemil tajjeb tagħna, kien kemm kien ċkejken u insinifikanti r-rigal tagħna meta nqabbluh mal-Maesta’ tal-Qaddis tal-Qaddisin u tas-Sultan tas-Slaten. Meta minn jeddna u billi nafdaw fuq il-bżulija u d-dispożizzjoni tajba tagħna, aħna noffru xi rigal lil Ġesu’ hu jiflih u spiss jirreġettah minħabba xi tebgħa li jkun ħa mill-imħabba tagħna nfusna, bħalma fl-antik Alla ma kienx jilqa’ s-sagrifiċċju tal-Poplu Magħżul, għaliex kienu mħassrin bihom nfushom. Imma meta aħna noffrulu xi ħaġa, mill-idejn puri u verġninali tal-Imqaddsa Ommu, aħna mmissuh fid-“debboli” tiegħu jekk nista’ nuża l-espressjoni popolari. Issa hu jkun fi ħsiebu iżjed f’Ommu l-maħbuba li tkun qed toffri r-rigal, milli fir-rigal stess. Hu hekk bl-id immakulata li qed toffri r-rigal, li ma joqgħodx jistaqsi minn fejn ġie r-rigal. Hekk, Marija li qatt ma hi miċħuda, imma dejjem milqugħa bil-ħlewwa u l-imħabba minn Binha, tagħmel dak kollu li toffri, kbir jew żgħir, mogħġub u aċċettabbli għall-Maesta’ Tiegħu. Il-fatt li tkun qed toffrih Marija hu biżżejjed biex iġġiegħel lil Ġesu’ jaċċettah u jieħu gost bih. Din hi l-massima ewlenija li San Bernard ta lil dawk li kien qiegħed imexxi fit-triq tal-perfezzjoni. “Meta jkollkom xi rigal li tixtiequ toffru ‘l Alla oqgħodu attenti li toffruh mill-idejn wisq mogħġuba u denji ta’ Marija – jekk naturalment ma tridux li tkunu rrifjutati.”

150. Forsi mhix din sewwa sew l-imġiba li n-natura tispira fl-umli meta jkollhom x’jaqsmu mal-kbarat ta’ din id-dinja, bħalma diġa’ rajna? Għaliex il-grazzja m’għandhiex iġġegħilna nagħmlu l-istess ħaġa m’Alla li hu infinitament ogħla minna u li quddiemu aħna anqas minn traba? Iktar, aħna għandna f’Marija Avukata, hekk qawwija li qatt ma tiġi rrifjutata, hekk għaqlija li taf il-mogħdijiet sigrieti kollha, biex tirbaħ il-favuri t’Alla, hekk ħanina u ta’ karita’ li ma tirrifjuta ‘l ħadd, kien ċkejken u midneb kemm kien. Iktar ‘il quddiem jiena nsemmi s-simbolu ċar ta’ dak li għedt fl-istorja ta’ Rebekka.

5.4 Din id-Devozzjoni hija mezz eċċellenti biex nagħtu l-ikbar glorja lil Alla (Para. 151)

Din is-Sinjura u Omm twajba toqgħod hekk fil-qrib u preżenti mal-qaddejja fidili tagħha, biex iddawwalhom fid-dlam u d-dubji tagħhom, biex issaħħaħhom fil-mumenti tal-biża’ u biex twiżinhom fil-kumbattimenti u d-diffikultajiet tagħhom, illi tassew din it-triq verġinali li twassal għand Ġesu’ Kristu, hi meta nipparagunawha ma’ oħrajn, it-triq tal-ward u l-għasel. — San Alwiġi Maria De Montford

1528660_800529433297338_827512646_n

151. Ir-raba’ mottiv hu li din id-devozzjoni pprattikata fedelment hi mezz eċċellenti li tiggarantixxi li l-valur tal-opri tajba kollha tagħna jkun użat għall-akbar glorja t’Alla. Għalkemm aħna obbligati nagħmlu hekk, kważi ħadd ma jagħmel l-azzjonijiet tajba b’din l-intenzjoni nobbli, jew għax ma jafux fejn hi l-akbar glorja t’Alla, inkella għaliex huma indifferenti fuq dil-ħaġa. Imma l-Verġni Mbierka, li lilha tajna l-valur kollu, u l-merti tal-opri tajba tagħna, taf perfettament fejn tista’ tinsab l-akbar glorja t’Alla u f’kollox taħdem biss biex iġġib l-akbar glorja. Meta qaddej perfett ta’ din is-Sinjura twajba, li jkun ikkonsagra lilu nnifsu lilha, jista’ bil-kuraġġ igħid, li l-valur ta’ ħsibijietu, kliemu u l-azzjonijiet tiegħu qed jiġi wżat għall-akbar glorja t’Alla, għall-inqas, sakemm ma jirrevokax espressament din l-offerta li għamel. Jista’ jkun hemm xi ħaġa ta’ konsolazzjoni akbar għar-ruħ, li tħobb ‘l Alla b’imħabba pura u mneżżgħa minn kull ġibda lejha nfisha, u li iktar tfittex il-glorja u l-interessi t’Alla milli tfittex il-glorja u l-interessi tagħha?

5.5 Din id-Devozzjoni tmexxina malajr għall-Għaqda m’Alla *** 5.5.1 Din id-Devozzjoni hija triq ħafifa (Para. 152-154)

Jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib. — San Alwiġi Maria De Montford

27750806_1971135603206187_1948910802928435686_n152. Il-ħames mottiv hu li din id-devozzjoni hija t-triq ħafifa, qasira, perfetta u żgura li twassal għall-għaqda m’Alla li hi l-Perfezzjoni Nisranija.

1. Hi triq ħafifa. Hi t-triq li fassal Ġesu’ biex ġie għandna, u li fiha m’hemm ebda ostaklu li jfixkilna biex naslu Għandu. L-għaqda m’Alla, tista’, naturalment tintlaħaq minn toroq oħra; imma din tkun biss b’ħafna slaleb, xi mwiet strambi, u b’diffikultajiet wisq ikbar li aħna nirbħu biss bi tbatija kbira. Ikollna ngħaddu minn iljieli mudlama tar-ruħ, minn taqbid tal-biża’ u minn agunija terribli, ikollna nixxabbtu ma’ muntanji skabrużi, nimxu minn ġo għollieq li jqatta’, u minn deżerti nifxin li jbeżżgħu. Waqt li, bit-triq ta’ Marija, aħna nimxu ‘l quddiem aktar bil-ħlewwa u bil-paċi. Ibqgħu ċerti, li hemm kumbattimenti ħorox u diffikultajiet kbar jistennewna f’din it-triq. Imma din is-Sinjura u Omm twajba toqgħod hekk fil-qrib u preżenti mal-qaddejja fidili tagħha, biex iddawwalhom fid-dlam u d-dubji tagħhom, biex issaħħaħhom fil-mumenti tal-biża’ u biex twiżinhom fil-kumbattimenti u d-diffikultajiet tagħhom, illi tassew din it-triq verġinali li twassal għand Ġesu’ Kristu, hi meta nipparagunawha ma’ oħrajn, it-triq tal-ward u l-għasel. Hemm xi qaddisin, imma mhux ħafna – Sant Efrem, San Ġwann Damaxxenu, San Bernard, San Bernardinu, San Bonaventura, San Franġisk de Sales u oħrajn – li waslu għand Ġesu’ Kristu permezz ta’ din it-triq ħelwa għaliex l-Ispirtu s-Santu, l-Għarus fidil ta’ Marija, irrivelahielhom bi grazzja singulari. Il-biċċa l-kbira tal-qaddisin, madankollu, ma daħlux f’din it-triq, jew daħlu għal ftit, għalkemm kull wieħed minnhom kellu devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Għalhekk, huma ġarrbu aktar provi u tentazzjonijiet ħorox u perikolużi.

153. Kif inhu dan – xi veri devoti tal-Madonna jistaqsuni – li l-qaddejja fidili ta’ din l-Omm Twajba, jiltaqgħu ma’ tant okkażjonijiet ta’ tbatija u fil-fatt isofru aktar minn dawk li huma anqas devoti lejha? Huma jkunu mgiddba, ippersegwetati, ikkalunjati, meqjusa bħala nies insuppurtabbli jew jimxu fid-dlamijiet tar-ruħ u f’deżerti fejn m’hemm l-ebda sinjal ta’ ħniena. Jekk din id-devozzjoni tħaffef it-triq li twassal għand Ġesu’ Kristu, għaliex dawk li jagħżluha huma l-aktar immaqdra?

154. Jien inwieġeb: “Ladarba l-qaddejja fidili ta’ Marija huma l-favoriti speċjali tagħha, hu tassew minnu li jirċievu minn għandha l-akbar numru ta’ grazzji u benefiċċji mis-sema – li huma s-slaleb. Imma jiena nsostni li l-qaddejja ta’ Marija, jerfgħu dawn is-slaleb b’ħeffa, mertu u glorja akbar minn tal-oħrajn. Dak li jġiegħel lill-ieħor jitfixkel elf darba, jew li jitfgħu mal-art, ma jfixkilx il-mixja tagħhom bl-ebda mod. Anzi bil-maqlub, hu jgħinnhom javanzaw, għaliex din l-Omm Twajba mimlija bil-grazzja u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu, tagħmel dawn is-slaleb kollha li tfassal għalihom ħelwin biz-zokkor tal-ħlewwa tagħha materna, u bil-balzmu tal-imħabba safja tagħha. Għalhekk huma jgħożżu dawn is-slaleb u jaċċettawhom bil-ferħ, bħal meta tarbija tibla’ l-pillola biz-zokkor u ma tirrealizzax li fiha nfisha kienet ħażina u morra. U jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib, l-istess bħalma persuna ma tistax tieħu mingħajr dwejjaq u stmerrija l-pilloli li ma kinux miksija biz-zokkor biex ikollhom tomgħa tajba.

5.5.2 Din id-Devozzjoni hija triq qasira (Para. 155-156)

Bl-għajnuna, it-tweżin u t-tmexxija ta’ Marija aħna ma naqgħux jew induru lura jew għallanqas nitħassbu, iżda b’passi ta’ ġgant, u malajr aħna mmorru ‘l quddiem għand Ġesu’ Kristu, bl-istess triq li minnha għadda Hu nnifsu, biex jiġi għandna. — San Alwiġi Maria De Montford

Landing_Mary155. 2. Din id-devozzjoni lejn il-Madonna hi triq qasira biex issib lil Ġesu’ Kristu, kemm għaliex fiha ma nintilfux, u għaliex, kif għadni kemm għedt, aħna nimxu fiha b’aktar ferħ u ħeffa, u għalhekk b’aktar prontezza. Nimxu aktar ‘il quddiem fi żmien qasir ta’ sottomissjoni u dipendenza minn Marija milli nagħmlu fi snin sħaħ ta’ smigħ ir-rieda tagħna, u fiduċja fuq l-forzi tagħna, għaliex il-bniedem ubbidjenti u sottomess lejn Marija għad ikanta vittorji li hu rebaħ fuq l-għedewwa tiegħu. Għedewwa bħal dawn għad iqumu, tassew, biex ifixkluwna fil-progress tagħna biex iġegħeluna nerġgħu lura jew iwaqqgħuna. Imma bl-għajnuna, it-tweżin u t-tmexxija ta’ Marija aħna ma naqgħux jew induru lura jew għallanqas nitħassbu, iżda b’passi ta’ ġgant, u malajr aħna mmorru ‘l quddiem għand Ġesu’ Kristu, bl-istess triq li minnha għadda Hu nnifsu, biex jiġi għandna.

156. Għaliex, taħsbu intom li Ġesu’ Kristu, li kellu żmien hekk qasir li jgħix fid-dinja, għażel li kważi l-ħajja kollha tiegħu fuq l-art igħaddiha fis-sottomissjoni u l-ubbidjenza lejn Ommu? Kien għaliex, billi kien magħmul perfett f’qasir żmien, Hu jimla żmien twil – itwal mis-snin ta’ Adam li kien ġie biex isewwi l-ħtija tiegħu, minkejja li Adam għex għal aktar minn disa’ mitt sena, Ġesu’ Kristu għex żmien twil għaliex kien hu dejjem kienet perfettament ubbidjenti lejn Ommu l-Imqaddsa u maqgħud perfettament magħha b’ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla l-Missier. Għaliex

(1) dak li jagħti ġieh ‘l ommu, igħid l-Ispirtu s-Santu, hu bħal dak li jaħżen teżor kbir. Fi kliem ieħor, min jagħti ġieh lil Marija Ommu, billi jasal biex jissottometti ruħu għaliha u jobdiha f’kollox, malajr isir sinjur ħafna: għaliex hu jkun igeddes teżor ta’ kuljum skont is-sigriet mogħti lilna minn din il-filosofija.

(2) Għax skont interpretazzjoni mistika ta’ dal-kliem tal-Ispirtu s-Santu “Ix-xjuħija tiegħi hija fil-ħniena tal-ġuf, huwa fil-ġuf ta’ Marija, dak il-ġuf hu li sawwar u għamel bniedem perfett, u kien kapaċi jżommu, dak li d-dinja kollha ma tifhmux u lanqas tesgħu – illi ż-żgħar fl-eta’ jsiru bħal dawk illi ż-żmien jimmatura fid-dawl, fil-qdusija u fl-għerf u jilħqu f’qasir żmien il-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu.”

5.5.3 Din id-Devozzjoni hija triq perfetta (Para. 157-158)

Hu permezz ta’ Marija li aħna ż-żgħar irridu niltilgħu perfettament u b’mod divin, u mingħajr biża’ għand l-Aktar Għoli. — San Alwiġi Maria De Montford

yhst-64434495321414_2060_1994978157. 3. Marija, hi l-aktar perfetta u l-aktar qaddisa fost il-ħlejjaq; u Ġesu’ Kristu li ġie fostna b’manjiera perfetta m’għażilx triq oħra ħlief dik ta’ Marija għall-miġja setgħana u tal-għaġeb Tiegħu. Mela din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa, hija triq perfetta biex naslu għand Ġesu’ Kristu u ningħaqdu Miegħu. L-Iktar Għoli, Dak li ħadd ma jista’ jifhmu, Dak li ħadd ma jista’ jersaq Lejh, Dak li Hu, ried li jiġi fostna, dud insinifikanti tal-art. Kif ġara dan? Permezz ta’ Marija. L-aktar Għoli, niżel perfettament u b’mod divin fostna, mingħajr ma naqqas id-Divinita’ Tiegħu u l-Qdusija Tiegħu. U hu permezz ta’ Marija li aħna ż-żgħar irridu niltilgħu perfettament u b’mod divin, u mingħajr biża’ għand l-Aktar Għoli:

Dak li ħadd ma jista’ jifhmu ppermetta lilu nnifsu li jkun mifhum u miżmum perfettament minn Marija, mingħajr ma tilef xejn mill-immensita’ Tiegħu; u hekk ukoll li permezz ta’ din il-Verġni umli li aħna għandna nħallu ruħna nkunu miżmuma u mmexxijin perfettament u mingħajr riserva. Dak li ħadd ma jista’ jersaq lejh, ġie ħdejna u għaqqad lilu nnifsu mill-qrib perfettament u anke personalment ma’ l-umanita’ tagħna, permezz ta’ Marija, mingħajr ma tilef xejn mill-Maesta’ Divina Tiegħu. Hu wkoll permezz ta’ Marija li aħna nistgħu nersqu lejn Alla u ngħaqqdu lilna nfusna mill-qrib u perfettament mal-Maesta’ Divina Tiegħu, mingħajr biża’ li niġu mkeċċija. Fl-aħħarnett, Dak li Hu, ried jiġi għand dak li mhux, u jġiegħel dak li mhux, isir Alla, jew Dak li Hu; u Hu għamel dan perfettament billi ta lilu nnifsu u ssottometta ruħu għal kollox għall-Verġni umli Marija, mingħajr ma jieqaf li jibqa’ fil-kwadru taż-żmien, Dak li Hu mill-eternita’. Hekk ukoll għalkemm m’aħna xejn, permezz ta’ Marija nistgħu nsiru bħal Alla, bil-grazzja u l-glorja, billi nagħtu lilna nfusna lilha hekk perfettament u għal kollox, li nsiru xejn għalina nfusna, imma kollox fiha, mingħajr ebda biża’, li mixjin ħażin.

158. Ħalli xi ħadd joffrili triq oħra għal għand Ġesu’ Kristu. Ħalli dik it-triq tkun miksija bil-merti kollha tal-qaddisin u mżejna bil-virtujiet erojċi tagħhom, u tiddi u sabiħa bid-dija u s-sbuħija tal-Anġli, u ħalli l-Anġli u l-Qaddisin kollha jimxi fiha biex imexxu, jiddefendu u jwieżnu lil dawk kollha li jagħżlu din it-triq. Fil-verita’, jien għandi l-kuraġġ ngħid li jien aktar nagħżel it-triq Immakulata ta’ Marija milli din it-triq li hi hekk perfetta.

Posui Immaculatam viam meam: triq safja u bla tebgħa, mingħajr dnub tan-nisel jew attwali, mingħajr l-ebda dell jew dlam, u meta fil-milja taż-żmien is-Sinjur Tagħna, fil-glorja tiegħu jerġa’ jiġi t-tieni darba fid-dinja biex iħabbar is-saltna tiegħu, Hu ma jagħżilx triq oħra ħlief dik ta’ Marija tas-sema, li permezz tagħha wettaq l-ewwel miġja tiegħu, b’mod l-aktar żgur u perfett. Id-differenza bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu hi li l-ewwel waħda kienet sigrieta u moħbija waqt li t-tieni waħda tkun glorjuża u trijonfanti; imma t-tieni waħda tkun perfetta daqs l-ewwel għaliex tiġi mwettqa permezz ta’ Marija. Hawnhekk hawn misteru li ħadd ma jifhem: Hic taceat omis lingua.

5.5.4 Din id-Devozzjoni hija triq żgura (Para. 159-168)

Hi karrateristika tal-Madonna li tmexxina fis-sikurezza lejn Ġesu’ Kristu bħalma hi prijorita’ ta’ Ġesu’ Kristu li jwassalna qawwijin u sħaħ għand il-Missier Etern. Erwieħ spiritwali m’għandhomx jiġu mqarrqin billi jaħsbu li Marija tkun ta’ tfixkil tagħhom għall-għaqda m’Alla. — San Alwiġi Maria De Montford

1212guadelupe-day159. 4. Din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi triq żgura biex naslu għand Ġesu’ Kristu u li nsiru perfetti billi ningħaqdu Miegħu:

1. Dan hu hekk, l-ewwelnett, għaliex din il-prattika li qed nirrikmanda mhi bl-ebda mod ġdida. Hi tassew hekk qadima li skont Father Boudon, li kiteb ktieb fuq din id-devozzjoni, mhux possibli li tagħti data eżatta ta’ meta bdiet. Imma żgur li aħna nsibu sinjali ta’ din id-devozzjoni fil-Knisja, ‘il fuq minn l-aħħar seba’ mitt sena. Saint Odilon, Abbati ta’ Cluny (fl-1040) kien wieħed minn tal-ewwel li pprattika din id-devozzjoni pubblikament fi Franza, kif inhu nnutat fl-istorja ta’ ħajtu.

Il-Kardinal Peter Damien jirrakkonta li fl-1036, ħuh, il-Beatu Marino għamel lilu nnifsu l-ilsir ta’ Marija quddiem id-direttur tiegħu. Hu għamel dan b’mod l-aktar edifikanti, billi poġġa ħabel madwar għonqu, għamel id-dixxiplina u poġġa somma flus fuq l-altar bħala sinjal tad-devozzjoni u l-konsagrazzjoni tiegħu lil din il-Verġni Mbierka. Hu kompla din id-devozzjoni hekk fedelment matul ħajtu, illi waqt mewtu, hu mmerita li jkollu żjara u jkun mfarraġ mis-Sinjura twajba Tiegħu li jisma’ minn xofftejha l-wegħda tal-Ġenna, bħala premju tal-qadi tiegħu.

Caesarius Bollandus isemmi Kavallier famuż Vautier de Birbak, li madwar is-sena 1500, għamel din il-konsagrazzjoni tiegħu nnifsu lill-Verġni Mbierka. Din id-devozzjoni kienet ipprattikata minn ħafna nies privatament sas-sbatax-il Seklu, meta saret pubblika.

160. Patri Simon de Roias tal-Ordni tat-Trinita’, anke magħruf bħala tal-Ordni tal-Ħelsien tal-ilsiera, li kien il-predikatur tal-qorti ta’ Filippu Tlieta, xerred ħafna din id-devozzjoni fi Spanja u l-Ġermanja u fuq talba ta’ Filippu Tlieta, qala’ ħafna ndulġenzi mingħand il-Papa Gregorju XV għal dawk kollha li jagħmluha.

Patri de Los-Rois tal-Ordni ta’ Santu Wistin, ingħaqad mal-ħabib intimu tiegħu, Patri de Roias biex ixxerred din id-devozzjoni bil-kitba u l-predikazzjoni tiegħu fi Spanja u l-Ġermanja. Hu kiteb biċċa xogħol kbira msejħa Hierarchia Mariana, li fiha hu jittratta bi qdusija kbira u b’għerf kbir il-qedem, l-eċċellenza u sodezza ta’ din id-devozzjoni ta’ Marija. Fis-Sbattax-il Seklu, il-Patrijiet waqfu din id-devozzjoni fl-Italja, fi Sqallija u fis-Savoja.

161. Filwaqt li Patri Stanislaus Phalicius, tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’, daħħalha sewwa fil-Polonja. Patri de Los Rios, fix-xogħol li għalih irreferejna iktar ‘il fuq, jagħti lista’ ta’ prinċpijiet, prinċipessi, duki u kardinali minn saltniet differenti li ħaddnu din il-prattika tal-vera devozzjoni. Patri Cornelius a Lapide, raġel imsemmi għall-virtu’ daqskemm hu msemmi għall-istudju profond tiegħu, kellu kummissjoni minn ħafna isqfijiet u teoloġi biex jgħarbel din id-devozzjoni. Wara li kkonsidra bir-reqqa l-materja kollha, hu faħħarha bi kliem ispirat mill-qdusija tiegħu. Ħafna oħra, kbarat tat-teoloġija mxew fuq l-eżempju tiegħu, billi faħħruha. Il-Patrijiet Ġiżwiti, dejjem żelanti fis-servizzi tal-Verġni Mbierka, ippreżentaw lid-Duka Ferdinandu tal-Bavarja, f’isem is-Sodalisti ta’ Cologne, trattat żgħir fuq din id-devozzjoni. Id-Duka – li kien l-Arċisqof ta’ Colonge – approvaha u ħallieha tiġi stampata, u eżorta lill-qassisin u lir-reliġjużi tal-Arċidjoċesi tiegħu biex jagħmlu kull mezz ħalli jxerrdu din id-devozzjoni qaddisa.

162. Il-Kardinal de Berulle, li l-memorja tiegħu għadha tinħass bħal barka fuq Franza kollha, kien wieħed mill-aktar żelanti, biex ikabbarha mal-art kollha, minkejja l-kalunji u l-persekuzzjonijiet tal-kritiċi u tal-libertini. Huma akkużawh bis-superstizzjoni u t-tibdil; huma kitbu u ppublikaw ktieb biex imaqdruh u użaw – jew aħjar ix-xitan permezz tagħhom uża – elf nassa biex ifixkel it-tixrid ta’ din id-devozzjoni fi Franza. Imma dan il-bniedem, kbir u qaddis laqa’ l-kalunji tagħhom bis-sabar u għall-oġġezzjonijiet kollha li ġabu fil-ktieb tagħhom hu wieġeb b’biċċa xogħol żgħira li biha hu rebaħ l-oġġezzjonijiet tagħhom kollha billi wera li din id-devozzjoni hi mwaqqfa fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, fuq l-obbligazzjonijiet li għandna lejh, u fuq il-wegħdiet li aħna għamilna fil-magħmudija mqaddsa. Kien speċjalment b’dan l-argument tal-aħħar li hu sikket il-kritiċi tiegħu billi wriehom illi din il-konsagrazzjoni lil Marija u lil Ġesu’ Kristu mhix ħlief tiġdid perfett tal-Magħmudija. Fil-kitba tiegħu, hu jgħid ħafna affarijiet sbieħ fuq din id-devozzjoni.

163. Fil-ktieb ta’ Father Boudon jinsabu l-ismijiet ta’ Papiet differenti li approvaw din id-devozzjoni u tat-teoloġi li studjawha; hemm ukoll rakkont tal-persekuzzjonijiet li ġabbret u rebħet, u tal-eluf li ħaddnuha – imma l-ebda kelma ta’ kundanna minn xi wieħed mill-Papiet, għaliex tassew kundanna bħal din ma setgħetx tingħata mingħajr ma kienet tfarrak l-istess pedamenti tal-Kristjaneżmu. Hi mela ħaġa ċerta li din id-devozzjoni mhix ġdida; u jekk mhix popolari, dan l-għaliex din hi wisq prezzjuża biex tkun maħbuba u mħaddna minn kulħadd addoċċ.

164. 2. Fit-tieni lok, din id-devozzjoni hi triq żgura biex nersqu fejn is-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu l-għaliex hi karrateristika tal-Madonna li tmexxina fis-sikurezza lejn Ġesu’ Kristu bħalma hi prijorita’ ta’ Ġesu’ Kristu li jwassalna qawwijin u sħaħ għand il-Missier Etern. Erwieħ spiritwali m’għandhomx jiġu mqarrqin billi jaħsbu li Marija tkun ta’ tfixkil tagħhom għall-għaqda m’Alla. Għaliex kif jista’ wieħed jissopponi li dik li għall-umanita’ b’mod ġenerali u għal kull ruħ b’mod individwali sabet grazzja quddiem Alla, tista’ tkun ta’ tfixkil għar-ruħ li tkun qed tfittex il-grazzja kbira tal-għaqda ma’ Ġesu’ Kristu? Kif jista’ jkun li dik li fiha l-grazzja kbira hija soprabbundanti u li hi hekk maqgħuda m’Alla u ttransfurmata fih u li hu tħajjar li jieħu l-ġisem fiha, tfixkel lil ruħ milli tilħaq għaqda perfetta m’Alla? Ir-relazzjonijiet tagħna ta’ nies oħra jistgħu verament ikunu ta’ tfixkil għall-għaqda tagħna m’Alla, kienu qaddisa kemm kienu dawn in-nies. Imma fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Marija dan mhux hekk bħalma diġa għedt u nibqa’ nirrepeti mingħajr ma’ nixba’. Waħda mir-raġunijiet għaliex hekk ftit jaslu għall-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu, hi għaliex Marija li dejjem tibqa’ bħalma dejjem kienet, l-Omm tal-Iben l-Għarusa fertili tal-Ispirtu s-Santu, għadha mhix magħrufa biżżejjed fil-qlub tal-bnedmin. Għalxejn wieħed jistenna frott misjur u bnin jekk ma jkollux is-siġra li tagħmlu. U l-istess kull min jixtieq li jkollu l-frott tal-ħajja, Ġesu’ Kristu, jeħtieġ ikollu s-siġra tal-ħajja li hi Marija; u kull min jixtieq li jkollu ġo fih il-preżenza li taħdem tal-Ispirtu s-Santu, jeħtieġ ikollu l-għarusa fidila u li qatt ma tinfired minnu, Marija tas-sema, li permezz tagħha Hu jaħdem fina.

165. Ħalli mela naċċertaw ruħna minn dan: aktar ma nħarsu lejn Marija – jekk mhux b’direzzjoni speċifika tal-ħsibijiet tagħna, għallinqas b’intenzjoni u attitudni ġenerali – fit-talb, fil-meditazzjoni, fl-azzjonijiet u t-tbatijiet tagħna, aktar insibu ‘ l Ġesu’ Kristu perfettament, li hu dejjem ma’ Marija, kbir, setgħani, li jaħdem u li ħadd ma jista’ jifhem. Hekk Marija hi totalment maqgħuda m’Alla bħallkieku mitlufa f’Alla; u għalhekk mhux talli mhix ta tfixkil għal dawk li jfittxu l-perfezzjoni fl-għaqda m’Alla, imma qatt ma kien hemm, u lanqas qatt ikun hemm kreatura oħra li tgħinna hekk tajjeb, biex nilħqu dan l-għan kbir. Hi tagħmel dan permezz tal-grazzji li tagħtina għal dan il-għan – għaliex igħid wieħed qaddis, għax ħadd mhu mimli bil-ħsieb t’Alla ħlief permezz ta’ Marija – Nemo cogitatione Dei repletur nisi per te. U anke bil-kura hi dejjem tieħu biex tħarisna mill-falsita’ u l-qerq tax-xitan.

166. Fejn hemm Marija, l-ispirtu ta’ ħażen ma jistax joqgħod; u wieħed mis-sinjali li ma jiżbaljawx illi bniedem ikun qed jiġi mmexxi minn spirtu tajjeb, hu d-devozzjoni kbira tiegħu lejn din l-Omm Twajba, billi jaħseb spiss fiha u spiss jitkellem fuqha. Qaddis qal dan – li bħalma n-nifs hu sinjal ċar li l-ġisem mhux mejjet, hekk ukoll hu l-ħsieb spiss u l-invokazzjoni ta’ mħabba lejn Marija, sinjal ċar li r-ruħ mhix ‘il bogħod minn Alla bid-dnub.

167. Għalkemm il-kritiċi jistgħu jgħidu l-akkużi tagħhom, jibqa’ fatt li devot fidil ta’ Marija qatt ma jaqa’ fl-ereżija jew fl-iżball, għallinqas ta’ kwalita’ formali, għaliex kif tgħid il-Knisja mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, Marija biss saħqet l-ereżija kollha: Sola cunctas haereses interemisti in universo mundo. Dawn id-devoti fidili jistgħu verament jaqgħu fl-iżball materjali billi jħalltu l-falsita’ mal-verita’ u l-ispirtu ħażin mat-tajjeb – imma dawn inqas jistgħu jagħmlu dan minn oħrajn. Kmieni jew tard huma jgħarfu l-iżball tagħhom u l-iżball materjali tagħhom, u meta jagħrfuh huma ma jwebbsux rashom biex iżommu ma’ dak li jkun deherilhom verita’.

168. Jekk mela xi ħadd jixtieq jimxi ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni u jasal qawwi u sħiħ perfettament għand Ġesu’ Kristu, u fl-istess ħin jiskappa dak il-biża’ ta’ qerq li ġeneralment iħossu nies ta’ talb, ħalli dal-bniedem iħaddan bil-qalb – qalb kbira u fehma sħiħa (2 Mak 1,3) – din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka, devozzjoni li forsi s’issa qatt ma kien jaf biha. Ħalli jidħol f’din it-triq eċċellenti li ma kienx jaf biha, u li jien se nurih: Jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll (1 Kor 12,31). Hija triq imfassla minn Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat, ir-Ras waħdanija tagħna. Meta juża dik it-triq il-membru ta’ Kristu ma jintilifx. Hi triq ħafifa minħabba l-milja tal-grazzja, u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu li jagħniha, aħna ma ngħajjewx u lanqas nerġgħu lura jekk nimxu ma’ dit-triq. Hi triq qasira, li f’qasir żmien teħodna għand Ġesu’ Kristu. Hi triq perfetta fejn m’hemmx tajn, trab u lanqas l-iċken ħjiel tad-dnub. Fl-aħħarnett hi triq żgura li twassalna għand Ġesu’ Kristu u fil-ħajja ta’ dejjem, b’mod dritt u sod, mingħajr tgħawwiġ lejn il-lemin jew ix-xellug.

Ejjew mela niħdlu fiha u nimxu magħha lejl u nhar biex tkun tista’ twassalna għall-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu.

5.6 Din id-Devozzjoni tagħti liberta’ kbira interjuri (Para. 169-170)

Din id-Devozzjoni, tneħħi kull skurplu u kull biża’ servili minn ruħna li jservu biss biex idejqu u jagħlqu qisu f’ħabs lill-erwieħ tagħna u jiżirgħu fihom konfużjoni; tiftaħ lil qlubna beraħ billi tagħtina fiduċja sħiħa f’Alla, u ġġegħelna nqisuh bħala Missierna u tnebbaħ fina mħabba delikata ta’ wlied. — San Alwiġi Maria De Montford

secret-demontfort169. Is-sitt mottiv hu li din id-devozzjoni tagħti liberta’ kbira interjuri – il-liberta’ ta’ wlied Alla – lil dawk li jipprattikawha fedelment. Permezz ta’ din id-devozzjoni aħna nsiru l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu u nikkonsagraw ruħna lilu bħala tali kollna kemm aħna. Bi tpattija għal dak li nagħmlu, din l-Omm twajba:

1.tneħħi kull skurplu u kull biża’ servili minn ruħna li jservu biss biex idejqu u jagħlqu qisu f’ħabs lill-erwieħ tagħna u jiżirgħu fihom konfużjoni;

2. tiftaħ lil qlubna beraħ billi tagħtina fiduċja sħiħa f’Alla, u ġġegħelna nqisuh bħala Missierna;

3. tnebbaħ fina mħabba delikata ta’ wlied.

170. M’iniex se noqgħod nipprova din il-verita’ billi niġbor ir-raġunijiet. Minflok dan, se nfakkar inċident li jien qrajt fil-Ħajja ta’ Mother Agnes ta’ Ġesu’, (2. Beata:20/11/1994), soru dumnikana ta’ Langeac fl-Auvergne, li mietet hemm b’fama ta’ qdusija fis-sena 1634. Meta kellha biss seba’ snin, u kienet batuta ħafna, semgħet vuċi tgħidilha, li jekk riedet teħles mill-uġigħ tagħha kollu u tkun imħarsa mill-għedewwa tagħha, għandha tagħmel lili nfisha l-ilsiera ta’ Ġesu’ u tal-Verġni Mqaddsa. Meta marret id-dar, hi malajr offriet lilha nfisha lil Ġesu’ permezz ta’ Marija, bħala ilsiera Tiegħu, għalkemm hi ma kienet taf xejn fuq din id-devozzjoni qabel; u sabet katina tal-ħadid, dawritha magħha u baqgħet biha sal-mewt. Bħala riżultat ta’ din l-azzjoni, l-uġigħ u l-iskrupli kollha għebu, u paċi kbira u ferħ fil-qalb ħadulhom posthom. Dan kollu ħeġġiġha biex tgħallem din id-devozzjoni lil xi nies devoti li għamlu progress kbir – fost dawn kien hemm Fr Olier, li kien waqqaf is-Seminarju ta’ Saint Sulpice , u ħafna saċerdoti u kjeriċi tal-istess Seminarju. Ġurnata waħda dehritilha l-Madonna u poġġitilha katina tad-deheb madwar għonqha, biex turiha kemm kienet ħadet gost meta hi saret l-ilsiera ta’ Ġesu’ u ta’ Marija; u Santa Cecilia li akkompanjat lill-Verġni Mqaddsa f’din il-viżjoni; qalet lil Mother Agnes: “Imberkin l-ilsiera fidili tas-Sultana tas-Sema għaliex igawdu l-vera liberta’”: ‘Tibi servire libertas’.

5.7 Din id-Devozzjoni ġġib benefiċċji kbar lill-proxxmu (Para. 171-172)

Irridu niftakru, li billi ngħaddu minn idejn Marija, l-opri tajba tagħna jakkwistaw purita’ akbar u għalhekk nirtu valur sodisfatorju u impetratorju akbar. B’dan il-mod isiru wisq aktar effettivi biex jgħinu lill-erwieħ tal-Purgatorju u biex jikkonvertu l-midinbin, milli kieku ma waslux għand Alla permezz l-idejn Verġinali u ġenerużi ta’ Marija. — San Alwiġi Maria De Montford

171. Is-seba’ mottiv li jħeġġiġna aktar biex inħaddnu din id-devozzjoni huwa: il-benefiċċji kbar li ġġib lill-proxxmu. B’din il-prattika aħna neżerċitaw imħabba tal-aħwa mill-aqwa, ladarba aħna nagħtu lill-proxxmu tagħna permezz ta’ Marija dak kollu li għandu għażiż – il-valur sodisfatorju u impetratorju tal-opri tajba tagħna kollha mingħajr ma nżommu għalina l-iċken ħsieb tajjeb jew l-iċken tbatija. Aħna rridu li l-valur kollu sodisfatorju ta’ kull ħaġa tajba li għamilna, jew li għad nagħmlu anke sal-mewt, ikun użat skont ix-xewqa tal-Verġni Mbierka jew għall-konverżjoni tal-midinbin jew għall-ħelsien tal-erwieħ tal-Purgatorju.

Din mhix imħabba tal-proxxmu perfetta? Dan ma jfissirx li tkun veru dixxiplu ta’ Kristu – dixxiplu magħruf mill-imħabba li għandu lejn il-proxxmu? Dan mhux mezz biex tikkonverti l-erwieħ mingħajr periklu ta’ suppervja; u li teħles l-erwieħ mill-Purgatorju, filwaqt li ma tkun tagħmel xejn aktar milli aħna obbligati nagħmlu, skont l-istat ta’ ħajjitna?

172. Biex tirrealizza l-eċċellenza ta’ dan il-mottiv, irridu napprezzaw kemm hi ħaġa kbira li tikkonverti midneb, jew li teħles ruħ mill-Purgatorju. Din hi ħaġa li jidħol l-infinit fiha, hi ħaġa akbar mill-ħolqien tas-sema u l-art, la darba permezz tagħha Alla jiġi mogħti lil ruħ. Jekk bil-prattika ta’ din id-devozzjoni matul ħajjitha kollha, persuna jirnexxilha teħles ruħ waħda mill-Purgatorju, jew li tikkonverti midneb wieħed biss, dan ma kienx ikun biżżejjed biex iqanqal lil kull min għandu tassew imħabba, biex iħaddan din id-devozzjoni? Imma rridu niftakru, li billi ngħaddu minn idejn Marija, l-opri tajba tagħna jakkwistaw purita’ akbar u għalhekk nirtu valur sodisfatorju u impetratorju akbar. B’dan il-mod isiru wisq aktar effettivi biex jgħinu lill-erwieħ tal-Purgatorju u biex jikkonvertu l-midinbin, milli kieku ma waslux għand Alla permezz l-idejn Verġinali u ġenerużi ta’ Marija.

Id-daqsxejn li nagħtu permezz ta’ Marija, meta ma nfittxux lilna nfusna, imma nkunu naġixxu biss b’imħabba mingħajr interess, isir qawwi ħafna biex iraqqad il-korla t’Alla, u jiġbed il-ħniena tiegħu. Forsi jidher mal-mewt, li persuna li kienet fidila ħafna lejn din id-devozzjoni tkun ħelset ħafna erwieħ mill-Purgatorju u kkonvertiet ħafna midinbin għalkemm tkun għaddiet ħajjitha tagħmel opri ordinarji. X’ferħ iġġiblu dan fil-ġudizzju, u xi glorja fl-eternita’!

5.8 Din id-Devozzjoni hi mezz eċċellenti għall-perseveranza (Para. 173-182)

Meta żżommok Marija, int ma taqax, meta tħarsek, int ma tibżax; meta tmexxik, int ma tgħejjix; meta titbissimlek, inti tasal fil-port tas-salvazzjoni… — San Bernard

simonStock by Puget173. Fl-aħħar wasalna għat-tmiem mottiv li f’ċertu sens iħeġġiġna aktar bil-qawwa lejn din id-devozzjoni. Dan it-tmien mottiv hu li din id-devozzjoni hi mezz tal-għaġeb biex nipperseveraw fil-virtu’ u nibqgħu fidili sal-mewt. X’inhi r-raġuni li l-konversjoni fil-biċċa l-kbira tal-midinbin ma ddumx qawwija u sħiħa? Għaliex jerġgħu jaqgħu hekk ħafif fid-dnub? U għaliex il-biċċa l-kbira tal-ġusti, minflok ma jgħaddu ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, u minflok ma jaqilgħu żidiet ġodda ta’ grazzji, ħafna drabi, jitilfu l-ħażna żgħira ta’ virtu’ u ta’ grazzji li għandhom?

Kif diġa’ wrejt, din id-diżgrazzja tiġi mill-fatt illi l-bniedem – hekk imħassar, hekk debboli u hekk inkonsistenti – jafda fih innifsu u fuq l-forzi tiegħu, u jaħseb li hu kapaċi jżomm bla mittiefes it-teżor tal-grazzji, virtujiet u merti tiegħu. Issa b’din id-devozzjoni aħna nagħtu dak kollu li għandna lill-Verġni Mbierka biex tħarishulna hi. Aħna nagħżluha bħala l-kaxxaforti universali ta’ dak kollu li għandna, kemm min-natura kif ukoll mill-grazzja. Aħna nafdaw fil-fedelta’ tagħha. Aħna nibnu fuq il-ħniena u l-imħabba tagħha biex hi tkun tista’ tħares u tkabbar il-virtujiet u l-merti tagħna minkejja t-taħbit tad-dinja, tal-ġisem u tad-demonju, biex joħduhomlna. Aħna ngħidulha bħalma jgħid tifel twajjeb lil ommu, u bħalma qaddej fidil igħid lil sidu: DEPOSITUM CUSTODI. O twajba Ommi u Sinjura tiegħi, jien qed nagħraf li bl-interċessjoni tiegħek jien diġa’ rċevejt aktar grazzji milli kien jistħoqqli, u l-esperjenza qarsa tiegħi tgħallimni, li jien qed inġorr dan it-teżor f’vażett fraġli ħafna, u li jien wisq dgħajjef u msejken biex ikun responsabbli tal-ħarsien tiegħu. Jekk jogħġbok mela, ħu b’fiduċja dak kollu li għandi u ħarishuli bil-fedelta’ u s-setgħa tiegħek. Jekk inti tgħasses fuqi, jien ma nitlef xejn. Jekk inti tweżinni, jien ma naqax. Jekk int tħarisni, jien inkun imħares mill-għedewwa tiegħi.

174. San Bernard igħid dan kollu b’mod ċar biex iqanqal din id-devozzjoni fina: “Meta żżommok Marija, int ma taqax, meta tħarsek, int ma tibżax; meta tmexxik, int ma tgħejjix; meta titbissimlek, inti tasal fil-port tas-salvazzjoni…” San Bonaventura donnu jgħid l-istess ħaġa aktar ċar: “Il-Verġni Mbierka mhix biss miżmuma fil-milja tal-Qaddisin, imma hi wkoll twieżen u tħares lill-Qaddisin fil-milja tagħhom biex ma tonqosx. Hi toqgħod għassa biex il-virtujiet tagħhom ma jkunux imminati u l-merti tagħhom ma jkunux mitlufa, il-grazzji tagħhom ma jiġux korrotti u x-xitan ma jagħmlilhom ebda ħsara.” Fl-aħħarnett hi żżomm l-id tas-Sinjur tagħna merfugħa biex ma jikkastigahomx meta jidinbu.

175. Marija hi l-Verġni fidila, li bil-fedelta’ tagħha lejn Alla ssewwi t-telfiet li ġiebet Eva bl-infedelta’ tagħha meta ma kinitx fidila, u li taqla’ l-grazzja tal-fedelta’ lejn Alla u l-perseveranza sal-aħħar lil dawk li jingħaqdu magħha. Għalhekk wieħed Qaddis ixebbaħha ma’ ankra soda li żżomm sod lil dawk marbutin magħha u ma tħallihomx jegħrqu fl-ilmijiet imqallba ta’ din id-dinja, fejn ħafna jintilfu għaliex ma jingħaqdux ma’ Marija. “Aħna norbtu l-erwieħ, biex jafdaw fik bħallikieku ma’ ankra soda”, hu jgħid. Il-Qaddisin li huma qegħdin fil-glorja, intrabtu ma’ Marija biex ikunu jistgħu jipperseveraw fil-virtu’, u tħabtu biex jorbtu lill-oħrajn ukoll ma’ din is-Sinjura Qaddisa. Henjin, mela, u kuntenti għal elf darba, huma dawk l-Insara li issa jorbtu ruħhom bil-fedelta’ u għal kollox magħha bħallikieku ma’ ankra żgura u soda. Id-daqqiet tal-ilmijiet irrabjat ta’ din id-dinja ma jistgħux jgħarrquhom jew iġagħluhom jitilfu t-teżori tagħhom tas-sema. Henjin dawk li jidħlu fiha bħallikieku f’Arka ta’ Noe! L-ilma tad-dulluvju tad-dnub, li qed igħarraq tant nies, ma jagħmlilhom l-ebda ħsara; għaliex f’dawk li jaħdmu s-salvazzjoni tagħhom fiha ma jidinbux”… Qui operantur in me non peccabunt (Sr.24,30) tgħid Marija fil-kliem tal-Għerf Divin. Henjin l-ulied infidili ta’ Eva diżubbidjenti li jintrabtu ma’ Marija, mal-Verġni li dejjem tibqa’ fidila, u żżomm il-wegħdiet tagħha: “Hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2,13). Hi dejjem tibqa’ tħobb lil dawk li jħobbuha. “Jien inħobb lil min iħobbni” (Prov 8,17), u dan mhux biss b’imħabba effettiva u effikaċi, billi ma tħallihomx iwarrbu l-prattika tal-virtu’, li jaqgħu fit-triq u li jitilfu l-grazzja ta’ Binha, billi tagħtihom abbundanza ta’ grazzji.

176. Minħabba t-tjubija ta’ qalbha, din l-Omm twajba dejjem taċċetta dak li aħna nagħtuha biex tħarisulna. U meta tkun irċevietu bħala depożitu, hi tkun marbuta bil-ġustizzja u permezz tal-kuntratt ta’ fiduċja, biex iżżommhulna intatt. Sewwa sew bħal persuna li f’idejha nafda elf lira, hi tkun obbligata li tħarishomli, u jekk bi traskuraġni titlifhomli, hi tkun responsabbli tat-telf ta’ din taħt il-ġustizzja. Imma Marija li hi hekk fidila mhix se tħalli dak li ġie fdat f’idejha jintilef bi traskuraġni tagħha; aktar igħaddu s-sema u l-art, milli tkun Marija traskurata u nfidila lejn dawk li jafdaw fiha.

177. Imsejka wlied ta’ Marija! Jien naf li d-dgħjufija tagħkom hi kbira ħafna u li l-inkonsistenza tagħkom kbira wkoll, u n-natura tagħkom midruba sewwa, għaliex intom ġejjin mill-kotra tal-ulied ta’ Adam u Eva mmarkati bid-dnub. Imma agħmlu l-kuraġġ! La tħallux dan jaqtgħalkom qalbkom, ifirħu għax għandkom is-sigriet li qed ngħallimkom – sigriet li kważi l-Insara kollha, anke l-aktar devoti, ma jafux bih. La tħallux id-deheb u l-fidda tagħkom fis-sniedaq li diġa’ ġew skassati u misruqa mill-ispirtu ħażin u li huma żgħar, dgħajfa u anke qodma wisq biex iżommu teżor hekk kbir u prezzjuż. La tpoġġux l-ilma ċar u safi tal-għajn fil-ġarar tagħkom, li huma kollha mtebbgħin u infettati bid-dnub; għax għalkemm id-dnub m’għadux hemm, ir-riħa tiegħu tibqa’, u din hi biżżejjed biex tħassar l-ilma. La taħżnux l-aħjar inbid tagħkom f’damiġġjani qodma, li kienu mimlija b’inbid ħażin għaliex imbagħad l-inbid tagħkom jiġi mniġġeż u jkun fil-periklu li jitħassar.

178. Għalkemm intom, erwieħ ippredestinati tifhmuni sewwa, hawnhekk irrid nitkellem aktar ċar. La tafdawx id-deheb tal-imħabba tagħkom fi xkora mtaqqba, lanqas il-fidi tal-grazzja tas-sema, u l-inbid tal-merti tagħkom f’ġarra mxaqqa u mtebbgħa; għax intom dawn kollha. Inkella tkunu misruqin mill-ħallelin – jiġifieri mid-demonji li qegħdin għassa lejl u nhar, jistennew is-siegħa li jagħmlu dan; intom iċċappsu kull rigal safi li Alla jagħtikom, bir-riħa tal-imħabba tagħkom infuskom, bir-rieda tagħkom, u billi taħsbu li intom m’għandkom bżonn ta’ ħadd. Ferrgħu fil-għan u l-qalb ta’ Marija t-teżori, il-grazzji u l-virtujiet tagħkom, għaliex hi għamara spiritwali, għamara ta’ unur u għamara singulari ta’ devozzjoni. Għamara tal-Ispirtu s-Santu, għamara ta’ kull grazzja, għamara ta’ kull tjieba. Ladarba Alla nnifsu fil-persuna u bil-perfezzjonijiet Tiegħu kollha, ingħalaq ġo din din l-għamara, din saret kollha spiritwali, u d-dar spiritwali tal-erwieħ l-aktar spiritwali. Hi saret ta’ unur, u t-tron tal-unur tal-prinċpijiet setgħana tal-eternita’. Saret singulari fid-devozzjoni, u l-aktar għamara msemmija għall-ħlewwa, għall-grazzja u għall-virtu’. Saret għanja bħal dar tad-deheb u qawwija bħal torri ta’ David, u safja bħal torri tal-avorju.

179. Kemm hu tassew imbierek dak li ta kollox lil Marija u li jafda fiha f’kollox u għal kollox! Hu kollu ta’ Marija u Marija hi kollha tiegħu, u ma’ David jista’ jagħmel il-kuraġġ jgħid: “Din hi l-barka li messet lili” (S 118,56). “Marija ġiet maħluqa għalija” inkella mad-dixxiplu l-maħbub, “Accepi eam in mea” (Ġw 19,27). “U min dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”, jew ma’ Ġesu’ Kristu, “Omnia mea sunt, et omnia tua mea sunt.” Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak kollu li hu tiegħek huwa tiegħi.” (Ġw 17,40)

180. Jekk xi wieħed li jikkritika, meta jaqra dan jaħseb li jien qed ngħid eseġerazzjoni minħabba d-devozzjoni fervoruża żżejjed, jaħasra, dan mhux jifhimni – għaliex hu bniedem marbut mal-ġisem li ma jiggustax il-ħwejjeġ tal-ispirtu, jew inkella tad-dinja, u għalhekk ma jistax jirċievi l-Ispirtu s-Santu, jew inkella għax hu bniedem supperv, li jikkundanna jew imaqdar dak kollu li hu ma jifhimx. Erwieħ li huma mweldin, mhux mid-demm jew mill-ġibda tal-ġisem, jew mir-rieda tal-bniedem, imma minn Alla u minn Marija, jifhmuni u jiggustaw dak li qed ngħid. Hu għalihom li jien qed nikteb.

181. Madankollu, biex nerġgħu niġu għas-suġġett, jien ngħid sewwa lil wieħed u kemm lill-ieħor illi Marija tas-sema, billi hi l-aktar fidila u ġeneruża fost il-krejaturi kollha, mhi ser tħalli ‘l ħadd jirbaħha fl-imħabba u l-ġenerosita’. U kif igħid wieħed qaddis: “Għal bajda hi tagħti gendus”, għal ftit li nagħtuha hi tagħti lura bil-ħafna mill-abbundanza li hi rċiviet mingħand Alla. Għalhekk jekk ruħ tagħti lilha nfisha għal kollox lilha, hi bi tpattija tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lil dik ir-ruħ. U jekk mingħar preżunzjoni, u filwaqt li jagħmel ħiltu biex jakkwista l-virtu’ u jrażżan il-passjonijiet tiegħu, wieħed ipoġġi l-fiduċja kollha tiegħu f’Marija, hi tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lilu.

182. Ħalli mela l-qaddejja fidili tal-Verġni Mbierka jgħidu bil-kuraġġ ma’ San Ġwann Damaxxenu: “Meta nafda fik, o Omm Alla, jien inkun salv; taħt il-ħarsien tiegħek jien ma nibżax; bl-għajnuna tiegħek, jien neħodha kontra l-għedewwa tiegħi u neqridhom; għaliex id-devozzjoni lejk hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.”

6 KAPITLU – Figura Biblika ta’ din id-Devozzjoni vera: Rebekka u Ġakobb (Para. 183)

Fil-ktieb tal-Ġenesi, l-Ispirtu s-Santu jagħtina xbieha perfetta, fl-istorja ta’ Ġakobb, tal-veritajiet kollha li jien iddiskutejt, b’relazzjoni tal-Verġni Mbierka. — San Alwiġi Maria De Montford

Jacob Travels to see Esau 7

183. Fil-ktieb tal-Ġenesi, l-Ispirtu s-Santu jagħtina xbieha perfetta, fl-istorja ta’ Ġakobb, tal-veritajiet kollha li jien iddiskutejt, b’relazzjoni tal-Verġni Mbierka. Naqraw kif Ġakobb irċieva l-barka ta’ missieru permezz tat-taħbit u l-għaqal ta’ Ommu Rebekka. L-ewwel se ngħid l-istorja kif jirrakontaha l-Ispirtu s-Santu, u wara nżid l-interpretazzjoni.

6.1 L-Istorja ta’ Ġakobb (Para. 184) Interpretazzjoni tal-istorja ta’ Ġakobb

Is-Santi Padri jikkummentaw li Eżaw kien il-figura ta’ dawk, li jfittxu jqabblu ‘l Alla ma’ din id-dinja, jridu kieku jgawdu l-ħlewwiet tas-sema mingħajr ma jħallu l-pjaċiri tad-dinja.. — San Alwiġi Maria De Montford

10_Esau_Jacob_1024_JPEG184. Eżaw (Ġen 25,29-34) biegħ il-prima ġenitura tiegħu lil Ġakobb. Xi snin wara, Rebekka, omm dawn iż-żewġt aħwa, li kienet tħobb ħafna lil Ġakobb, aċċertatu minn dan il-vantaġġ bi strataġemma qaddisa u fl-istess ħin misterjuża. Iżakk, billi kien qed iħoss it-toqol tas-snin u billi kien jixtieq ibierek lil uliedu qabel ma jmut, sejjaħ lil ibnu Eżaw, li hu kien iħobb u ordnalu biex joħroġ għal kaċċa u biex meta jkun qabad xi ħaġa jsajjarhielu biex jiekol; u mbagħad ikun jista’ jbierku (Ġen 27). Rebekka malajr qalet kollox lil Ġakobb u talbitu jġibilha żewġ gidien mill-merħla. Meta ġiebhomlha, sajrithom b’mod li kienet taf li jogħġbu lil Iżakk. Imbagħad libbset lil Ġakobb bil-ħwejjeġ ta’ Eżaw u għattielu jdejh u għonqu bil-ġild tal-gidien, biex missieru li bilkemm seta’ jara, jaħseb li kien Eżaw, għallinqas bil-ġilda u x-xagħar ta’ jdejh, għalkemm il-vuċi li sama’ kienet bil-vuċi ta’ Ġakobb. Maħsud minn dal-leħen, Iżakk qal lil Ġakobb biex jersaq ħdejh, u meta mess il-ġild tax-xagħar li kien igħattilu jdejh qal li l-vuċi kienet ta’ Ġakobb, imma l-idejn kienu jdejn Eżaw.

Jacob Travels to see Esau 11Wara li Iżakk kiel u “xamm ir-riħa tfuħ ta’ ħwejġu bierku, u xtaqlu n-nida tas-smewwiet u l-frott tal-art u poġġih fuq ħutu u temm il-barka tiegħu b’dan il-kliem: “Misħut min jisħtek, imbierek min ibierkek” (Ġen 27).

Iżakk bilkemm laħaq spiċċa dal-kliem, meta daħal Eżaw iġorr il-laħam tal-kaċċa tiegħu diġa’ misjur, biex missieru jiekol u wara jbierku. Il-Patrijarka qaddis baqa’ ssummat meta ntebaħ x’kien ġara, imma minflok li rtira dak li kien għadu kif għamel, hu seddqu għax ra ċar l-id t’Alla f’din il-ġrajja. Imbagħad Eżaw “għajjat għajta kbira” kif tgħidilna l-Iskrittura u filwaqt li akkuża l-qerq ta’ ħuh, staqsa lil missieru jekk hux barka waħda kellu jagħti. Hawnhekk jikkummentaw is-Santi Padri, Eżaw kien il-figura ta’ dawk, li jfittxu jqabblu ‘l Alla ma’ din id-dinja, jridu kieku jgawdu l-ħlewwiet tas-sema mingħajr ma jħallu l-pjaċiri tad-dinja. Iżakk, imqanqal mill-biki ta’ Eżaw, fl-aħħar bierku, imma b’barka tal-art, u b’sottomissjoni lejn ħuh. Dan wassal lil Eżaw inissel mibgħeda hekk kbira lejn Ġakobb, li kien qed jistenna biss il-mewt ta’ missieru qabel ma joqtlu. Ġakobb ma kienx jeħles mill-mewt, kieku ommu ma ħarsitux bl-istarteġija tagħha u bil-pariri tajba li kienet tagħtih u li fuqhom kien jimxi.

6.1.1 Eżaw figura tal-ħżiena (Para. 185-190)

Il-ħżiena ma jħobbux il-ġabra interjuri, l-ispiritwalita’ u d-devozzjoni: huma jqisu ‘l dawk li jgħixu ħajja interjuri, maqtugħin mid-dinja, u li jaħdmu aktar f’ruħhom milli fid-dinja tal-bnedmin, bħala nies ta’ rashom marbuta, bla raġuni u primittivi. — San Alwiġi Maria De Montford

Jacob Travels to see Esau 2185. Qabel ma nikkummentaw fuq din l-istorja sabiħa, l-ewwel irridu ninnutaw skont is-Santi Padri u dawk li jinterpretaw l-Iskrittura Mqaddsa, li Ġakobb hu l-figura ta’ Kristu u tal-predestinati, waqt li Eżaw hu l-figura tal-ħżiena. Dan jidher ċar meta nikkunsidraw l-azzjonijiet u l-imġiba ta’ kull wieħed minn dawn it-tnejn.

1. Eżaw, il-kbir, kien f’saħħtu u mġissem, “kaċċatur tajjeb u bidwi.”
2. Ftit kont issibu d-dar, u kien jaħdem biss barra, b’fiduċja sħiħa f’saħħtu u bil-ħila tiegħu.
3. Ftit kien jitħabat biex jogħġob ‘l ommu, Rebekka, u xejn ma għamel għalija.
4. Kien hekk żaqqieq u jħobb l-ikel li biegħ il-primaġenitura tiegħu għal platt minestra tal-għadds.
5. Bħal Kajjin kien mimli għira għal ħuh Ġakobb u kien jippersegwitah bl-aħrax.

186. Hawn tassew naraw l-imġiba ordinarja tal-ħżiena.

1. Huma jafdaw fis-saħħa u l-bżulija tagħhom għas-suċċess tal-ġid temporali. Huma f’saħħithom ħafna, tas-sengħa sew, u mdawlin ħafna fuq l-affarijiet ta’ din id-dinja, imma dgħajfin u injoranti ħafna fuq il-ħwejjeġ tas-sema: “In terrenis fortes, in coelestis debiles.

09_Esau_Jacob_1024_JPEG187. 2. U għalhekk ma huma qatt jew kważi qatt id-dar – jiġifieri, huma jevitaw li joqgħodu miġbura fl-intern ta’ ruħhom, f’dak l-intern u għamara meħtieġa li Alla ta lil kull bniedem, biex igħix fih, fuq eżempju ta’ Alla nnifsu. Il-ħżiena ma jħobbux il-ġabra interjuri, l-ispiritwalita’ u d-devozzjoni: huma jqisu ‘l dawk li jgħixu ħajja interjuri, maqtugħin mid-dinja, u li jaħdmu aktar f’ruħhom milli fid-dinja tal-bnedmin, bħala nies ta’ rashom marbuta, bla raġuni u primittivi.

188. 3 Il-ħżiena ftit iħabblu rashom bid-devozzjoni lejn il-Madonna, l-Omm tal-magħżulin. Tassew li ma jobogħduhiex formalment, u jagħtuha xi tifħir, u jgħidu li jħobbuha. U jista’ jkun li jipprattikaw xi devozzjoni b’qima lejha wkoll. Imma mill-bqija ma jifilħux jissaportu lil xi ħadd li jħobbha ħafna, għaliex huma ma jħossux lejha dik it-tenerezza ta’ Ġakobb. Huma jikkritikaw u jagħtu tort lill-prattiki ta’ devozzjoni, li permezz tagħhom l-ulied it-twajba u l-qaddejja tagħha jfittxu li jaqilgħu l-imħabba tagħha.

Huma jsostnu li din id-devozzjoni mhix meħtieġa għas-salvazzjoni. Li ma jobogħduhiex formalment, u ma jmaqdrux id-devozzjoni tagħha fil-beraħ – dan, igħidu huma, u biżżejjed biex ikollhom l-imħabba tagħha u dik li jgħidu u jirrepetu xi ftit talb b’qima lejha, jew xi skop ta’ ndiema, iqisuh bħala biżżejjed biex jittimbrahom bħala qaddejja tagħha.

14_Esau_Jacob_1024_JPEG189. 4. Il-ħżiena jbiegħu l-primaġenitura tagħhom – il-glorja tas-sema – għal platt minestra tal-għadds – il-pjaċir tad-dinja. Huma jidħku, jixorbu u jieklu, jixxalaw, jilgħabu u jiżfnu u bħal Eżaw ma jagħmlu l-ebda sforz biex isiru denji tat-tberik tal-missier tas-sema. Fil-qasir, huma jaħsbu biss fid-dinja: huma jħobbu biss id-dinja, jitkellmu biss fuq id-dinja, u jfittxu biss il-pjaċiri tagħha.

Għall-pjaċir ta’ mument, għall-unur li qisu duħħan, għall-biċċa art ħarxa, għall-ftit muniti huma jbiegħu l-grazzja tal-Magħmudija, il-libsa tagħhom tal-innoċenza u l-wirt tagħhom tas-sema.

190. 5. Fl-aħħarnett il-ħżiena jobogħdu lill-ippredestinati, u jippersegwitawhom kuljum, bil-moħbi jew bil-miftuħ. Billi ma jifilħux jissaportu lill-ippredestinati huma jobogħduhom, jikkritikawhom, igħaddu ż-żmien bihom, u jagħmlulhom ħsara, jisirquhom, iqarrqu bihom, ifaqqruhom, ifittxuhom u jxejnuhom bħat-trab. Fl-istess ħin huma jistagħnew, jieħdu pjaċir, igħixu tajjeb, isiru għonja u setgħana u jgħixu bil-kumdita’.

6.1.2 Ġakobb figura tal-magħżulin (Para. 191-200)

Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). — San Alwiġi Maria De Montford

191. Issa kkunsidraw lil Ġakobb l-Iben żgħir.

1. Hu kien ta’ karattru kwiet, umli u jħobb il-paċi. Kien ħa d-drawwa jibqa’ d-dar kemm jista’ jkun, biex ikun jista’ aktar jitħabbeb m’ommu, Rebekka, li tant kien iħobb. Meta kien joħroġ mid-dar kien biss għaliex hi xtaqitu jagħmel hekk, mhux għax kien imqanqal minn xi xewqa tiegħu, jew għax kien jafda fil-ħila tiegħu.

192. 2 Din ix-xeħta li jħobb id-dar kienet ġejja mill-imħabba u mir-rispett li kellu lejn ommu. Hu kien jaħrab dak kollu li kien idejjaqha u kien jagħmel dak kollu li jidhirlu li jagħtiha pjaċir. Dan ġiegħel lil Rebekka tħobbu dejjem iżjed.

193. 3. Hu kien sottomess lejn ommu l-għażiża f’kollox. Kien jobdiha f’kollox malajr, bl-imħabba u bil-ferħ, kien ifittex jagħmel dak li kienet tixtieq, mal-iċken wirja tax-xewqa tagħha. Kien jaċċetta dak kollu li tgħidlu b’fiduċja sħiħa: per eżempju, meta qaltlu jġib żewġ gidien għall-ikla ta’ missieru, Iżakk, Ġakobb ma qagħadx igħidilha li gidi wieħed kien biżżejjed għal dak l-iskop. Mingħajr ma qagħad jistaqsi, hu għamel bl-eżattezza kollha, dak li qaltlu.

Jacob Travels to see Esau 7194. 4. Hu kellu fiduċja sħiħa f’ommu l-għażiża. Fl-ebda mod ma fada fuq il-ħila u l-inizjattiva tiegħu, imma biss fuq il-kura u l-ħarsien li tatu ommu. Kien ifittex l-għajnuna tagħha f’dak kollu li kien ikollu bżonn u kien jikkonsultaha fid-dubji tiegħu; per eżempju meta staqsieha, jekk flok il-barka jirċievi s-saħta ta’ missieru hu emminha u fada fis-sigurta’ li tatu li jekk din tingħatalu, hi tieħu din is-saħta fuqha nnfisha.

195. 5. Fl-aħħarnett hu kien jimita kemm jista’ jkun, il-virtujiet li kien jara f’ommu, u jidher li waħda mir-raġunijiet għaliex kien joqgħod id-dar setgħet kienet biex jimita ‘l ommu li kienet virtuża, u biex jaħrab il-ħbieb ħżiena li kienu jħassruh. B’dal-mod hu sar denn li jirċievi l-barka doppja ta’ missieru.

196. L-imġiba ta’ Ġakobb hija dik li tixbah ħafna il-ħajja ta’ kuljum tal-ippredestinati.

1. Huma jibqgħu d-dar m’ommhom: fi kliem ieħor huma jħobbu l-ġabra, u jikkoltivaw il-ħajja interjuri, jagħtu ruħhom għat-talb – imma dan kollu skont l-eżempju u fil-kumpanija ta’ Ommhom, il-Verġni Mqaddsa; li minnha jingħad, li l-glorja tagħha kollha hi minn ġewwa, li matul ħajjitha kollha, ħabbet tant il-ġabra u t-talb. Huma naturalment jidhru xi darba fid-dinja tal-bnedmin, imma biss biex jaqdu d-dmirijiet tal-istat tagħhom, permezz tal-ubbidjenza lejn ir-rieda t’Alla u tal-Omm għażiża tagħhom. Huma jagħmlu verament xogħol li jidher kbir quddiem id-dinja; imma huma japprezzaw aktar l-opri li jagħmlu minn ġewwa fl-irkejjen moħbija ta’ ruħhom, flimkien mal-Verġni Mqaddsa. Għaliex jafu li dawn l-opri kbar ta’ ġewwa, iwettqu x-xogħol il-kbir tal-perfezzjoni personali tagħhom, li barra minnu, ix-xogħol l-ieħor kollu, hu biss logħob tat-tfal.

Jacob Travels to see Esau 5Għalhekk jiġri li, waqt li ħuthom subien u bniet jagħtu ruħhom b’ħeġġa u enerġija kbira għas-suċċess tax-xogħol ta’ barra, li jġibilhom it-tifħir u l-applawsi tad-dinja, huma stess jirrealizzaw bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, li hemm wisq iżjed glorja, profitt u pjaċir li tibqa’ moħbi f’Ġesu’ Kristu, f’sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommhom, milli tagħmel għeġubijiet tan-natura u tal-grazzja fid-dinja bħal ħafna Eżaw u nies ħżiena tad-dinja. “Ġid u għana jkunu f’daru” (S112(111),3). Il-glorja t’Alla u l-ġid tal-bnedmin huma fid-dar ta’ Marija.

O Sinjur Ġesu’ kemm huma sbieħ l-għamajjar tiegħek! L-għasfur tal-belt sab dar għalih, u l-ħuttafa sabet bejta fejn tpoġġi ż-żgħar tagħha. Imbierek dak il-bniedem li jgħammar fid-dar ta’ Marija, fejn inti stess kont l-ewwel wieħed li għammart! Hi f’din l-għamara tal-magħżulin, li hu jirċievi għajnuna minnek biss, u li “f’qalbu jiddeċiedi li jitla’ bil-ftit il-ftit”, u bil-gradi fil-virtujiet kollha, “f’dal-wied tad-dmugħ”, sa ma jasal fil-quċċata tal-perfezzjoni. “Quam dilecta tabernacula tua”… (S 84 (83)).

197. 2. Il-Magħżulin iħobbu ħafna li jqimu tassew lill-Verġni Mbierka bħala Ommhom u s-Sinjura twajba tagħhom. Huma jħobbuha tassew mhux bit-tpaċpiċ biss; huma jqimuha mhux b’devozzjoni ta’ barra, imma fil-qiegħ ta’ qalbhom. Bħal Ġakobb huma jfittxu li ma jagħmlu xejn li jista’ jiddisgustaha, u b’fervur kbir jipprattikaw dak kollu li jaħsbu li jaqlgħalhom il-ħarsien u l-imħabba tagħha. Huma jġibulha u jagħtuha mhux żewġ gidien, bħalma ġab Ġakobb lil Rebekka, imma ruħhom u ġisimhom bil-fakultajiet u s-setgħat tagħhom, iffigurati fiż-żewġ gidien ta’ Ġakobb. Huma jagħmlu dan:

Jacob Travels to see Esau 61. Biex hi tirċeviehom bħallikieku kienu tagħha;

2. biex hi tkun tista’ toqtolhom, u ġġegħilhom imutu għad-dnub u għalihom infushom, billi tqaxxarhom u tneżżagħhom mill-ġilda tagħhom tal-imħabba tagħhom infushom, biex hekk isiru jogħġbu lil Binha, Ġesu’ Kristu, li jixtieq li jkollu bħala ħbiebu dixxipli tiegħu, dawk biss li huma mejta għalihom infushom;

3. biex hi tkun tista’ tħejjihom skont kif jogħġbu lill-Missier tas-sema u għall-akbar glorja tiegħu – li fuqu, hi taf wisq iżjed minn kull kreatura oħra;

4. u biex bil-kura u l-interċessjoni tagħha, dan il-ġisem u din ir-ruħ, imsoffija sewwa minn kull tebgħa tad-dnub, totalment mejta għalihom infushom, imneżżgħin tajjeb u mhejjija ħafna, jistgħu jsiru ikel bnin xieraq għal Missier tas-sema, u denji tal-barka tiegħu.

Mhix din eżattament l-imġiba ta’ dawk il-bnedmin magħżulin li jfittxu bil-pjaċir il-konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija, li qed ngħallmuhom u li jipprattikawha fedelment biex juru mħabba kuraġġuża u effettiva lejn Ġesu’ u Marija? Il-ħżiena, verament jgħidu li jħobbu lil Ġesu’, u li jħobbu u jqimu lil Marija, imma mhux bħall-magħżulin, li jagħtu mill-ġid tagħhom, lanqas li jissagrifikaw ġisimhom bis-sensi tiegħu u ‘l ruħhom bil-passjonijiet tagħha.

Jacob Travels to see Esau 8198. 3. Il-Magħżulin huma sottomessi u ubbidjenti lejn Marija, bħallikieku lejn Ommhom twajba, bħall-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, li għadda tletin sena minn ħajja ta’ tlieta u tletin sena biss fuq l-art, jigglorifika ‘l Alla, Missieru, permezz ta’ sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommu l-Imbierka. Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Acquiesce consillis mei.”, Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). Għaliex obda minn ommu Ġakobb irċieva l-barka qisu b’miraklu, għalkemm fl-ordni tan-natura ma kellux dritt għaliha; ukoll għaliex imxew fuq il-parir tal-Verġni Mbierka, il-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana ġew onorati bl-ewwel miraklu ta’ Ġesu’ Kristu, li biddel l-ilma f’inbid għat-talba tal-Imqaddsa Ommu. Hekk ukoll, dawk kollha li sal-aħħar taż-żmien jirċievu l-barka tal-Missier tas-Sema, u jkunu ffavoriti bil-ħwejjeġ tal-għaġeb t’Alla, jirċievu dawn il-grazzji biss għaliex kienu perfettament ubbidjenti lejn Marija. Mill-banda l-oħra dawk li jimxu wara Eżaw jitilfu l-barka tagħhom għaliex ma jridux jissottomettu ruħhom lejn il-Verġni Mbierka.

Jacob Travels to see Esau 10199. 4. Il-Magħżulin għandhom fiduċja kbira fit-tjieba u l-qawwa tal-Verġni Mbierka, l-Omm twajba tagħhom. Huma kontinwament isejħulha għall-għajnuna. Huma jqisuha bħal Kewkbet-is-Safar li turihom port tal-kenn, huma jiftħu qalbhom magħha, u jitkellmu magħha sinċerament fuq in-niket tagħhom, huma jintrabtu mal-ħniena u l-ħlewwa tagħha, biex, bl-interċessjoni tagħha, huma jkunu jistgħu jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom, jew biex bil-faraġ tagħha ta’ omm, jonqsulhom it-tbatijiet u l-għeja tagħhom. Hekk huma jintefgħu fil-ħdan verġinali tagħha ta’ omm, biex hemm b’mod tal-għaġeb jinħbew u jintilfu biex ikunu maqbudin f’tgħannieqa ta’ mħabba safja, biex huma jkunu msoffijin minn kull tebgħa ta’ dnub, u fejn ikunu jistgħu jsibu ‘l Ġesu’ għal kollox, fejn hu qiegħed bħallikieku fuq l-aktar tron glorjuż Tiegħu.

“X’kuntentizza hi din! La taħsbux” – igħid l-Abbati Guerric – “li hemm kuntentizza akbar li toqgħod fi ħdan Abram milli fil-ħdan ta’ Marija ladarba fiha kien is-Sinjur tagħna waqqaf it-tron tiegħu.” Mill-banda l-oħra, il-ħżiena jafdaw biss fihom infushom, u b’riżultat ta’ dan huma jieklu – bħall-iben il-ħali biss il-qxur li jieklu l-qżieqeż. Bħaż-żrinġijiet huma jieklu mill-art. U ladarba huma għandhom l-għatx tal-ulied tad-dinja għal dawk il-ħwejjeġ li jidhru biss minn barra, m’għandhom l-ebda ġibda għall-ħlewwa ta’ ħdan Marija, u lanqas ma jsibu dik il-qagħda u fiduċja żgura li l-magħżulin isibu fil-Verġni Mbierka, it-twajba Ommhom. Huma miżerabilment jippreferu jtaffu l-ġuħ tagħhom fost il-ħwejjeġ tad-dinja, igħid San Girgor, għaliex ma jridux iduqu l-ħlewwa li tinsab imħejjija f’ruħhom, u fil-qiegħ ta’ qalbhom ta’ Ġesu’ u ta’ Marija.

200. 5. Fl-aħħarnett il-magħżulin jimxu fil-mogħdiet ta’ Marija l-Omm twajba tagħhom: fi kliem ieħor huma jimitawha u b’hekk ikunu tassew kuntenti u devoti, u jkollhom it-timbru tal-predestinazzjoni tagħhom, skont kif din l-Omm twajba tgħidilhom: “Henjin dawk li jimxu fi triqati.” (Prov 8,32). Henjin dawk li jipprattikaw il-virtujiet tiegħi u li bl-għajnuna tal-Grazzja Divina jimxu mit-triq li jien għaddejt. Huma jkunu kuntenti f’din id-dinja, permezz tal-abbundanza ta’ grazzji u ta’ ħlewwiet, li jien nagħtihom mill-milja tiegħi – u nagħtihom b’abbundanza akbar milli nagħti lill-oħrajn li ma jimitawnix hekk fil-qrib. Huma jkunu kuntenti f’mewthom, li tkun ħelwa u kalma, u fejn jien bħas-soltu nkun preżenti biex neħodhom fil-ferħ tal-Eternita’, għaliex l-ebda wieħed mill-qaddejja fidili tiegħi, li kien jimita l-virtujiet tiegħi f’ħajtu, qatt ma ntilef. Mill-banda l-oħra, il-ħżiena huma mdejqa f’din id-dinja, f’mewthom u fl-Eternita’, għaliex ma jimitawx il-Verġni Mbierka fil-virtujiet tagħha, billi jikkuntentaw ruħhom biss li jinkitbu biss fil-fratellanzi tagħha, li jgħidu xi talb jew li jagħmlu xi devozzjoni oħra esterna b’qima lejha. O Verġni Mbierka, Omm twajba tiegħi, kemm huma mberkin – nerġa’ ntenniha mqanqal mill-ferħ – kemm huma mberkin dawk li ma jħallux lilhom infushom jiġu mmexxijin ħażin minn xi devozzjoni falza lejk, iżommu fedelment il-modijiet, il-pariri u l-ordnijiet tiegħek! Imma kemm huma mdejqin u misħutin dawk li filwaqt li jippretendu li għandhom qima lejk, ma jobdux il-Kmandamenti ta’ Ibnek! “Misħut min jitbiegħed mill-Kmandamenti tiegħek” (S 118,21).

6.2 Il-Verġni Mbierka u l-ilsiera tagħha *** 6.2.1 Hija tħobbhom (Para. 201-207)

Meta tkun irċeviet din l-offerta perfetta tagħna nfusna u tal-merti u s-sodisfazzjonijiet tagħna li nkunu għamilnielha b’din id-devozzjoni li qed nirrikmanda u meta tkun ukoll neżżgħetna mill-ħwejjeġ il-qodma, din l-Omm twajba teħodna f’idejha u tagħmilna denji biex nidhru quddiem il-Missier tas-Sema. — San Alwiġi Maria De Montford

201. Issa sa naraw is-servizzi ta’ mħabba, li l-Verġni Mbierka, bħala l-aħjar fost l-ommijiet, tagħmel ma’ dawk il-qaddejja fidili li jkunu taw ruħhom lilha kif iddeskrivejt jiena u fuq ix-xbiha ta’ Ġakobb.

1. Hi tħobbhom
“Jiena nħobb lil min iħobbni” (Prov 8,17).
Hi tħobbhom
(1) għax hi verament ommhom – u omm dejjem tħobb lil uliedha, li huma l-frott tal-ġuf tagħha;
(2) hi tħobbhom bi gratitudni, għaliex huma jħobbuha b’imħabba sinċiera u prattika, bħala ommhom it-twajba;
(3) hi tħobbhom għaliex huma l-ippredestinati t’Alla, maħbubin minn Alla. “Ħabbejt lil Ġakobb u bgħadt lil Eżaw” (Rum9,13);
(4) hi tħobbhom għaliex huma kkonsagraw lilhom infushom kollha kemm huma lilha, u għaliex huma s-sehem u l-wirt tagħha: “Iret sehmek f’Iżrael” (Sir 24,8)

Capture6

202. Hi tħobbhom ħafna, b’imħabba li tgħaddi l-imħabba tal-ommijiet l-oħra kollha flimkien. Immaġinaw l-imħabba kollha naturali li hemm fil-qlub tal-ommijiet kollha lejn uliedhom, tkun kollha miġbura fil-qalb tal-istess omm waħda għal tarbija waħdanija: bla dubju, omm bħal din, tħobb lit-tarbija tagħha b’imħabba qawwija ħafna. U b’dan kollu jibqa’ veru li Marija tħobb lil uliedha b’imħabba ikbar milli tħobb omm bħal din.

Marija ma tħobbx lil uliedha b’imħabba tenera biss, imma b’mod prattiku wkoll. Bħall-imħabba ta’ Rebekka lejn Ġakobb, u b’intensita’ ikbar, l-imħabba ta’ Marija lejhom hi attivita’ u prattika. Rebekka kienet biss, il-figura ta’ Marija u hawn se ngħidu x’tagħmel din l-Omm twajba biex taqla’ l-barka tal-Missier tas-Sema għal uliedha;

203. 1. Bħalma għamlet Rebekka ma’ Ġakobb hi tgħasses għall-opportunitajiet adattati biex tkabbar l-interessi tagħhom biex tgħollihom u tagħnihom. Hi tagħraf ċar f’Alla dak kollu li hu tajjeb, u dak kollu li hu ħażin, kif ukoll il-barkiet u s-saħtiet t’Alla kollha. U f’dan id-dawl hi ttawwal l-id mexxejja tagħha fil-futur biex tkun tista’ tħares lill-qaddejja tagħha minn kull xorta ta’ deni u titfa’ fuqhom kull xorta ta’ ġid. Mela, meta jkun hemm xi pjan li jrid jitwettaq f’Alla, u jista’ jinkiseb mertu kbir, permezz tal-fedelta’ ta’ xi kreatura li tkun imsejħa biex twettaq dan il-pjan għoli, Marija żgur li tipprokura biex tieħu din ir-ruħ imbierka u magħżula, bħala wieħed minn uliedha u l-qaddejja tagħha għeżież, u tiżguralu l-grazzja li jkompli l-missjoni tiegħu fedelment: “Hija tieħu ħsieb tal-interessi lejha”, jgħid wieħed qaddis.

204. 2 Bħalma għamlet Rebekka ma’ Ġakobb, Marija tagħti parir tajjeb lill-qaddejja tagħha: “Ibni, isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). U fost pariri oħra, hi tispirahom biex iġibulha żewġ gidien, jiġifieri ġisimhom u ruħhom, u jikkonsagrawhom lilha biex hi tkun tista’ tirranġahom bħall-platt li jogħġob ‘l Alla. Hi wkoll tispirahom biex jagħmlu dak kollu li Ġesu’ Kristu, Binha, għallem bi kliemu u bl-eżempju tiegħu. U jekk ma tkunx tat dawn il-pariri personalment, tkun għamlet dan bil-qadi tal-Anġli, li ma jħossux pjaċir jew unur akbar, milli meta jobdu l-iċken kmand tagħha biex jinżlu fid-dinja u jgħinu l-qaddejja fidila tagħha.

205. 3. X’tagħmel il-Madonna meta wieħed ikun ta u kkonsagra ġismu u ruħu totalment lilha? Hi tagħmel kif għamlet qabel Rebekka liż-żewġ gidien li ġibilha Ġakobb:

(a) Toqtolhom – jiġifieri ġġagħalhom imutu għall-ħajja ta’ Adam il-qadim;
(b) Hi tqaxxrilhom u tneżżagħlhom il-ġilda naturali – jiġifieri mill-ġibdiet ħżiena u r-rabta mal-kreaturi;
(ċ) Hi tnaddafhom mill-impuritajiet u d-dnubiet;
(d) Hi tippreparahom biex ikunu jogħġbu ‘l Alla, u jkabbru l-glorja Tiegħu.

U ladarba Marija biss taf tajjeb x’jogħġob lill-Maesta’ Divina u jkabbarlu l-glorja, hi biss li tista’ tipprepara u tirranġa mingħajr żbalji lil ruħna u ġisimna għall-gost infint u sublimi t’Alla u għall-glorja infinita u moħbija Tiegħu.

1212guadelupe-day206. 4. Meta tkun irċeviet din l-offerta perfetta tagħna nfusna u tal-merti u s-sodisfazzjonijiet tagħna li nkunu għamilnielha b’din id-devozzjoni li qed nirrikmanda u meta tkun ukoll neżżgħetna mill-ħwejjeġ il-qodma, din l-Omm twajba teħodna f’idejha u tagħmilna denji biex nidhru quddiem il-Missier tas-Sema. (a) Hi tlibbisna ħwejjeġ adattati, ġodda, prezzjużi u kollha fwieħa, ta’ Eżaw ħuh il-kbir – jiġifieri ta’ Ġesu’ Kristu, Binha – li hi żżomm f’darha, jiġifieri li hu fis-setgħa tagħha, ladarba hi t-teżoriera u d-dispensatriċi universali tal-virtujiet u l-merti ta’ Binha, Ġesu’ Kristu.

Hi tagħti u tikkomunika dawn lil min trid, kif trid u bil-kwantita’ li trid kif ġa rajna. (b) Hi tgħatti l-għonq u l-idejn tal-qaddejja tagħha bil-ġlud tal-gidien maqtula u mqaxxra. Fi kliem ieħor hi żżejjinhom bil-merti u l-prezz tal-opri tagħhom. Fil-verita’, hi toqtol u teqred dak kollu li mhux pur u perfett fil-persuna tagħhom. Imma hi ma titlifx jew taħli t-tajjeb li l-grazzja tkun wettqet hemm.

Hi żżomm dak it-tajjeb u tkabbru bħall-ornament u s-saħħa ta’ għonqhom u jdejhom. Fi kliem ieħor hi ssaħħaħhom u tgħinhom iġorru l-madmad li għandhom fuq għonqhom u jagħmlu ħwejjeġ kbar għall-glorja t’Alla u għas-salvazzjoni ta’ ħuthom sfortunati. (ċ) Hi tagħti fwieħa ġdida lill-ilbiesi u lill-ornamenti tagħhom, billi tlibbes lill-qaddejja tagħha bil-merti u l-virtujiet tagħha stess, li meta mietet, ħallitilhom – kif qaltilna soru tas-seklu li għadda, li għamlet mewta ta’ qaddisa u li saret taf dan b’rivelazzjoni speċjali.

B’hekk dawk kollha ta’ darha – il-qaddejja u l-ilsiera – huma mlibbsin b’żewġ ilbiesi, jiġifieri bil-libsa ta’ Binha u b’tagħha stess! “Għax kollha għandhom żewġ ilbiesi” (Prov 31,21). U għalhekk Ġesu’ Kristu ma jkunx għalihom dak li hu għall-ħżiena – biża’ li jinġazza, bjuda kiesħa bħal tas-silġ, li huma ma jkunux jifilħu jissapportu billi huma mneżżgħin mill-merti ta’ Ġesu’ Kristu u tal-Imqaddsa Ommna Marija.

207. 5. Fl-aħħarnett, għalkemm huma l-ulied iż-żgħar u huma biss ulied adottati – u għalhekk m’għandhomx dritt naturali għal barka bħal din – Marija taqla’ l-barka tal-Missier tas-Sema għall-qaddejja tagħha. Lebsin ilbiesi ġodda fjamanti, ta’ kwalita’ mill-aqwa u kollha fwieħa; b’ruħhom u ġisimhom ippreparati u ddestinati – huma jersqu bil-kunfidenza lejn it-tron tal-Missier tagħhom tas-Sema. Dan il-Missier twajjeb jismagħhom u jagħraf il-leħen tagħhom, li hu l-leħen tal-midneb. Hu jmissilhom idejhom, mgħottijin bil-ġlud. Ixomm il-fwieħa ħelwa tal-ilbiesi tagħhom. Hu jiggosta bil-ferħ dak li ppreparatlu Marija.

Billi jagħraf fihom il-merti u l-fwieħa ta’ Ibnu u tal-Omm Qaddisa ta’ Ibnu:

1. Hu jagħtihom iż-żewġ barkiet tiegħu – Il-Barka tan-nida tas-Sema – “Minn nida tas-Smewwiet”, jiġifieri l-barka tal-Grazzja Divina li hi ż-żerriegħa tal-glorja; “Imbierek Alla… li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet ta’ Kristu” (Efes 1,3). Il-barka tal-ġid tal-art – “Minn frott tal-art”, fi kliem ieħor il-ħobża ta’ kuljum u dak li hu biżżejjed mill-ġid ta’ din id-dinja.

2. Iktar, hu jagħmilhom sidien fuq ħuthom, il-ħżiena. Ċertament dan mhux dejjem jidher fid-dinja, li tgħaddi f’mument, u fejn il-ħżiena donnhom isaltnu: “Kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar” (S 93,4)… “Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar, jinfirex qisu ċedru tal-libanu” (S36,35). Imma din is-supremazija tal-magħżulin hi madankollu vera, u tidher ċar fil-ħajja l-oħra, għall-eternita’ kollha, fejn il-ġusti, kif igħidilna l-Ispirtu s-Santu, isaltnu fuq in-nazzjonijiet u jmexxuhom, “Jaħkmu fuq il-poplu” (Għerf 3,8).3.

Mhux kuntent li jberikom fil-persuna tagħhom u f’dak kollu li jippossiedu, Alla jbierek ukoll lil dawk kollha li jberkuhom u jisħet lil dawk kollha li jisħtuhom u jippersegwitawhom.

6.2.2 Hija tipprovdilhom kollox (Para. 208)

Ladarba Marija hi t-teżoriera u d-dispensatriċi tar-rigali u l-grazzji tal-Aktar Għoli, hi tagħti lil uliedha u l-qaddejja tagħha sehem kbir u l-aħjar minn dawk il-grazzji u r-rigali mill-isbaħ, biex issostnihom u tħarishom. — San Alwiġi Maria De Montford

StLouisdeMontfortVirginMary208. It-tieni opra ta’ karita’ li l-Verġni Mbierka tagħmel mal-qaddejja fidili tagħha, hi dik li tipprovdilhom kull ma għandhom bżonn għall-ġisem u għar-ruħ. Bħalma diġa’ rajna, hi tagħtihom żewġ ilbiesi: Hi tittrattahom bl-iktar ikel delizzjuż mill-mejda t’Alla. Hi titmagħhom bil-Ħobż tal-Ħajja, li hi stess iffurmat: “A generationibus meis implemini” (Koħ 24,25). “Għeżież uliedi”, hi tgħidilhom permezz ta’ Ktieb il-Għerf, “Imtlew bil-ġenerazzjoni tiegħi”, jiġifieri b’Ġesu’, il-Frott tal-Ħajja, li jien ġibt fid-dinja minħabba fikom”…

“Ejjew kulu l-ħobż tiegħi u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom” (Prov 9,5). “Kulu għeżież, ixorbu u iskru” (Għan 5,1). “Ejjew” tgħidilhom, “kulu l-ħobż tiegħi, li hu Ġesu’, ixorbu l-inbid ta’ mħabbtu, li jien ħallatt għalikom.” Ladarba Marija hi t-teżoriera u d-dispensatriċi tar-rigali u l-grazzji tal-Aktar Għoli, hi tagħti lil uliedha u l-qaddejja tagħha sehem kbir u l-aħjar minn dawk il-grazzji u r-rigali mill-isbaħ, biex issostnihom u tħarishom. Huma jkunu mmantnin bil-Ħobż tal-Ħajja u msakkrin bl-Inbid li jnissel l-verġni. Bl-għajnuna qatt ma taqta’ ma’ Marija “Intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu” (Is 6,12) – huma jġorru l-madmad ta’ Ġesu’ Kristu b’tant ħeffa, li bilkemm iħossu t-toqol tiegħu minħabba ż-żejt tad-devozzjoni li bih dilkithom. “Jugun eorum computrescet a facie olei”… “U l-madmad tiegħu jinkiser minn fuq għonqok” (Is 10,27).

6.2.3 Hija tmexxihom u tiggwidhom (Para. 209)

Min jimxi warajha ma jintilifx. — San Bernard

OLG209. It-tielet benefiċċju li l-Verġni Mbierka tagħti lill-qaddejja tagħna, hu dak li tmexxihom u tiggwidahom skont ir-rieda ta’ Binha. Rebekka kienet tmexxi liċ-ċkejken Ġakobb u tagħtih xi parir f’waqtu kemm biex tiġbed fuqu l-barka ta’ missieru, kif ukoll biex tiskansalu l-mibgħeda u l-persekuzzjoni ta’ ħuh Eżaw. Marija, li hi l-Kewkba tal-Baħar, tmexxi lill-fidili qaddejja tagħha kollha għall-port tal-kenn; hi turihom il-mogħdijiet tal-ħajja ta’ dejjem; hi ma tħallihomx imorru f’toroq perikulużi u tmexxihom minn idejhom huma u telgħin it-taraġ tal-qdusija. Hi twiżinhom meta jkunu fil-periklu li jaqgħu, u terfagħhom meta jaqgħu.

Hi ċċanfarhom, bħal omm li tħobb, meta jaqgħu, u xi darba tikkastigahom bl-id tal-imħabba. Jista’ iben, li jkun ubbidjenti lejn Marija, Ommu u l-protettriċi tiegħu, jista’ iben bħal dan jintilef fi triqtu lejn l-eternita’? “Ipsam sequens non devias”… “Min jimxi warajha ma jintilifx” (San Bernard).

M’hemm l-ebda biża’ li xi veru iben ta’ Marija jkun imqarraq minn spirtu ħażin u jaqa’ f’xi ereżija formali. Fejn tmexxi Marija m’hemmx post għax-xitan u l-qerq tiegħu, jew għall-eretiċi bit-tqarriq tagħhom. “Meta żżommok Marija, int ma taqax”.

6.2.4 Hija tiddefendihom u tħarishom (Para. 210)

Marija titkellem mall-qaddejja tagħha, titbaxxa sa fejnhom, u tagħti kas tad-debolizza tagħhom, biex fid-dell tagħha huma jistgħu jkunu mħarsin mis-seqer u miċ-ċawlun. — San Alwiġi Maria De Montford

Capture210. Bħala r-raba’ servizz lill-ulied u qaddejja tagħha, il-Verġni Mbierka tiddefendihom u tħarishom mill-għedewwa tagħhom. Bil-kura u l-għaqal tagħha, Rebekka, ħarset lil Ġakobb mill-perikli kollha li kien jiltaqa’ magħhom u speċjalment mill-mewt, li ħuh Eżaw kien lest li jagħmillu, minħabba l-mibgħeda u l-għira li kellu lejh, bħalma Kajjin għamel lil ħuh Abel. Marija, l-Omm twajba tal-ippredestinati, taħbihom taħt il-ġwienaħ tal-protezzjoni tagħha, bħalma qroqqa taħbi l-flieles tagħha. Hi titkellem magħhom, titbaxxa sa fejnhom, u tagħti kas tad-debolizza tagħhom, biex fid-dell tagħha huma jistgħu jkunu mħarsin mis-seqer u miċ-ċawlun.

Hi ddawwarhom bil-qawwa tagħha u timxi magħhom bħal eżerċitu lest għat-taqbida: “ut castrorum acies ordinata” (Għan 6,3). Jista’ jkun li bniedem li jkun imdawwar minn eżerċitu kbir ta’ mitt elf suldat, jibża’ mill-għedewwa tiegħu? Qaddej fidil ta’ Marija, imdawwar bil-protezzjoni u l-qawwa tagħha ta’ Sultana, għandu wisq anqas minn xiex jibża’. Din l-Omm twajba u Prinċipessa setgħana tas-sema, aktar tagħmel li tibgħat malajr armata ta’ miljuni t’Anġli biex igħinu lil wieħed minn uliedha, milli xi darba jingħad li qaddej fidil ta’ Marija, li kien jafda fiha, kien mirbuħ mill-malizzja, min-numru, jew mill-qawwa tal-għedewwa tiegħu.

6.2.5 Hija tinterċedi għalihom (Para. 211-212)

Marija tipproteġi u kontinwament tgħasses fuq il-qaddejja tagħha li ma jmorrux jitilfu l-grazzja t’Alla, u jaqgħu fin-nases tal-għedewwa tagħhom. — San Alwiġi Maria De Montford

santo6296big211. Fl-aħħarnett, il-ħames u l-ikbar benefiċċju li Marija tagħti lis-segwaċi fidili tagħha, hu li tidħol għalihom quddiem Binha u tikkalmah bit-talb tagħha. Tgħaqqadhom miegħu b’rabta l-aktar intima u tgħasses fuq din l-għaqda. Rebekka ġagħlet lil Ġakobb jersaq lejn is-sodda ta’ missieru. U r-raġel xwejjaħ messu, għannqu u anke biesu bil-ferħ, billi kien hekk sodisfatt u kuntent bil-platt imħawwar tajjeb li kien ġieblu Ġakobb. Wara li xamm, bi pjaċir kbir, ir-riħa fina tal-ilbiesi tiegħu Iżakk għajjat: “Ara riħet ibni, bir-riħa ta’ għalqa mbierka mill-Mulej!” (Ġen 27,27). Din l-għalqa mimlija, li r-riħa tagħha saħħret il-qalb tal-missier mhix ħaġ’oħra ħlief il-fwieħa u l-merti ta’ Marija, li hi l-għalqa għanja bil-grazzji, fejn Alla l-Missier żera’ lil Ibnu l-Waħdieni, bħaż-żerriegħa tal-qamħ tal-magħżulin. Kemm togħġob lil Ġesu’ Kristu, il-Missier tad-dinja, li għad trid tiġi, it-tarbija tfuħ bil-fwieħa ħelwa ta’ Marija! Kemm tingħaqad Miegħu malajr u perfettament! Aħna dan kollu diġa’ wrejnih fit-tul.

212. Aktar, meta l-Verġni Mbierka tkun qassmet il-favuri tagħha fuq uliedha u fuq il-qaddejja fidili tagħha, meta tkun ukoll qalgħetilhom il-barka tal-Missier tas-Sema u għaqqdithom ma’ Ġesu’ Kristu – hi tippreservahom f’Ġesu’ Kristu, u Ġesu’ Kristu fihom; Hi tipproteġihom u kontinwament tgħasses fuqhom li ma jmorrux jitilfu l-grazzja t’Alla, u jaqgħu fin-nases tal-għedewwa tagħhom: “Hi żżomm il-qaddisin fil-milja tagħhom” (San Bonaventura). Hi tgħinhom, bħalma diġa’ għidna, li jipperseveraw sal-aħħar. Hekk mela, hi t-tifsira ta’ din it-tixbiha kbira u antika, tal-predestinazzjoni u tal-ħżunija, li hi ftit wisq magħrufa, u hekk mimlija bil-misteru.

7 KAPITLU – L-effetti tal-għaġeb li din id-Devozzjoni ġġib fir-ruħ fidila lejha *** 7.1 Tagħraf lilha nnifsha (Para. 213)

Lill-umli, Marija tagħtih sehem mill-umilta’ profonda tagħha; u bħala riżultat, filwaqt li tmaqdar lilek innifsek, u tieħu pjaċir li tkun immaqdar, inti stess ma tmaqdar lil ħadd. — San Alwiġi Maria De Montford

ReginaMundi213. Għażiż ħija , jien niżgurak li jekk inti tkun fidil lejn il-prattiki interjuri u esterjuri ta’ din id-devozzjoni, li se nispeċifika fil-kapitlu li jmiss, inti jkollok dawn il-benefiċċji.

1. Tagħraf lilek innifsek

1. Bid-dawl li l-Ispirtu s-Santu jagħtik permezz ta’ Marija, l-Għarusa maħbuba Tiegħu, inti tasal biex tagħraf in-natura mħassra tiegħek, it-taħsir tiegħek, u l-inkapaċita’ tiegħek li tagħmel xi ħaġa tajba li m’għandhiex il-bidu tagħha f’Alla, l-Awtur tan-natura u tal-grazzja. B’riżultat ta’ dan it-tagħrif, inti tmaqdar lilek innifsek u tħares lilek innifsek bil-biża’. Inti tħares lejk innifsek bħal bebbuxu, li jħammeġ kollox bil-lgħab tiegħu; jew bħal żrinġ li javvelena kollox bil-velenu tiegħu; jew bħal serp malizzjuż li jfittex biss biex iqarraq. Fl-aħħar, lill-umli, Marija tagħtih sehem mill-umilta’ profonda tagħha; u bħala riżultat, filwaqt li tmaqdar lilek innifsek, u tieħu pjaċir li tkun immaqdar, inti stess ma tmaqdar lil ħadd.

7.2 Parteċipazzjoni fil-fidi ta’ Marija (Para. 214)

Aktar ma tkun miġjub u ffavorit minn din il-Prinċipessa sabiħa u Verġni fidila, aktar ikollok l-imġiba tiegħek kollha mħeġġa b’fidi vera. — San Alwiġi Maria De Montford

The_Annunciation214. 2. Il-Verġni Mqaddsa tagħtik sehem f’dik il-Fidi tagħha, li matul ħajjitha f’din id-dinja, kienet akbar minn dik tal-Patrijarki, tal-Profeti, tal-Appostli u tal-Qaddisin. Issa qed issaltan fis-Sema, fejn tara kollox ċar f’Alla, bid-dawl tal-glorja, Marija m’għandhiex bżonn aktar tal-Fidi. Madankollu, hu pjaċir kbir t’Alla, li Marija ma titlifx din il-Fidi għal kollox meta daħlet fil-glorja: hi għadha żżommha biex tipperserveraha fil-Knisja Militanti, għall-qaddejja fidili tagħha. Aktar, mela ma tkun miġjub u ffavorit minn din il-Prinċipessa sabiħa u Verġni fidila, aktar ikollok l-imġiba tiegħek kollha mħeġġa b’fidi vera. Fidi hekk safja, li bilkemm tħallilek xewqa għas-sentimentaliżmu u għall-istraordinarju. Fidi ħajja mixgħula bl-imħabba, li biha tkun tista’ ttemm l-għemil kollu tiegħek, mħeġġeġ mill-imħabba safja lejha, qawwija u sħiħa bħall-blata li tgħinek biex tibqa’ qawwi u sod, qalb it-tempesti u tbatija. Fidi attivita u penetranti, li bħal “master-key”, misterjuża ddaħħlek fil-misteri kollha ta’ Ġesu’ Kristu, fl-għarfien tal-aħħar fini tal-bniedem, u fil-qalb t’Alla nnifsu; Fidi qalbenija li ġġegħlek tibda u ttemm bla biża’ ħwejjeġ kbar għal Alla u għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Fl-aħħarnett, fidi li taqbad bħal ħuġġieġa l-ħajja divina tiegħek, u t-teżor moħbi tiegħek tal-Għerf Divin, u l-mezz li jista’ kollox int tuża biex iddawwal lil dawk li jinsabu fid-dlam u fid-dell tal-mewt, biex tħeġġeġ lil dawk li huma berdin u li m’għandhomx id-deheb jaħraq tal-imħabba, biex tagħti l-ħajja lil dawk li huma mejtin bid-dnub, biex tqanqal u tikkonverti bil-ħlewwa u bis-saħħa ta’ kliemek, il-qlub iebsa daqs l-irħam u daqs iċ-ċedri tal-libanu; u fl-aħħar, biex tieqaf lix-xitan u lill-għedewwa kollha tas-salvazzjoni tiegħek.

7.3 Il-grazzja tal-imħabba safja (Para. 215)

Marija tiftaħlek qalbek u tagħmilha kbira u ġeneruża, biex inti tkun tista’ tiġri fit-triq tal-kmandamenti ta’ Binha, bil-liberta’ qaddisa tal-ulied t’Alla, u biex tiġi mogħti sehem minn dik l-imħabba safja li tagħha hi t-teżoriera. — San Alwiġi Maria De Montford

virgen-nino29215. 3. Din l-Omm tal-Imħabba Divina, tneħħi minn qalbek l-iskrupli kollha, u kull biża’ servili u mhux floku. Tiftaħlek qalbek u tagħmilha kbira u ġeneruża, biex inti tkun tista’ tiġri fit-triq tal-kmandamenti ta’ Binha, bil-liberta’ qaddisa tal-ulied t’Alla, u biex tiġi mogħti sehem minn dik l-imħabba safja li tagħha hi t-teżoriera. Bħala riżultat, inti ma tkunx aktar immexxi, kif kont s’issa, minn attitudni ta’ biża’ lejn Alla tal-Imħabba, imma mill-imħabba safja Lejh. Inti tħares Lejh bħala l-Missier twajjeb tiegħek, li lilu inti tfittex dejjem li togħġob u li miegħu titkellem bil-fiduċja kollha, bħalma tifel ikellem lit-twajjeb missieru. Jekk disgrazzjatament toffendih, malajr tumilja ruħek quddiemu u bl-umilta’ titolbu maħfra; u b’qalb sempliċi, inti tnewwilu idek u terġa’ tqum bis-saħħa tal-imħabba u bla xkiel jew inkwiet fir-ruħ u tkompli bil-kuraġġ fi triqtek Lejh.

7.5 Komunikazzjoni tar-ruħ u tal-Ispirtu ta’ Marija (Para. 217)

Ħalli l-ispirtu ta’ Marija jkun f’kull wieħed u f’kull waħda minna biex jigglorifika lill-Mulej, u ħalli l-Ispirtu ta’ Marija jkun f’kull waħda minna biex jifraħ f’Alla. — Sant’Ambroġ

il-madonna-tas-sahha-richard-faenza217. 5. Ir-ruħ tal-Verġni Mbierka tikkomunika ruħha miegħek, biex tagħti glorja ‘l Alla, l-Ispirtu tagħha jieħu post l-Ispirtu tiegħek biex jifraħ f’Alla s-Salvatur tagħha – basta tkun fidil lejn il-prattika ta’ din id-devozzjoni. “Sit in singulis anima Mariae, ut magnificet Dominum;sit in singulis Mariae, ut exultet in Deo,” igħid Sant’Ambroġ: “Ħalli l-ispirtu ta’ Marija jkun f’kull wieħed u f’kull waħda minna biex jigglorifika lill-Mulej, u ħalli l-Ispirtu ta’ Marija jkun f’kull waħda minna biex jifraħ f’Alla.” “Meta se jasal dak iż-żmien sabiħ meta Marija, għanja bil-grazzja, issaltan fil-qlub tagħna, bħal Sidt u Sultana, biex qlubna jkunu sottomessi għal kollox għas-saltna ta’ Binha l-Waħdieni Ġesu’ Kristu?” Meta se jasal iż-żmien li l-erwieħ jieħdu min-nifs Marija, bħalma l-ġisem tagħna jirrispira l-arja? Ħwejjeġ tal-għaġeb għad jitwettqu hawn fl-art meta jasal iż-żmien, l-Ispirtu s-Santu jsib lill-Għarusa maħbuba tiegħu bħallikieku mnissla fl-erwieħ, jinżel bl-abbundanza Tiegħu kollha fihom u jimliehom bid-doni Tiegħu, speċjalment bid-don tal-Għerf biex Hu jkun jista’ jaħdem fihom l-għeġubijiet tal-grazzja.

Għażiż ħija, meta jasal tassew dak iż-żmien imbierek, iż-żmien ta’ Marija, li fih ħafna erwieħ magħżula li hija kisbet minn Alla l-għoli, jintilfu fl-abbiss tar-ruħ tagħha, u jsiru xbihat ħajjin ta’ Marija, biex iħobbu u jigglorifikaw lil Ġesu’ Kristu? Dak iż-żmien jasal biss meta d-devozzjoni, li qed nirrikmanda, tkun magħrufa u pprattikata: “Ut adven regnum adveniat regnum Mariae.

7.6 Marija tnissel lil Ġesu’ Kristu fl-erwieħ (Para. 218-221)

Dawk li jħaddnu dan is-sigriet ta’ grazzja, jiena sejjer inxebbaħhom ma’ dawk li jħollu u jagħmlu l-forom. Huma sabu f’Marija l-forma perfetta fejn Ġesu’ kien iffurmat naturalment u divinament u bla ma afdaw fuq il-bżulija tagħhom imma biss fuq il-perfezzjoni tal-forma – huma jitfgħu lilhom infushom u jintilfu f’Marija biex ikunu jistgħu jiġu mibdulin fix-xbieha perfetta ta’ Ġesu’ Kristu. — San Alwiġi Maria De Montford

72563576db20f56ab2baadec3b86ddc8--madonna-and-child-mother-mary218. 6. Jekk Marija, li hi s-siġra tal-Ħajja, tkun ikkultivata tajjeb bil-ġenerożita’ f’ruħna permezz tal-fedelta’ tagħna lejn il-prattiki ta’ din id-devozzjoni, hi tagħmel il-frott fi żmienu; u l-frott tagħha ma jkun ħadd iżjed, ħlief Ġesu’ Kristu. Jien nara ħafna erwieħ devoti li qed ifittxu lil Ġesu’ Kristu, x’uħud b’devozzjoni u oħrajn b’oħra. U wara li jkunu tħabtu ħafna bil-lejl, huma jkunu jistgħu jgħidu biss: “Għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (Lq 5,5). U aħna nistgħu nagħtu t-tweġiba: “Ħdimtu ħafna u qlajtu ftit” (Aggeus 1,6). Dan għaliex Ġesu’ Kristu għadu mhux preżenti biżżejjed fikom. Imma, bit-triq immakulata ta’ Marija u b’dil-prattika divina, li qed nirrikmanda, aħna naħdmu bin-nhar, naħdmu f’post qaddis, naħdmu ftit. F’Marija m’hemmx lejl, għaliex fiha la kien hemm dnub u lanqas dell ta’ dnub. Marija hi post qaddis, hija l-Qaddisa tal-qaddisin, fejn il-qaddisin huma ffurmati u mogħtija s-sura.

219. Nixtieqkom tinnuttaw, jekk jogħġobkom, li jien ngħid li l-qaddisin jiġu ffurmati f’Marija. Hemm differenza kbira bejn li tnaqqax figura billi titfagħha ġo forma. Biex joħolqu figura maqlugħa, l-iskulturi u dawk li jagħmlu l-istatwi jieħdu ħafna xogħol, u teħdilhom ħafna żmien, imma meta jużaw forma, ix-xogħol ikun ħafif u joħorġu l-istatwti tagħhom f’qasir żmien. Santu Wistin isejjaħ lil Marija: “forma Dei…” “Il-forma t’Alla.”: “Int jistħoqqlok tissejjaħ il-Forma t’Alla.” Hi l-forma, magħmula biex tifforma kreaturi jixbhu ‘l Alla. Kull min jiġi mixħut ġo din il-forma divina malajr jiġi ffurmat f’Ġesu’ Kristu, u Ġesu’ Kristu fih. Bi ftit spejjeż u fi żmien qasir, isir jixbah ‘l Alla, ladarba kien miftuħ fil-foma li sawret Alla.

220. Jiena jidhirli li nista’ nxebbah dawk id-diretturi spirtiwali u erwieħ devoti li jfittxu li jiffurmaw lil Ġesu’ Kristu infushom jew f’oħrajn bi prattiki differenti minn dik li jien qed nirrikkmanda mal-iskulturi, li jafdaw fil-ħila, bżulija, u arti tagħhom, jagħtu daqqiet bħax-xita bil-mazza u l-iskarpell fuq il-granit jew l-injam biex joħorġu minn din il-blokka bla forma l-figura ta’ Ġesu’ Kristu. Xi drabi huma jirnexxilhom li jipproduċu biss xbieha ta’ Ġesu’ Kristu mhix perfetta, jew minħabba nuqqas ta’ tagħrif biżżejjed fuq il-persuna ta’ Ġesu’ Kristu, jew minħabba xi daqqa bla grazzja, li tħassar l-opra kollha. Imma, għal dawk li jħaddnu dan is-sigriet ta’ grazzja, jiena sejjer inxebbaħhom ma’ dawk li jħollu u jagħmlu l-forom. Huma sabu f’Marija l-forma perfetta fejn Ġesu’ kien iffurmat naturalment u divinament u bla ma afdaw fuq il-bżulija tagħhom imma biss fuq il-perfezzjoni tal-forma – huma jitfgħu lilhom infushom u jintilfu f’Marija biex ikunu jistgħu jiġu mibdulin fix-xbieha perfetta ta’ Ġesu’ Kristu.

221. Dan hu tassew paragun sabiħ u ġust! Iżda min sejjer jifhmu? Nittama li tkun int għażiż ħija. Imma ftakar li biss dak li jkun maħlul u likwidu jintefa’ ġo forma; fi kliem ieħor inti għandek teqred u tħoll fik innifsek ‘l Adam il-qadim, biex tkun tista’ ssir Adam il-Ġdid f’Marija.

7.7 Għall-akbar glorja t’Alla (Para. 222-225)

Il-Verġni Mbierka fl-imħabba kbira tagħha lejna tixtieq ħafna li tieħu f’idejha verġinali, l-offerta tal-għemejjel tagħna, biex hi tagħtihom sbuħija u dija tal-għaġeb. Hi stess toffrihom lil Ġesu’ Kristu, mingħajr biża’ li jiġu miċħuda. — San Alwiġi Maria De Montford

ourlady1024222. 7. Bil-ħarsien fidil ta’ din il-prattika, inti tagħti glorja ikbar lil Ġesu’ Kristu f’xahar wieħed, milli tista’ tagħti billi tosserva xi prattika oħra għal ħafna snin kienet diffiċli kemm kienet. Dawn li ġejjin huma r-raġunijiet li se nġib biex nurik dan:

1. Għax il-prattika tgħallmek tagħmel l-azzjonijiet tiegħek permezz tal-Verġni Mbierka. Int għalhekk tħalli fil-ġenb l-intenzjonijiet u l-iskopijiet tiegħek. Għalkemm ikunu tajbin u magħrufa sewwa, biex b’hekk inti tintilef, biex ngħid hekk, f’dawk ta’ Marija, għalkemm l-intenzjonijiet tagħha huma moħbija għalik. B’hekk int tidħol u taqsam fis-sublimita’ tal-intenzjonijiet tagħha, li huma hekk safja, illi tagħti glorja akbar ‘l Alla bl-iċken azzjoni tagħha, per eżempju, billi ddawwar l-imgħażel tagħha, jew tagħmel pont ħjata, milli ġie mogħti bil-martirju aħrax ta’ San Lawrenz fuq il-gradilja, jew bl-atti l-aktar erojċi tal-qaddisin kollha. Matul ħajjitha fid-dinja l-Verġni Mqaddsa akkwistat ħażna hekk kbira ta’ grazzji u merti, li kien ikun eħfef li tgħodd il-kwiekeb tas-sema, il-qatriet tal-ilma fil-baħar, jew ir-ramel fuq x-xtajta, mill tgħodd il-merti u l-grazzji tagħha. Hi tat glorja akbar lil Alla milli qatt tawh, jew għad jagħtuh l-Anġli u l-Qaddisin kollha. O Marija, għaġeb tal-għeġubijiet! Żgur li inti bilfors tagħmel għeġubijiet tal-grazzja fl-erwieħ li tassew ifittxu li jintilfu fik!

223. 2. Għax ir-ruħ li hi fidila lejn din id-devozzjoni ma torbotx fuq dak li taħseb jew tagħmel hi min jedda, iżda tafda biss fuq id-dispożizzjonijiet ta’ Marija, biex tersaq lejn Ġesu’ Kristu u anke biex titkellem Miegħu, hi tipprattika aktar l-umilta’ minn dawk l-erwieħ li jaħdmu waħedhom, u mingħajr ma jindunaw, jafdaw dejjem aktar fuq id-disposizzjonijiet tagħhom stess. Għaldaqstant ruħ bħal din tagħti glorja ikbar ‘l Alla, li hu biss perfettament adorat minn dawk ta’ qalb ħelwa u umli.

224. 3. Għax il-Verġni Mbierka fl-imħabba kbira tagħha lejna tixtieq ħafna li tieħu f’idejha verġinali, l-offerta tal-għemejjel tagħna, biex hi tagħtihom sbuħija u dija tal-għaġeb. Hi stess toffrihom lil Ġesu’ Kristu, mingħajr biża’ li jiġu miċħuda; u b’hekk is-Sinjur Tgaħna jirċievi aktar glorja milli kieku offrejnihomlu aħna stess mill-idejn midinba tagħna.

225. 4. Fl-aħħarnett għax meta inti terfa’ ħsibijietek lejn Marija, Marija twassal dawk il-ħsibijiet tiegħek lejn Alla; inti ma tistax tfaħħar jew tqim lil Marija, mingħajr Marija ma tfaħħar u tqim ‘l Alla f’ismek. Marija hi għal kollox orjentata lejn Alla: tassew nista’ nsejħilha r-relazzjoni ta’Alla, ladarba hi teżisti biss fir-relazzjoni tagħha m’Alla, jew bħall-eku t’Alla li jgħid u jirrepeti biss “Alla.” Meta inti tgħid “Marija” hi tgħid “Alla”. Sant’Eliżabetta faħħret lil Marija u sejħitilha “Imbierka” għaliex kienet emmnet; u malajr Marija, l-eku fidil t’Alla, stqarret: “Magnificat anima mea Dominum”, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1,46). Dak li għamlet Marija f’dik l-okkażjoni, issa qed tagħmlu kuljum. Meta hi tkun imfaħħra, maħbuba, onorata jew meta xi rigal jiġi mogħti lilha, hu Alla li jkun imfaħħar, maħbub, igglorifikat u jkun Alla li jirċievi r-rigal permezz ta’ Marija u f’Marija.

8 KAPITLU – Prattiki Partikulari ta’ din id-Devozzjoni *** 8.1 Prattiki esterjuri (Para. 226)

F’din id-devozzjoni hemm xi prattiki esterjuri relevanti u dawn meta magħmula sewwa jgħinu ħafna lid-dispożizzjonijiet interni; għaliex billi l-bniedem hu kreatura, taħt l-influwenza qawwija tas-sensi, hu jkun ta’ sikwit imfakkar b’dawn il-prattiki, f’dak li jagħmel jew f’dak li għandu jagħmel; u għaliex, mhux bħad-dispożiżżjonijiet interjuri, dawn jistgħu jidhru minn barra, hu għalhekk huma tajbin għall-edifikazzjoni tal-proxxmu. — San Alwiġi Maria De Montford

fullsizerender-20226. Filwaqt li l-essenza ta’ din id-devozzjoni hija n-natura interjuri tagħha, hemm xi prattiki esterjuri relevanti li m’għandhomx jiġu traskurati “Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra” (Mt 23,23). Dan hu hekk għaliex il-prattiki esterjuri magħmula sewwa jgħinu ħafna lid-dispożizzjonijiet interni; għaliex billi l-bniedem hu kreatura, taħt l-influwenza qawwija tas-sensi, hu jkun ta’ sikwit imfakkar b’dawn il-prattiki, f’dak li jagħmel jew f’dak li għandu jagħmel; u għaliex, mhux bħad-dispożiżżjonijiet interjuri, dawn jistgħu jidhru minn barra, hu għalhekk huma tajbin għall-edifikazzjoni tal-proxxmu.

Mela ma jiġix xi bniedem tad-dinja jew wieħed li jrid jikkritika jgħidli illi l-vera devozzjoni qiegħda fil-qrib, li l-wirja minn barra għandha tkun maħruba, u li jista’ jkun hemm il-vanita’ f’dan kollu, illi d-devozzjoni għandha tkun moħbija u l-kumplament. Jien nirrispondi mal-Imgħallem tiegħi: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” ( Mt 5,16). Lanqas, bħalma jgħid San Girgor, m’għandu wieħed jagħmel azzjonijiet u devozzjonijiet esterni biex jogħġob lill-bnedmin u jfaħħruh – għaliex din tkun vanita’; iżda dawn l-azzjonijiet xi drabi jkunu magħmulin li jidhru mill-bnedmin, bl-intenzjoni li jfaħħru u jigglorifikaw ‘l Alla bla ma nħabblu rasna mit-tmaqdir u mit-tifħir tal-bnedmin.

Sa nsemmi fil-qosor ftit prattiki esterjuri li jien nsejħilhom “esterjuri” mhux għaliex m’hemmx intenzjoni “interjuri” fihom, imma għaliex għandhom xi sinjal minn barra, li jgħinhom biex jingħażlu mill-prattiki, li huma biss interjuri.