8.2.3 F’Marija (Para. 261-264)

Għandna nafdaw f’Marija bil-kunfidenza; għandna ninħbew b’fiduċja fiha. — San Alwiġi Maria De Montford

Capture4261. Għandna nagħmlu l-azzjonijiet tagħna f’Marija. Biex nifhmu tajjeb dan irridu nkunu nafu:

(1) Li l-Verġni Mqaddsa hi vera Ġenna tal-Art ta’Adam il-Ġdid u li l-ewwel Ġenna tal-Art, kienet biss xbieha tagħha. F’din il-Ġenna tal-Art, mela, hemm rikkezzi misterjużi u tal-għaġeb, sbuħija, affarijiet rari, u ħlewwiet li ma nistgħux nifhmu, li Adam il-Ġdid, Ġesu’ Kristu ħalla hemm. Kien f’din il-Ġenna, li sab l-għaxqa Tiegħu għal disa’ xhur sħaħ u fejn wettaq l-għeġubijiet Tiegħu, filwaqt li wera l-għana Tiegħu b’ġenerożita’ ta’Alla.

Dan il-post imqaddes u magħmul biss minn ħamrija mmakulata u verġni li biha ġie fformat u sostnut bl-opra l-Ispirtu s-Santu, Adam il-Ġdid mingħajr tebgħa jew tiċpisa. Hi din il-Ġenna tal-Art ta’ Marija li fiha żgur is-siġra tal-ħajja li l-Frott tagħha kien il-Frott tal-Ħajja – Ġesu’ Kristu, u s-siġra tal-għerf, tat-tajjeb u tal-ħażin, li tat id-dawl lid-dinja.

F’dan il-post divin, hemm siġar imħawlin bl-id t’Alla u msoqqijin bid-dlik divin tiegħu, li dejjem u li kuljum jagħmlu frott li jogħġob ‘l Alla. Hemm imxietel tal-ward mżejnin b’ħafna ward ta’ kulur sbieħ tal-virtujiet li l-fwieħa tagħhom tasal anke fost l-Anġli. F’dal-post imbierek hemm għelieqi ħodor tat-tama, torrijiet ta’ qawwa li ħadd ma jista’ jirbaħ, djar li jgħaxxqu ta’ fiduċja eċċ. L-Ispirtu s-Santu biss jista’ jġagħlna nifhmu l-verita’ moħbija ta’ dawn ix-xbihat meħudin minn affarijiet materjali. F’din il-Ġenna mbierka nsibu arja pura, mingħajr tniġġis, xemx mingħajr l-ebda dell tad-Divinita’, ġurnata li tiddi mingħajr lejl tal-Umanita’ Mqaddsa ta’ Kristu, u ħuġġieġa taqbad dejjem bl-imħabba, li tħoll il-ħadid kollu li jiġi mixħut fiha u tbiddlu f’deheb fin. Hawn insibu wkoll xmara ta’ umilta’, li titla’ mill-art u li filwaqt li tinqasam f’erba’ friegħi, issaqqi dan il-post meraviljuż; dawn l-erba’ friegħi huma l-erba’ virtujiet kardinali.

262. 2. Permezz tas-Santi Padri, l-Ispirtu s-Santu, jsejjaħ ukoll lil Marija;

(1) l-Bieb tal-Lvant li minnu l-Qassis il-Kbir, Ġesu’ Kristu, jidħol fid-dinja u jitlaq minnha. Hu ġie fid-dinja l-ewwel darba permezz tagħha, u permezz tagħha wkoll jerġa’ jiġi fit-tieni miġja Tiegħu.

(2) Is-Santwarju tad-Divinita’; il-Post fejn tgħammar it-Trinita’ Qaddisa, it-Tron ta’ Alla; il-Belt ta’ Alla; l-Altar ta’ Alla; it-Tempju ta’ Alla; id-Dinja ta’ Alla. Dawn it-titli u t-tifħir differenti li għamel f’Marija, l-Aktar Għoli. X’għana! Xi glorja! X’ferħ! Xi pjaċir ikun, li tkun tista’ tidħol u toqgħod f’Marija – li fiha Alla waqqaf it-tron tal-ogħla glorja Tiegħu!

263. Imma hu diffiċli għalina midinbin, li jkollna l-permess, il-ħila u d-dawl biex nidħlu f’post hekk kbir u qaddis, li hu mħares – mhux bħalma kienet l-ewwel Eden (ġenna) minn wieħed mill-Kerubini – imma mill-istess Spirtu s-Santu, li ħa pussess sħiħ ta’ Marija u li jgħid minnha: “Ġnien magħluq tajjeb int oħti, l-għarusa tiegħi, ġnien magħluq tajjeb, għajn ssiġillata” (Għan 4,12). Marija hi magħluqa; Marija hi ssiġillata. L-imsejkna wlied ta’ Adam u Eva, mkeċċijin mill-ġenna tal-art, jistgħu jidħlu biss għat-tieni darba f’din il-ġenna tal-art bi grazzja speċjali tal-Ispirtu s-Santu – grazzja li huma jridu jimmeritaw.

264. Meta bil-fedelta’ tagħna, nkunu qlajna dil-grazzja singulari, aħna, għandna nibqgħu fil-qalb sabiħa ta’ Marija. Għandna nibqgħu hemm bil-ferħ; għandna nistrieħu hemm fil-paċi; għandna nafdaw f’Marija bil-kunfidenza; għandna ninħbew b’fiduċja fiha u nitilfu lilna nfusna għal kollox biex fil-ġuf verġinali tagħha:

(1) Aħna nistgħu nkunu sostnuti mill-ħalib tal-grazzja tagħha, u mill-ħniena tagħha ta’ omm.

(2) Aħna nistgħu niġu meħlusin mill-inkwiet, mill-biża’ u mill-iskrupli;

(3) Inkunu mħarsin mill-għedewwa tagħna kollha, mid-dinja, mid-demonju u mid-dnub – li qatt ma’ jista’ jkollu post f’Marija. Għalhekk Hi tgħid: “Qui operantur in me, non peccabunt” “Dawk li jaħdmu bija ma jidinbux” (Sir 24,22). Fi kliem ieħor, dawk li jkunu bl-ispirtu fil-Verġni Mqaddsa ma jikkommettux dnub gravi.

(4) Aħna nkunu nistgħu niġu ffurmati f’Ġesu’ Kristu u Ġesu’ Kristu fina; għaliex is-santi padri jgħidu li l-ġuf ta’ Marija hu d-dar tal-Misteri Divini, fejn Ġesu’ Kristu u l-magħżulin Tiegħu kollha ġew iffurmati: “Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha” (S 86,5).

Author: devozzjonilejnmarija

Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza, imma issa, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet. — San Alwiġi Maria De Montford