It-Tielet Metodu

tar-Rev. de Montfort biex jingħad b’siwi r-Rużarju, għall-użu tas-Sorijiet Ulied il-Għerf.

7. Jiena ningħaqad mal-qaddisin fil-ġenna, man-nies ġusti fuq l-art, u mal-fidili kollha hawnhekk preżenti. Jiena ningħaqad miegħek, O Ġesù tiegħi, biex infaħħar kif jixraq lill-qaddisa Ommok u biex infaħħrek fiha u permezz tagħha. Jiena nwarrab l-aljenazzjonijiet kollha li jistgħu jiġuni waqt dan ir-Rużarju. Nixtieq li ngħidu bl-attenzjoni u devozzjoni daqslikieku kien l-aħħar Rużarju li se ngħid f’ħajti Ammen. Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, dan il-Kredu ad unur tal-misteri kollha tal-fidi tagħna, il-Missierna u t-tliet Slimiet ad unur tal-għaqda u tat-Trinità tal-persuni tagħkom. Aħna nitolbuk fidi ħajja, tama sħiħa u imħabba taqbad. Ammen.

Jiena Nemmen f’Alla, Missierna, Sliema għal tliet darbiet. F’kull misteru, wara l-kelma Ġesù, żid kelma biex tfakkar u tagħti ġieħ lil dak il-misteru partikolari. Per eżempju: Ġesù li sar bniedem; Ġesù li jqaddes, eċċ, skont ma hu indikat f’kull posta.

Il-Misteri tal-Ferħ

L-Inkarnazzjoni

8. Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din l-ewwel posta biex nagħtu ġieħ lill-Inkarnazzjoni tiegħek fil-ġuf ta’ Marija; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk li nkunu tassew umli. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, inżidu Ġesù li sar bniedem. Il-grazzja tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tinżel f’ruħna, Ammen.

Il-Viżitazzjoni

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din it-tieni posta biex nagħtu ġieħ liż-żjara li l-qaddisa Ommok għamlet lill-kuġina tagħha Santa Elizabetta u t-tqaddis ta’ San Ġwann il-Battista; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk li nsiru nħobbu lill-proxxmu tagħna. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù li jqaddes. Il-grazzja tal-misteru tal-Viżitazzjoni tinżel f’ruħna. Ammen.

It-Twelid ta’ Ġesù

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din it-tielet posta biex nagħtu ġieħ lit-Twelid tiegħek fl-istalla ta’ Betlehem; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk li ninqatgħu mill-ħwejjeġ tad-dinja, inwarrbu r-rikkezzi u nħobbu l-faqar. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù li qed jitwieled. Il-grazzja tal-misteru tat-Twelid ta’ Ġesù tinżel f’ruħna. Ammen.

Il-Preżentazzjoni fit-Tempju

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din ir-raba’ posta biex nagħtu ġieħ lill-Preżentazzjoni tiegħek fit-tempju u lill-purifikazzjoni ta’ Marija; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk li nkunu safja fil-ġisem u fir-ruħ. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù li ġie issagrifikat. Il-grazzja tal-misteru tal-Preżentazzjoni tinsel f’ruħna. Ammen.

Ġesù jinstab fit-Tempju

Aħna noffrulek, Mulej Gesù, din il-ħames posta biex nagħtu ġieħ meta Marija sabitek fit-tempju; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk li nkunu tassew għorrief. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù il-Qaddis fost il-qaddisin. Il-grazzja tal-misteru ta’ meta Ġesù instab fit-tempju tinżel f’ruħna. Ammen.

Il-Misteri tat-Tbatija

L-Agunija

9. Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din is-sitt posta biex nagħtu ġieħ lill-Agunija tiegħek fil-Ġnien taż-Żebbuġ; permezz ta’ dan ilmisteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbuk li nindmu minn dnubietna. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù fl-agunija. Il-grazzja tal-misteru tal-Agunija ta’ Ġesù tinżel f’ruħna, Ammen.

II-Flagellazzjoni

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din is-seba’ posta biex nagħtu ġieħ lill-Flaġellazzjoni kiefra tiegħek; permez ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbuk li taqlagħlna l-grazzja li ngħakksu s-sensi tagħna. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù li qed jiġi fflaggellat. Il-grazzja tal-misteru tal-Flaġellazzjoni ta’ Ġesù tinżel f’ruħna. Ammen.

L-Inkurunazzjoni bix-Xewk

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din it-tmien posta biex nagħtu ġieħ lill-Inkurunazzjoni tiegħek bix-Xewk; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbuk li nistmerru l-ħwejjeġ tad-dinja. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù inkurunat bixxewk. Il-grazzja tal-misteru tal-Inkurunazzjoni bix-Xewk tinsel f’ruħna. Ammen.

Ġesù jerfa’ s-Salib

Aħna noffrulek, Mulej Gesù, din id-disa’ posta biex nagħtu gieħ meta Int erfajt is-Salib; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbuk li nistabru fis-slaleb kollha tagħna. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù jerfa’ salibu. Il-grazzja tal-misteru ta’ Ġesù jerfa’ Salibu tinżel f’ruħna. Ammen.

Ġesù jmut fuq is-Salib

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din l-għaxar posta biex nagħtu ġieħ lil meta sallbuk u l-Mewt tal-mistħija tiegħek fuq il-Kalvarju; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbu għall-konverżjoni tal-midinbin, għall-perseveranza tat-tajbin u biex l-erwieħ tal-Purgatorju jinħelsu mill-pieni tagħhom. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù msallab.

10. F’din il-posta qabel kull Sliema nitolbu ‘l Alla bl-interċessjoni tad-disa’ kori tal-anġli għall-grazzji li għandna bżonn.

Serafini Qaddisa, itolbu ‘l Alla eċċ. Sliem għalik Marija, eċċ.

Kerubini Qaddisa, itolbu eċċ

Troni Qaddisa, itolbu eċċ

Dominazzjonijiet Qaddisa, itolbu ecc

Virtujiet Qaddisa, itolbu eċċ

Qawwiet Qaddisa, itolbu eċċ

Prinċipalitajiet Qaddisa, itolbu eċċ

Arkanġli Qaddisa, itolbu eċċ

Anġli Qaddisa, itolbu eċċ

Qaddisin kollha tal-ġenna, itolbu eċċ

Glorja lill-Missier, eċċ

Il-grazzja tal-misteru ta’ Ġesù jmut fuq is-Salib tinżel f’ruħna. Ammen.

11. F’għeluq it-tieni rużarju ngħidu għal irkubbtejna dan it-talb:

Talba tar-Rev. de Montfort biex nitolbu ‘l Alla jagħtina għerf Divin.

O Alla ta’ missirijietna, Mulej tal-ħniena, Spirtu tal-verità, Jiena, mikrobu tal-art, ninxteħet quddiem il-Maestà divina tiegħek u nagħraf il-ħtieġa kbira li jiena għandi tal-Għerf divin tiegħek li jiena tlift minħabba dnubieti u b’fiducja fil-wegħda solenni li int għamilt lil dawk kollha li jitolbuk bil-fidi, niġi quddiemek illum u nitlob mingħandek din il-grazzja bl-ikbar serjetà u b’umiltà l-aktar profonda. Ibgħatilna, O Mulej, dan l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek biex iqawwi d-dgħufija tagħna, biex idawlilna moħħna, biex iħeġġilna qalbna, biex jitkellem u jagħmel, jaħdem u jsofri f’għaqda miegħek, biex imexxi l-passi tagħna u jimla qlubna bil-virtujiet ta’ Ġesù Kristu u d-doni tal-Ispirtu s-Santu, għax il-Għerf biss jista’ jagħtina dawn il-grazzji, O Missier tal-ħniena, Alla ta’ kull faraġ, nitolbuk għal dan it-teżor infinit tal-Għerf divin tiegħek, permezz tal-qalb tenera ta’ Marija, permezz tad-Demm Prezzjuż ta’ Ibnek il-għażiż u permezz tax-xewqa kbira li inti għandek li tagħti r-rigali tiegħek lill-kreaturi msejkna tiegħek. Isma’ u aqla’ t-talb tagħna. Ammen.

12. Talba lil San Ġużepp

Sliem għalik, Ġużeppi l-ġust, l-Għerf miegħek, imbierek int fost l-irġiel kollha u imbierek Ġesù, il-frott ta’ Marija, l-għarusa fidila tiegħek. San Ġużepp, missier puttativ den ta’ Ġesù Kristu, itlob għalina midinbin u iksbilna l-Għerf Divin mingħand Alla, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.

Din it-talba tintqal tliet darbiet.

Il-Misteri tal-Glorja

Il-Qawmien mill-Imwiet

13. Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din il-ħdax-il posta biex nagħtu ġieħ lill-Qawmien glorjuż tiegħek mill-mewt; permezz ta’ dan ilmisteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbu għall-imħabba t’Alla u ħeġġa fis-servizz tiegħek. Amen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù qam mill-imwiet. Il-grazzja tal-misteru ta’ Ġesù jqum mill-mewt tinżel f’ruħna. Ammen.

It-Tlugħ fis-Sema

Aħna noftrulek, Mulej Ġesù, din it-tnax-il posta biex nagħtu gieħ lit-Tlugħ trijunfanti tiegħek fis-sema; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbuk li jkollna xewqa ħerqana għall-ġenna, id-dar vera tagħna, Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù jitla’ s-sema. Il-grazzja tal-misteru ta’ Ġesù jitla’ s-sema tinżel f’ruħna. Ammen.

Il-Pentekoste

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din it-tlettax-il posta biex nagħtu ġieħ lill-misteru ta’ Pentekoste; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni ta’ Ommok Marija Santissima nitolbuk li l-Ispirtu s-Santu jinżel fi qlubna. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù jimliena bl-Ispirtu s-Santu. Il-grazzja tal-misteru ta’ Pentekoste tinżel f’ruħna. Ammen.

Marija mtellgħa s-Sema

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din l-erbatax-il posta biex nagħtu ġieħ lill-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ trijunfanti tal-imqaddsa Ommok fil-ġenna; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk li jkollna devozzjoni tenera lejn Omm hekk twajba. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù jtellgħek s-sema. Il-grazzja tal-misteru ta’ Marija mtellgħa s-sema tinżel f’ruħna. Ammen.

Marija Inkurunata

Aħna noffrulek, Mulej Ġesù, din il-ħmistax u l-aħħar posta biex nagħtu ġieħ lill-Inkurunazzjoni tal-qaddisa Ommok; permezz ta’ dan il-misteru u bl-interċessjoni tagħha nitolbuk għall-perseveranza fil-grazzja u għall-kuruna tal-glorja. Ammen.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Ġesù qed jinkurunak.

14. F’din il-posta qabel kull Sliem għalik, Marija nitolbu ‘l Alla bl-interċessjoni tal-qaddisin kollha għall-grazzji li għandna bżonn.

San Mikiel Arkanġlu u l-anġli qaddisin kollha, itolbu ‘l Alla ecc,

Sliem għalik Marija, eċċ.

Sant’ Abraham u l-Patrijarki qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

San Ġwann Battista u l-Profeti qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

San Pietru u San Pawl u l-Appostli qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

San Stiefnu, San Lawrenz u l-Martri kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

Sant’Ilarju u l-Papiet qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

San Ġużepp u l-Konfessuri qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

Santa Katerina, Santa Tereża u l-Verġni qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla.

Sant’Anna u n-Nisa qaddisa kollha, itolbu ‘l Alla eċċ.

Glorja lill-Missier, eċċ.

Il-grazzja tal-misteru tal-Inkurunazzjoni fil-glorja ta’ Marija tinżel f’ruħna. Ammen.

Fi tmiem it-tielet Rużarju tingħad din it-talba:

Talba lill-Verġni Mbierka

15. Sliem għalik, Marija, Bint l-aktar maħbuba tal-Missier Etern, Omm tal-għaġeb tal-Iben, għarusa fidila tal-Ispirtu s-Santu, tempju glorjuż tas-Santissima Trinità. Sliem, Sultana sovrana, li minnek jiddependi kulħadd kemm fis-sema kif ukoll fl-art. Sliem, Kenn żgur tal-midinbin, Madonna tal-ħniena, li qatt ma reġġajt lura lil ħadd. Midneb kif jien, ninxteħet f’riġlejk u nitolbok biex taqlagħli mingħand Ġesù, Ibnek l-għażiż, indiema u maħfra għal dnubieti kollha u r-rigal tal-Għerf divin. Jien nikkonsagra lili nnifsi lilek b’dak kollu li għandi. Illum jiena nagħżel lilek bħala Ommi u s-Sidt tiegħi; ħares lejja bħala l-wild l-aktar batut tiegħek u l-qaddej li l-aktar joqgħod għax-xewqat tiegħek. Isma’, O Sultana tiegħi, it-talb ta’ qalb li tixtieq tħobbok u taqdik fedelment. Tħallix li fost dawk kollha li qatt talbu l-għajnuna tiegħek, jien inkun l-ewwel wieħed li ma smajtx it-talb tiegħu. O tama tiegħi, ħajja tiegħi, Verġni Marija fidila u immakulata, isma’ t-talb tiegħi, ħarisni, qawwini, għallimni, salvani. Ammen.

Ikun imfaħħar, adorat u maħbub Ġesù fis-sagrament l-aktar qaddis tal-altar. Għal dejjem ta’ dejjem.

O Ġesù, Ġesù għażiż tiegħi, o Marija, Omm ta’ Ġesù, maħbuba Ommi, agħtuna l-barka qaddisa tagħkom. Ammen.

leqfu magħna fit-tfixkil tagħna, isimgħuna meta nitolbu, ħarsuna mid-dinja u mix-xitan. Ammen.

Is-superjura tgħid, Nos cum prole pia benedicat Virgo Maria. Ammen.

Author: devozzjonilejnmarija

Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza, imma issa, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet. — San Alwiġi Maria De Montford

One thought on “It-Tielet Metodu”

Leave a comment